Ittra Pastorali – Il-Kwalita’ tal-Ħajja Nisranija.

Print Friendly, PDF & Email

ITTRA PASTORALI – IL-KWALITÀ TAL-ĦAJJA NISRANIJA

Ħutna,

Qegħdin niktbu din l-ittra tagħna wara mumenti ta’ skiet u riflessjoni. Xtaqna li dan il-kliem ngħiduh f’mument ta’ kalma, bit-tama li jidħol fil-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Inħossu li hemm bżonn jittieħdu deċiżjonijiet importanti fuq il-kwalità tal-ħajja nisranija ta’ kull wieħed u waħda minna. Dawn id-deċiżjonijiet jgħinuna biex ikollna Knisja li tkun ħmira għas-soċjetà ta’ llum. Qegħdin ngħaqqdu din l-Ittra Pastorali max-xahar ta’ Ottubru, biex ngħaqqduha max-xahar tar-Rużarju, ħalli tkun imsaħħa minn din it-talba lil Marija Santissima.

Ir-Realtà tallum

Dawn id-deċiżjonijiet irridu neħduhom fil-kuntest ta’ tliet realtajiet kbar li jagħmlu aktar diffiċli l-għażla tagħna għal iktar twemmin fil-Mulej u għal iktar impenn biex nibnu l-Knisja fuq it-tagħlim ta’ Ġesù.

L-ewwel realtà hi l-bidla qawwija u mgħaġġla tas-soċjetà u l-kultura ta’ madwarna. Għan-nisrani huwa diffiċli jidentifika lilu nnifsu f’kollox ma’ din il-kultura. Hija kultura li għenitna ngħixu aħjar xi valuri bħall-ambjent, l-aċċettazzjoni tal-persuni bi sfond kulturali differenti, il-ftuħ għar-realtà globali bl-opportunitajiet u r-riskji tagħha. Iżda min-naħa l-oħra saret iktar diffiċli li tgħix il-valuri nsara bħalma huma: r-rispett tal-individwu mit-tnissil sal-aħħar mument tal-ħajja, taż-żwieġ dejjiemi u ta’ familja stabbli fejn it-tfal jistgħu jitrabbew f’sigurtà, tal-esperjenza ta’ Alla li permezz tat-talb twassal għal impenn fil-Knisja u impenn kristjan fis-soċjetà.

It-tieni realtà hi li minħabba d-dħul tad-divorzju f’pajjiżna, issa għandna soċjetà li iktar faċli tindarab fil-kuntest taż-żwieġ u l-familja. Dawn għandhom parti importanti ħafna fil-qafas tas-soċjetà u tal-Knisja. Għax id-dħul tad-divorzju jferi kull żwieġ, kemm dak ċivili, kif ukoll iż-żwieġ sagrament.

It-tielet realtà hija l-każ ta’ abbużi ta’ minorenni minn xi saċerdoti. Kull tip ta’ abbuż iġib tbatija enormi. Inħossuna umiljati quddiem il-vittmi tal-abbuż, kif ukoll quddiem il-Knisja u quddiem is-soċjetà li għaliha ġejna mibgħuta biex inkunu xhieda.

Deċiżjonijiet

Quddiem dan kollu, kull wieħed u waħda minna f’dawn il-ġranet irid jieħu deċiżjoni importanti: li jgħix ta’ nisrani f’dawn iċ-ċirkustanzi. U din mhijiex deċiżjoni faċli. Tista’ tittieħed biss jekk il-fidi tagħna fi Kristu, u l-imħabba tagħna għalih u għall-Knisja jkunu iktar qawwija minn dawn il-ġrajjiet għax huma bbażati fuq il-wegħda ta’ Kristu li jibqa’ mal-Knisja sal-aħħar taż-żmien. Nafu li dan huwa possibbli għaliex għexuha l-ewwel dixxipli tal-Mulej – li naqraw fuqhom fl-Atti tal-Appostli – f’ċirkustanzi ibsin u rnexxilhom jgħaddu it-tagħlim ta’ Ġesù lil ta’ warajhom.

Il-Knisja bdiet madwar Kristu mejjet fuq is-Salib u l-biża’ li dan il-fatt ġab fuq id-dixxipli għaxħasbu li kien intemm kollox; l-eperjenza tad-dgħufija tal-membri – Ġuda li ttradih, Pietru li ċaħdu tliet darbiet, l-appostli l-oħra, ħlief  Ġwanni, li telquh waħdu fuq is-Salib. Ma’ din kien hemm ukoll il-persekuzzjoni minn parti kbira tal-Komunità Lhudija li Ġesù kien tant iħobb u mill-Imperu Ruman. Bil-qawmien tiegħu Kristu ta lill-Knisja il-qawwa li tegħleb id-djufija fi ħdanha u tibdel kull  persekuzzjoni f’opportunità ta’ mħabba akbar.

Se jkun hemm min jieħu d-deċiżjoni li jibqa’ bogħod jew joħroġ mill-Knisja. Aħna lil dawn l-aħwa m’għandniex niġġudikawhom. L-imħabba ta’ Alla l-Missier lejn kull persuna, hi min hi, ma tħalliniex niġġudikaw, iżda biss inħobbu, u nħobbu kif ħabb Alla l-Missier li bagħat lil Ibnu biex jurina l-Verità fl-Imħabba li hija l-qofol tal-Fidi tagħna.

L-Istorja tal-Knisja f’pajjiżna

Il-Knisja, anki dik f’Malta, irnexxielha tgħix f’kull ċirkustanza. Fl-istorja tagħha hija għaddiet mill-ewwel żminijiet, meta San Pawl ħalla l-ewwel komunità kristjana f’Malta. Il-ġrajjiet ta’ dik il-komunità huma mistura fl-istorja, iżda ma nistgħux ma ngħaqqduhomx mal-persekuzzjoni li għaddiet minnha l-Knisja fl-Imperu Ruman. Anki fil-mument tal-ħakma mill-Għarab, mill-istudji li saru jirriżulta li kien hemm ‘ġemgħa żgħira’ li rnexxielha żżomm il-fidi.

Kien hemm sekli meta l-istorja tal-Knisja f’pajjiżna kienet imdawra minn appoġġ kulturali u numeriku tal-membri tagħha. Dawn iż-żminijiet taw lil pajjiżna wirt kulturali u reliġjuż li għadu qawwi sa llum, u dan issarraf f’ħafna ġid. Iżda nagħmlu żball jekk naħsbu li dawn il-kundizzjonijiet huma ta’ importanza ċentrali. Meta naħsbu hekk, jista’ jiġrilna li meta jitneħħew jew jinbidlu dawn il-kundizzjonijiet, jaqa’ kollox.

Infatti, meta nagħrfu li l-appoġġ kulturali u politiku hu biss il-qoxra tal-Knisja u tal-Fidi tagħna, allura għandna nfittxu li nintrabtu ma’ dak li hu ċentrali fil-fidi tagħna, Sidna Ġesù Kristu, u nibnu realtà ġdida fiċ-ċirkustanzi ta’ llum. Hija l-isfida tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida li l-Knisja qed tfittex illum. Din tista’ sseħħ biss jekk mal-bini tal-Knisja bħala komunità fl-aspetti esterni tagħha ikun hemm ukoll il-bini minn ġewwa tar-rabta ta’ kull wieħed u waħda minna mal-Mulej Ġesù. Fuq kollox il-Knisja tagħmel ‘suċċess’ biss jekk hi tkun mezz ta’ salvazzjoni għall-bnedmin kollha.

Il-Knisja tista’ tgħaddi mingħajr appoġġ kulturali u politiku għax għandha l-qawwa spiritwali ġewwa fiha. Il-Knisja kontinwament tfittex tisfija minn dak li hu appoġġ estern għal dik li hija s-saħħa tal-konvinzjoni tal-Fidi u tal-Ispirtu s-Santu. Huma mumenti qawwijin ta’ qawmien meta min jagħti s-sehem tiegħu fil-Knisja ma jkollux l-appoġġ ta’  privileġġi soċjali, u allura jħoss il-ħtieġa li jintelaq f’idejn il-qawwa ta’ Alla.

Għażliet

L-Għażla li rridu nagħmlu hija ħafna iktar profonda minn dik li xi drabi t-tradizzjoni u l-kultura jimbuttawna biex nibqgħu marbutin mal-Knisja. L-għażla trid tkun jekk nagħżlux li nkun parti mill-Knisja li trid twassal lil Kristu. L-għażla tiegħi personali, l-għażla tal-familja tiegħi, trid tibda minn ġewwa u tiġi msaħħa bit-talb u bis-solidarjetà tal-Komunità tal-Fidili. Inkella wieħed ma jsibx saħħa biżżejjed biex jgħixha fiċ-ċirkustanzi ta’ llum. Hija din l-esperjenza li aħna qegħdin nipproponu lilkom illum.

Irridu nirraġunaw bħal San Pawl meta kien imtaqqal minn ‘xewka’: li jrid jiddependi iktar fuq is-saħħa tal-Mulej milli fuq il-qawwa tiegħu biss. Dawn kienu l-kliem li qallu l-Mulej: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef” u l-konklużjoni ta’ Pawlu: “għax meta nkun dgħajjef, inkun qawwi” (2 Kor 12, 9.10).

Is-sejħa tal-Papa Benedittu XVI

Nixtiequ nagħlqu din l-ittra billi ningħaqdu mal-Papa Benedittu XVI li jgħidilna fuq ir-realtà tal-Knisja llum:

“Fil-klima l-kbira kulturali ta’ ħafna pajjiżi tal-Punent, l-għeruq tal-Kristjaneżmu għandhom posthom hemm. Imma qegħdin dejjem aktar nersqu lejn Kristjaneżmu ta’ deċiżjoni personali… Ikolli ngħid, min-naħa l-waħda llum jeħtieġ li nissodaw dan il-Kristjaneżmu tal-konvinzjoni, nerġgħu nagħtuh ħajja mill-ġdid u nferrxuh, biex aktar bnedmin jerġgħu jagħrfu jgħixu l-fidi tagħhom. Min-naħa l-oħra rridu nagħrfu li aħna sempliċement m’aħniex identiċi mal-kultura u man-nazzjon – imma li għandna s-saħħa li nagħtu lill-pajjiż valuri li taċċetta li tieħu u nsaħħuhom, ukoll jekk il-maġġoranza mhumiex Insara li jemmnu” (Dawl id-Dinja, 2011, 169).

Huwa fid-dawl ta’ din kollu li l-Knisja f’pajjiżna trid terġa’ tifli u tara l-missjoni li ħallielna il-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu qabel ma ħalla Malta:

“Ħalluni nħeġġiġkom għal darb’oħra biex trawmu għarfien profond tal-identità tagħkom u tħaddnu r-responsabbiltajiet li joħorġu minnha, l-aktar billi tmexxu ‘l quddiem il-valuri tal-Evanġelju li jagħtikom viżjoni ċara tad-dinjità umana u tal-oriġini u d-destin komuni tal-umanità. Kunu ta’ eżempju f’artkom u barra minn artkom ta’ ħajja nisranija dinamika. Kunu kburin bis-sejħa nisranija tagħkom. Għożżu l-wirt reliġjuż u kulturali tagħkom.”

Ommna Marija li kienet f’nofs l-appostli titlob lil Alla l-Missier biex jibgħat l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja, takkumpanjana fit-talb tagħna fix-xewqa ta’ qawwa ġdida fil-Missjoni tagħna li nagħmlu lil Binha ħaj u preżenti fostna permezz tal-Komunità tal-Knisja. Nitolbukom li din l-intenzjoni tagħmluha ukoll fir-Rużarju li nħeġġukom tgħidu kuljum.

Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.

+  PAWLU CREMONA O.P.                                                         +  MARIO GRECH

     Arċisqof ta’ Malta                                                                           Isqof ta’ Għawdex

11 thoughts on “Ittra Pastorali – Il-Kwalita’ tal-Ħajja Nisranija.”

  1. l-ittra pastorali fiha kontenut tajjeb hafna u addatt ghalina. Pero’, insaqsi sa jkollha xi effett fuqna il-Maltin nsara jew sa tghaddi bhalma ghaddew u insejna l-ohrajn li gew qabilha?

  2. Nixiieq nagħmel ftit kummenti fuq l-aħħar ittra pastorali. Ittra ħierġa mill-qalb taż żewġ Isqfijiet Maltin Pawlu u Mario. Ittra ta’ kuaġġ għal Knisja u għalina lkoll. Il-Knisja hija aħna lkoll, jien u int. Il-Knisja li nagħmlu parti minnha, hija Omm u Għallimha. Omm li tħobb, tagħder u taħfer. Dejjem lesta biex tgħin lil kull wieħed u waħda minnha. L-Isqfijiet tagħna għandhom responsabbiltajiet kbar fuqhom u fid-dover li nitolbu għalihom. Jjiddispjaċini għalihom, għax iridu jirrispondu għan nuqqasijiet li setgħu saru fl-imgħoddi u għal oħrajn li jistaw isiru, minn xi membri fi ħdana. Aħna nibqu umani, u faċli li nonqsu. Żgur li l-ħażin jibqa ħażin jagħmlu minn jagħmlu. Irridu noqgħodu attenti li ma’ inweġġawx lil xulxin. Żgur li kull nuqqas iġorr ħtija differenti. In-nuqqas tiegħi li rċevejt ċertu tgħallim u ċerta formazzjoni, iġorr ħtija akbar. Irridu nitgħallmu aktar maħfru u nħobbu. Issa li daħal id-divorzju f’pajjizna kemm l-istat kif ukoll il-knisja jridu joqgħodu aktar attenti f’dak li jgħidu u jagħmlu. Kif qalu tajjeb l-Isqfijiet, id-divorzju żgur li sejjer iferi lil xi ħadd. Nemmen li d-divorzju mhux is-soluzzjoni ta’ kollox. Persuni li sejrin jersqu għaż-żwieġ, fid-dover li jippreparaw ruħhom tajjeb. Iż-żwieġ huwa mpenn li jitlpob mħabba u maħfra l-ħin kollu. Niftakru li ż-żwieġ huwa magħmul minn żewġ persuni ta’ sess oppost, karattru u trobbija differenti. Jista jkun hemm ħafna affarijiet oħra differenti bħalma hija formazzjoni u livell ta’ edukazzjoni. Jiena ngħid li l-bniedem warrab lil Alla. anzi qiegħed jagħmel lilu nnifsu Alla u m’iridx minn jindaħallu. Id-djalogu u l-komunikazzjoni bejn il-koppji naqsu. Il-ħbiberiji żejda jistaw jagħmlu l-ħsara fil-ħajja tal-miżżewġin. It-talb fil-familja naqas u dan huwa fattur ieħor fl-ghaqda tal-familja. Il-familja li titlob flimkien, tibqa flimkien. Naħseb li l-bniedem sar kosumista u materjalista u jibża mis-sagrifiċċju. L-Isqfijiet ħeġġewna biex biex inkunu nies ta’ talb u devoti tal-Madonna. Prosit taċ-ċirkulari u grazzi lill-Isqfijiet tal-ħidma tagħhom u tal-kelma ta’ inkuraġġiment. (Joseph Paul Tonna – Birkirkara)

  3. Il-Pastorali tghid fost hwejjeg ohra li “Hija l-isfida tal-evanġelizzazzjoni l-ġdida li l-Knisja qed tfittex illum. Din tista’ sseħħ biss jekk mal-bini tal-Knisja bħala komunità fl-aspetti esterni tagħha ikun hemm ukoll il-bini minn ġewwa tar-rabta ta’ kull wieħed u waħda minna mal-Mulej Ġesù. Fuq kollox il-Knisja tagħmel ‘suċċess’ biss jekk hi tkun mezz ta’ salvazzjoni għall-bnedmin kollha.”

    Huwa fatt li fic-cirkustanzi li qedin nghixu fihom illum, l-aktar mezz effikaci biex il-Knisja tilhaq il-parruccani ta’ kull eta’ hu l-quddiesa ta’ tmiem il-gimgha. Insostni li ghandna naghmlu l-ahjar uzu minn dan il-mezz biex inpoggu fil-prattika din l-evangelizazzjoni li qed insejhulha gdida. Fil-fehma tieghi dan m’ahniex naghmluh, jew ghall-inqas mhux bizzejjed.
    Dan naghmluh bl-liema mod?
    Fil-fehma tieghi inhoss li l-parrocca ghandha taghmel uzu mill-omeliji biex ixxandar din it-tip ta’ evangelizazzjoni. Dan billi tispjega d-differenza netta bejn ir-religjozita’ naturali u l-krisjanezmu ghax fil-fehma tieghi hafna huma dawk li ma jafux jew ma jafux bizzejjed din id-differenza meta fil-fatt hemm bahar jaqsam bejn wahda u ohra. X’jiswa li nisimghu l-quddies, nghidu r-Ruzarju, niehdu sehem fil-purcissjonijiet, naghmlu l-vizti tas-sebgha knejjes etc. etc. jekk ma nippruvawx nghixu l-hajja taghna ta’ kuljum skond il-Vangelu? Importanti li nxandru li l-Evangelizazzjoni gdida hi msejsa fuq il-Vangelu.
    Inhoss ghalhekk li fl-omeliji s-sacerdot ghandu jdawwal il-parruccani dwar dan Inkella se nibqghu biss fuq livell religjuz naturali.

    Ha naghti ezempju wiehed biex ma ntawwalx. Jekk issaqsi lin-nies xi tfisser ghalihom il-qawmien ta’ Sidna Gesu’ Kristu mill-mewt, it-twegiba hafna drabi x’aktarx tkun li Kristu qam mill-mewt ghax kien Alla. U hekk hu. Imma sa hawn wasalna ghar-religjozita’naturali. L-importanti hu li tigi spjegata kif l-qawmien mill-mewt ta’ Gesu’Kristu ghandha rilevanza fil-hajja taghna ta’ kuljum. Ghax jekk wiehed li qieghed il-Knisja qed jisma’ omelija u ghaddej minn problema kbira ma’ martu u tghidlu li Gesu’ qam mill-mewt ghax propju kien Alla, b’hekk biss ftit li xejn tkun qed tghinu fil-problema li jkun ghaddej minnha. Imma, u hawn tidhol l-evangelizazzjoni l-gdida, jekk tispjegalu li kif Kristu hareg rebbieh fuq il-mewt, l-istess Kristu ghandu l-setgha li jtieh il-qawwa sabiex jirbah il-mewt li ghaddej minnha(f’dan il-kaz inkwiet bejn il-koppja). S’intendi, nistghu nsemmghu diversi mwiet ohra li ahna lkoll nghaddu minnhom kuljum – mard, problemi fuq ix-xoghol, problemi bejn l-ulied u l-genituri……….. Gesu’ Kristu miet propju biex ahna ma mmutux, jigifieri li Hu kapaci jtiena l-qawwa biex ahna nirbhu l-imwiet li ngarrbu f’hajjitna.

  4. Hassejt li din l-ittra kienet tajba, f’mument tajjeb ukoll. Imma nibza li hafna drabi in-nies li jattendu il-quddiesa, ittra bhal din jidrawhom u forsi ma jaghtuhiex importanza daqs kemm tisthoqilha. Kieku kien hemm xi naqra tibdieliet, bhal jaghmel xi power point jew short video (b’ghajnuna ta’ screens li jilhaq lil kulhadt), xi haga differenti li tigbed l-attenzjoni ta’ kulhadt, tal-kbar u zghar…kieku nahseb kienet tghin aktar u twassal iktar il-messagg. Specjalment f’mument u f’okkazjoni importanti bhal dan. Is-semplicita m’hawnx isbah minnha. Li jkun hawn naqra tibdil fil-quddiesa f’okazjoni bhal din nemmen li kienet tghin iktar.

  5. Ittra pastorali sabiħa u b’messaġġ ċar biżżejjed. Meta tismagħha wara li tkun smajt l-aħħar diskors tal-Papa fil-Ġermanja, trid jew ma tridx issaqsi lilek innifsek , Fejn jien jien? qiegħed nirreferi għad-diskors tal-Papa fi Freiburg. Qiegħed nibgħatu kif deher fit-Tablet. ” It will be small communities of believers – and these already exist – whose enthusiasm spreads within a pluralistic society and makes others curious to seek the light which gives life in abundance,” he said last Sunday before leaving Freiburg, the last of three cities on his four-day visit. Darba konna biċċa mill-kultura Maltija.Issa irridu nkunu ħmira. Grazzi kbira lill-isqfijiet tagħna.

    M. Zerafa

  6. Dan kien messagg qawwi ghalina lkoll.Irridu nkunu sodi fil-fidi w l-principji morali. Irridu nibqghu perseveranti sa l-ahhar fiz-zmien difficli li qeghdin fih illum. Ma naqtawx qalbna. Niffissaw haristna l-fuq u zgur Alla jaghtina l-ghajnuna kollha li ghandna bzonn. Dejjem inzommu ruhhna mhejjija bi spirtu ta’ talb. Ma naslux bil-hila taghna B’Alla maghna kollox possibbli.

  7. Li tkun Nisrani qatt ma kienet xi haga facli. Wisq u wisq aktar fiz-zminijiet tallum! L-Isqfijiet ghamlu enfasi fuq l-ghazliet li rridu naghmlu fil-kultura ta’ madwarna. Naqbel hafna ma’ dawk li jemmnu li hafna drabi fil-Knisja naghmlu hafna progetti ta’ x’ghandu jsir etc etc u ninsew li ghandna nibdew billi nduru dawra madwarna u naraw l-ewwelnett x’ser naghmel jien u kif ser ninbidel jien. Kif f’kull mument ta’ hajti kull decizjoni tqila kemm hi tqila irrid nohodha fid-dawl ta’ ” X’irid Kristu minni issa u issa”? etc etc.Xi kultant noqoghdu nitkazaw u nikkritikaw u nkunu negattivi fuq kollox u kulhadd u ninsew naraw kif qed inkunu ahna u nikkritikaw lilna nfusna qabel naghmlu hekk fuq haddiehor. Nemmen, li jekk ma naghmlux hekk ser nibqghu mwahhlin fejn nahna!! Grazzi hafna

  8. Ir-rghajja tal-gzejjer maltin, indikawlna l-htiega li nkunu bnedmin responsabbli ta ghemilna.din titlob process li jrid ikun mibdi mit-tfulija, ikun uniformi u kostanti, minghajr ebda tghawwig; fl-idea tieghi jinhtieg li t-topics tal-pastorali jitkomplew jigu sviluppati f’omeliji, laqghat, diskussjonijiet u sa fejn ikun possibbli fil-media.

    Il-hajja nisranija titlob impenn serju u mhux fsied u kapricci. L-ghalliema fl-iskejjel statali u mhux irid ikollhom affjatament mal-genituri u b’ghaqal kbir nuruhom li kull tant irridu niehdu atteggjament ta’ cruel to be kind kieku nixtieq li l-predikaturi bla jitbeghdu mill-ispirtu tal-pastorali jipprezentaw il-kontenut taghha b’ghaqal u bi kliem intelligibbli.

    Lil Timotju, isqof, Pawlu wissieh li jkun hemm zmien meta s-semmiegha ma jaghtux widen ghall-kelma tal-Mulej, izda Pawlu wissieh li jkompli jxandar is-sewwa.

  9. Inhoss li kienet twila u li kellha twassal ghal xi konkluzjonijiet min-naha tal-isqof. Is-silta tal-papa kienet too much u kien hemm xi zewg frazijiet li kienu tqal wisq ghan-nies bhal fidi tal-konvinzjoni u xi haga ohra li nies komuni ma jifhmux mill-ewwel.
    L-analizi ta fhiex naqblu u fhiex ma naqblux mal-kultura kienet tajba u prudenti hafna.

  10. Ittra pastorali sabiha hafna, tittrata bi prudenza kbira il-problemi li qeghdin jolqtu is-socjeta’ u fl-istess hin turi l-fiducja li ghadu jkollna f’Sidna Gesu Kristu li dejjem ha hsieb il-Knisja Tieghu.
    Nitolbuh biex jillumina lill-mexxejja Spiritwali taghna biex ikomplu jahdmu ghal gid morali ta’ Malta taghna.

  11. Li nersqu lejn deċiżjoni personali, kif talabna l-Papa fil-kwotazzjoni minn ‘Dawl id-Dinja’, hi dejjem ħaġa mixtieqa, u forsi domna ma ntbaħna. Il-kumment tiegħi huwa doppju. L-ewwelnett ma rridx niskuża l-lajċi li jkunu huma l-protagonisti li jsibu lil Kristu u jgħixu miegħu u bih – għax huma l-lajċi li jgħixu mal-lajċi l-ħajja ta’ kuljum. Imma kif? Mingħajr ma neskludu inizjattivi ġodda, ma rridux inwarrbu dak li ġa hemm tajjeb (qed nifhem bħal Għaqdiet u Movimenti li ġa taw frott ta’ ħajja spiritwali – ċerti kummenti fl-Assemblea Djoċesana ma fhimthomx).

    Iżda (u hawn hu t-tieni punt) ifixkel ħafna n-nuqqas ta’ inizjattivi jew il-bruda f’għadd ta’ qassisin. Forsi l-kelma ‘bruda’ tweġġa’, imma meta qassis jaċċetta li status quo u ma jibqax jikber, ikun qed jittradixxi l-missjoni tiegħu. Lanqas ma rrid ninsa li l-qassis huwa uman u dgħajjef bħal kulħadd – imma s-sejħa tiegħu hija biex jikber fl-intimità tiegħu ma’ Ġesù, li twasslu biex joħroġ iressaq lil oħrajn lejn ħajja Nisranija iktar ġenwina. Meta rrimarkaw lil San Ġwann Bosco li ma tantx jistrieħ, dan weġibhom: ‘Imbagħad nistrieħ meta nkun ftit kilometri ’l fuq mill-qamar!’

    Dan qed ngħidu b’idi fuq qalbi, għax naf bis-sagrifiċċji li s-saċerdoti jagħmlu – imma huma (u forsi mhux huma biss) huma msejħin biex jgħixu eroj, martri (xhieda) tas-sejħa u tal-missjoni tagħhom. Saċerdot inqas minn eroj, mhux kuntent Kristu bih. Dan se jinfluwenza lill-familji tagħna, jew għat-tajjeb jew għal bruda ikbar f’dik li hi reliġjon. Membru tal-Museum semmieli kif jersqu tfal għall-Ewwel Tqarbina li fil-familja lanqas iroddu s-salib ma tghallmu. Propju llum fuq TV2000 saċerdot semma l-istess każ fl-Italja (jaslu għall-Ewwel Tqarbina bla ma jafu mqar iroddu s-Salib). Imma mhux il-bruda biss tittieħed – anke l-entusjażmu ġenwin jittieħed – anke l-fidi tittieħed.

    (PS il-kwotazzjoni minn ‘Dawl id-Dinja’ ma sibtx imnejn hi meħuda. Xinhu l-isem originali tad-dokument? NB)

Leave a Reply to victor sciclunaCancel reply

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading