Merħba fil-Jum Dinji għaż-Żgħażagħ Quddiesa tal-Ftuħ.

Print Friendly, PDF & Email
“Wara triq twila ta’ tħejjija, fl-aħħar  qegħdin hawn f’Madrid”

Cardinal Stanislaw Rylko

16 t’Awwissu 2011

Ħajr lis-Ms Maria Pia Gauci li għamlet din it-traduzzjoni tad-diskors l-ftuħ

Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2011 ġewwa Madrid

Għeżież żgħażagħ,

Il-jum li lkoll ilna nistennew wasal: il-ftuħ tas-26 Jum Dinji għaż-Żgħażagħ. Wara triq twila ta’ tħejjija fl-aħħar qegħdin hawn f’Madrid, belt sabiħa u moderna li se tkun il-belt kapitali dinjija taż-żgħażagħ Kattoliċi fil-jiem li ġejjin…

“Imbierek minn ġej f’isem il-Mulej!” (Salm 118: 26). Bil-kliem tas-Salmista, inwassal il-merħba mill-qalb u mimlija mħabba f’isem il-Kunsill Pontifiċju għall-Lajċi, id-dipartment tas-Santa Sede li f’idejh il-Papa għażel li jafda l-organizzazzjoni tal-laqgħat dinjija għaż-żgħażagħ.  Insellem ukoll lill-isqfijiet, is-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-lajċi li ġew magħkom hawnhekk u mexxewkom fil-vjaġġ tat-tħejjija spiritwali tagħkom għal din l-avventura ta’ fidi li se ngħixu flimkien għall-ftit ġranet li ġejjin.

Ġejtu għal din il-laqgħa mal-Qdusija tiegħu l-Papa Benedittu XVI u ġibtu magħkom il-pjani u t-tamiet kollha tagħkom, flimkien mat-tħassib u l-biżgħat tagħkom dwar l-għażliet li għandkom quddiemkom.  Dawn se jkunu jiem li ma tinsewhom qatt, jiem ta’ għarfien u deċiżjonijiet importanti li se jkunu deċiżivi għall-futur tagħkom.

Ir-riflessjonijiet u t-talb tagħna matul dawn il-ftit jiem se jitmexxew mill-kliem ta’ San Pawl li intom tafu sew: “niżżlu għeruqkom  fi Kristu, u ibnu l-ħajja tagħkom fi Kristu, u ssaħħu fil-fidi” (ara Kol 2,7).  Dan hu impenn qawwi għax jiġbor fih pjan ta’ ħajja definit għal kull wieħed u waħda minna.   Il-fidi se tkun iċ-ċentru tar-riflessjoni tagħna tul dawn il-jiem.  Il-fidi hi fattur deċiżiv fil-ħajja ta’ kull persuna.  Kollox jinbena fuq jekk Alla jeżistix jew le.  Il-fidi hi bħall-għerq li jsib l-għajn tal-ħajja fil-kelma t’Alla u s-sagramenti.  Hi s-sies, il-blata li fuqha tinbena l-ħajja, il-boxxla ta’ min jorbot fuqha li tmexxi l-għażliet tagħna u tagħtina direzzjoni ċara għal ħajjitna.

Ħafna minna jistgħu jitħassbu: fid-dinja tagħna ta’ llum fejn Alla hu sikwit imwarrab u n-nies jgħixu bħallikieku Alla ma jeżestix, jista’ wieħed ikollu l-fidi?

Għeżież żgħażagħ!  Intom miġburin hawn f’Madrid wara li ġejtu mill-ibgħad irkejjen tad-dinja.  Ġejtu biex twasslu l-għajta qawwija tagħkom lid-dinja —u b’mod partikolari lill-Ewropa li qed turi sinjali li hi tabilħaqq mitlufa — tal-”iva” soda tagħkom li ma terġgħux lura minnha!  Iva, il-fidi hi possibbli.  Hi fil-fatt avventura tal-għaġeb li tħallina nagħrfu l-kobor u s-sbuħija ta’ ħajjitna.  Dan għaliex Alla, muri lilna fil-wicc ta’ Kristu, ma jiċħadx lill-bniedem.  Alla jerfagħna ‘l fuq minn kull qies u lil hinn mill-ogħla ħolm tagħna!  Għall-ftit jiem li ġejjin, flimkien mal-appostli, ilkoll irridu ngħajtu bi ħġarna lill-Mulej: “Kattar fina l-fidi!” (Lq. 17,5). Bħal Sant Anselmu aħna wkoll irridu nitolbu: “Għallini nfittxek, u għarrafni lilek innifsek jien u nfittex, għaliex la nista’ nfittxek jekk ma
tgħallimnix kif, u lanqas nista’ nsibek jekk ma tgħarrafnix lilek innifsek” (Proslogion 1:1).

Aħna u nistennew il-wasla tal-Papa Benedittu XVI, illejla tajna merħba lil mistieden speċjali għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Madrid.  Il-Beatu Ġwanni Pawlu II reġa’ ġie lura għandkom, iż-żgħażagħ li tant ħabb, u li tant kien maħbub minnkom.  Ġie lura bħala l-patrun imqaddes tagħkom u l-protettur li intom tistgħu tafdaw.  Ġie lura bħala ħabib — ħabib li jitlob ħafna minnkom, kif kien iħobb isejjaħ lilu nnifsu.  Ġie biex għal darba oħra jerġa’ jgħidilkom bi mħabba kbira: La tibżgħux!  Agħżlu li jkollkom lil Kristu f’ħajjitkom u li tagħmlu tagħkom il-gawhra prezzjuża tal-Evanġelju li għaliha tkunu lesti li tagħtu kollox!

Għeżież żgħażagħ!

Il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ 2011 f’Madrid issa beda!  Għal darba oħra ngħidilkom: merħba lilkom ilkoll f’Madrid!

3 thoughts on “Merħba fil-Jum Dinji għaż-Żgħażagħ Quddiesa tal-Ftuħ.”

  1. Issa li gejna lura min Madrid, mil- laqa taghna mal-Papa Benedittu XVI u ma tant zghazagh nsara min kull gens u poplu, ejjew inkomplu nafdaw fil- Mulej Alla taghna u nhalluh jurina t-triq flimkien mal-Omm Qaddisa taghna Marija biex nejxu l-Evangelu u nkunu ta xhieda u ta ezempju!

  2. Prosit liz-zghazagh Maltin li qeghdin Spanja ghal din l-okkazjoni kbir. Ejja lura u gibu maghkom ix-xhieda hajja ta’ din l-esperjenza ta’ Knisja Kattolika (Universali). Nitolbu ghalikom.

  3. “Niżżlu għeruqkom fi Kristu, u ibnu l-ħajja tagħkom fi Kristu, u ssaħħu fil-fidi” (ara Kol 2,7). Din hija t-tema ghar-riflessjoni. Ma tghoddx ghaz-zghazagh biss. Tajba ghalina l-koll. L-ewwel wiehed jien. Mhux li kien il-Knisja f’Malta wkoll taddotta din it-tema u tahdem fuqha.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading