L-Evanġelizzazzjoni Ġdida! … Kif?

L-Evanġelizzazzjoni Ġdida!… Kif ?
Kwalitajiet u Karatteristiċi  tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida.
Joe Farrugia

Wara l-artiklu ara wkoll il-kummenti u suġġerimenti aktar ‘l isfel, fosthom dawk ta’ saċerdot li għamel 40 sena fil-Brażil …↴

Sa mill-bidu tal-pontifikat tiegħu, il-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II, saħaq fuq il-bżonn ta’ Evanġelizzazzjoni Ġdida, iżda kien fl-enċiklika tiegħu Redemptoris Missio (RM) li fiha huwa mhux biss spjega x’inhija din l-evanġelizzazzjoni iżda wkoll daħal f’dettal dwar x’għandhom ikunu l-kwalitajiet tagħha. Id-dokument kien pubblikat fis-7 ta’ Diċembru 1990, propju għeluq il-25 sena mid-digriet tal-Konċilju Vatikan II, Ad Gentes. Fih il-Papa juri kif id-differenzi fil-ħidma tal-missjoni waħdanija tal-Knisja, ma jiġux mill-missjoni nfisha, imma miċ-ċirkostanzi li fiha trid isseħħ.

L-ewwel tip ta’ ħidma missjunarja tal-Knisja hi dik li ssir ma’ popli jew gruppi li ma jafux bi Kristu. Hemm imbagħad dik il-ħidma pastorali li ssir ma’ komunitajiet insara fejn il-fidi hija waħda ħajja, fejn l-insara jagħtu xhieda tal-evanġelju f’pajjiżhom u jħossu li huma fid-dmir li jagħtu sehemhom fil-missjoni universali tal-Knisja.  It-tielet ħidma ssir ma’ dawk in-nazzjonijiet fejn gruppi sħaħ ta’ nsara tilfu s-sens ħaj tal-fidi, forsi wkoll iqisu ruħhom li m’għadhomx membri tal-Knisja, jew qegħdin jgħixu ħajja ‘l bogħod minn Kristu u mill-evanġelju tiegħu. F’dan il-każ hi meħtieġa “evanġelizzazzjoni ġdida”, biex dawn il-komunitajiet jerġgħu jiġu evanġelizzati. (RM 33)

Minkejja li kienet pubblikata 21 sena ilu, madankollu din l-enċiklika forsi saret aktar attwali llum minn meta nkitbet. F’pajjiżna qiegħed dejjem jikber u jinħass aktar il-bżonn ta’ ħidma pastorali serja li tindirizza b’mod ġdid il-ħtiġijiet ta’ kultura, tradizzjonalment nisranija, imma li tant hija ‘l bogħod milli tifhem u tħaddan bis-serjetà l-messaġġ tal-evanġelju. U dan minkejja li certi attivitajiet jew ċelebrazzjonijiet, hekk immsejħa “reliġjużi” bħal donnhom kibru u żdiedu.
Għalhekk biex din l-evanġelizzazzjoni ġdida titwettaq sewwa u b’mod li tħalli l-frott, ikun tajjeb li niflu sewwa dawk il-kwalitajiet, li skont l-istess Papa Ġwanni Pawlu II, hija għandu jkollha.

Kristoċentrika.
L-evanġelizzazzjoni ġdida trid qabel xejn tkun iċċentrata kompletament fuq il-persuna ta’ Ġesù Kristu. Il-Knisja mhux biss trid ixxandar il-kelma ta’ Alla, mwassla lilha mill-Imgħallem tagħha, iżda trid qabel xejn twassal lilu stess għaliex kif naqraw fl-istess prologu tal-evanġelju skont San Ġwann, Kristu nnifsu huwa l-Kelma nfisha.

Fir-Redemptoris Missio, il-Papa Ġwanni Pawlu II juri li l-Knisja, sa mill-ewwel predikazzjoni tagħha wasslet lil Ġesù bħala l-uniku Feddej tal-bniedem. Huwa jinsisti li min jipprova jifred il-kelma mill-persuna ta’ Ġesù Kristu jkun qed imur kontra l-istess fidi nisranija (RM 5 u 6)

Illum huwa mportanti ħafna li kontinwament infakkru dwar il-ħtieġa ta’ evanġelizzazzjoni Kristoċentrika għaliex huwa faċli ħafna li naqgħu għat-tentazzjoni li nwasslu evanġelju mingħajr Kristu. Mhux darba jew tnejn nisemgħu priedki sħaħ u korsijiet ta’ eżerċizzi, suppost spiritwali, fejn nippruvaw inwasslu valuri f’kuntest purament soċjali, iżda li fih donnu Kristu ma għandu ebda post. Inkella nistgħu nitfgħu l-attenzjoni tagħna aktar fuq dawk is-sinjali tal-Knisja, li jidħru minn barra, milli fuq Kristu, li dawn is-sinjali suppost jkunu kollha jippuntaw lejH.

Korresponsabiltà.
L-evanġelizzazzjoni ġdida hija r-responsabiltà tal-poplu ta’ Alla kollu. Din saħaq dwarha il-Konċilju Vatikan II, l-aktar fid-dokument Lumen Gentium, iżda minnkejja li għaddew kważi ħamsin sena, bosta nsara għadhom iħossu lilhom infushom esklużi jew eżentati minn dan id-dmir li huwa mogħti lil kull persuna dakinhar tal-magħmudija.

Ħasra li llum bosta għadhom jaħsbu li dmirhom fil-Knisja huwa biss li joqgħodu bilqegħda u fedelment jirċievu dak li huwa mgħoddi lilhom mis-saċerdoti. Jaħsbu li fil-Knisja huma biss il-ftit li xogħolhom huwa biex jagħtu u jamministraw, waqt li l-maġġoranza, qegħdin hemm biss biex jirċievu.  Mill-banda l-oħra, anke fost l-istess lajċi mpenjati fil-ħidma tal-Knisja, għad hemm bosta li jħarsu lejn din il-ħidma tagħhom bħala għajnuna f’xogħol li huwa tas-saċerdot u għalhekk huma qegħdin biex jgħinu minnħabba n-nuqqas ta’ saċerdoti.

Tul l-eżortazzjoni appostolika, Christifideles Laici, il-Papa Ġwanni Pawlu II jinsisti dwar ir-responsabiltà tal-lajċi fil-ħidma tal-Knisja. Imma wkoll fir-Redemptoris Missio huwa jsemmi r-responsabbiltà tal-lajċi f’din il-missjoni, li hija mpenn tal-poplu t’Alla kollu. Huwa jikteb dwar dawk il-lajċi li jsiru evanġelizzaturi, l-aktar bħala katekisti, imma jinsisti li biex jgħixu aħjar il-fidi tagħhom, huma l-insara lajċi kollha li għandhom joffru xi ftit mill-ħin tagħhom lill-Knisja. (RM 71-74)

Kulturali.
L-enċiklika Redemptoris Missio titkellem dwar dak li ssejjaħlu l-inkarnazzjoni tal-evanġelju fil-kulturi tal-popli. Dan ifisser li l-evanġelizzazzjoni ma tridx tkun biss immirata lejn individwi iżda lejn kulturi sħaħ. (RM 52)

Dan ma jgħoddx biss għal dawk il-popli li qatt ma ħaddnu l-evanġelju, iżda wkoll għal dawk li għalkemm huma tradizzjonalment insara, madankollu, bl-influwenza tal-sekulariżmu, anke l-istess drawwiet insara tagħhom, illum ġew paganizzati. Fejn seħħ dan, jew qiegħed iseħħ issa, huwa dmir ta’ dawk l-insara li għadhom iħaddnu t-twemmin tagħhom b’kunvinzjoni, li bil-kelma u bl-eżempju tal-ħajja tagħhom jinfluwenzaw il-kulturi ta’ madwarhom biex fihom jinkarna mill-ġdid l-evanġelju ta’ Ġesù Kristu.

Katekeżi.
Barra minn hekk irridu nifhmu li l-evangelizzazzjoni ġdida ma tinkludix biss it-tħabbir mill-ġdid tal-kelma, iżda hija proċess sħiħ ta’ kristjanizzazzjoni u għalhekk trid tkun imsieħba minn katekeżi kontinwa. Jgħidilna Ġwanni Pawlu II li t-tħabbira tal-evanġelju, biex tkun sħiħa, irid ikollha wkoll katekeżi ekklesjali u sagramentali. (RM 23)

Sfortunatament, f’pajjiżna din il-katekeżi hija spiss limitata għall-klassijiet tad-duttrina li jattendu t-tfal qabel jersqu għall-ewwel tqarbina jew għall-konfirmazzjoni. Xi għaqdiet reliġjużi joffru wkoll katekeżi limitata għall-membri tagħhom u f’ċerti każi din hija miftuħa wkoll għal oħrajn li m’humiex. Iżda l-obbligu ta’ programm tajjeb ta’ katekeżi huwa tal-parroċċa. U dan irid ikun maħsub biex jilħaq lil kulħadd, mit-tfal sal-anzjani. Naħseb li llum fil-parroċċi kollha ssib il-Kummissjoni Kateketika, iżda ma naħsibx li nkun żbaljat jekk ngħid li bosta minn dawn il-kummissjonijiet jipprovdu biss għall-klassijiet tad-duttrina tat-tfal.

Kontemplazzjoni.
Min-naħa tagħhom, dawk li jridu jwettqu fedelment din il-missjoni, għandhom jaħsbu fuq id-dmir li għandhom li jkollhom dik il-qdusija li jitlob minnhom id-don ta’ din il-vokazzjoni. Huma jridu kuljum jiġġeddu fl-ispirtu u jaġgornaw il-formazzjoni dottrinali u pastorali tagħhom. Huwa u jaqdi l-ħidma tiegħu, in-nisrani jeħtieġlu jkun bniedem kontemplattiv. Irid isib it-tweġiba għall-problemi tiegħu fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla u fit-talb, kemm personali u kif ukoll komunitarju. (RM 91)

Kuraġġ.
F’intervista li ta f’Diċembru tal-2010, l-Isqof Rino Fisichella, President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Evangelizzazzjoni Ġdida, qal li l-evanġelizzazzjoni ġdida ma ssirx għaliex qed ngħixu fi żminijiet ta’ kriżi.

Madankollu nafu li meta soċjetà tradizjonalment nisranija bħal tagħna tkun sekularizzata u tgħaddi minn esperjenza bħal ta’ eklissi ta’ Alla, allura għan-nisrani dan jista’ jkun ta’ skoraġġiment kbir.  Il-Papa Ġwanni Pawlu II kiteb fir-Redemptoris Missio, illi jekk nagħtu ħarsa lid-dinja tal-lum, naraw ħafna fatturi negattivi, li jistgħu jwasslu għall-pessimiżmu. Iżda dan hu bla sens għaliex aħna nemmnu f’Alla, il-Missier u Sidna, u fit-tjieba u l-ħniena tiegħu. Imbagħad f’nota qawwija ta’ ottimiżmu jkompli li llum Alla qiegħed iħejji rebbiegħa nisranija tassew tal-għaġeb, li tagħha ġa qegħdin naraw is-sebħ. (RM 86)

Fi ftit ġimgħat oħra fil-parroċċi Maltin jibdew isiru l-Assembleji Parrokkjali annwali. F’dawn il-jiem ukoll, kemm fid-djoċesi kif ukoll f’kull parroċċa suppost qiegħed jitħejja l-pjan pastorali li fuqu trid titfassal il-ħidma pastorali ta’ pajjiżna matul it-tliet snin li ġejjien. F’dan kollu, jista’ jkollna t-tentazzjoni kbira li nżommu l-istatus quo u nibqgħu għaddejjin bil-programm li dejjem imxejna fuqu tul l-aħħar għexieren ta’ snin.

L-alternattiva titlob minna impenn kbir u determinazzjoni sħiħa biex ilkoll flimkien inwieġbu għal din is-sejħa li qed tagħmlilna l-Knisja. Imma hija waħda li fi kliem il-Papa Ġwanni Pawlu II, (RM 91) twassal għas-sebħ ta’ żmien missjunarju ġdid, jum li għad ikun jiddi kollu frott. Qatt daqs illum ma kellha l-Knisja opportunitajiet u okkażjonijiet li twassal l-evanġelju lill-bnedmin u lill-popli. Basta aħna lkoll inwieġbu b’ġenerożita u qdusija kbira għall-sfidi u l-appelli ta’ żmienna.

Tista’ ssib l-Enċiklika Redemtoris Missio bil-Malti billi tikklikkja hawn… »

Aktar dokumenti u tagħrif dwar l-Evanġelizzazzjoni Ġdida. …»