Il-Halloween’ festa pagana.

Donnu qed jerga’  joqrob Halloween.  Anke mill-istess  reklami li tara fuq it-televizjoni tibda tintebaħ. Naraw u  nisemgħu avviżi publiċitarji li jħajjru lill-ġenituri  biex jixtru lill-uliedhom, anke dawk l-aktar ċkejnin,  kostumi mhux biss ta’ sħaħar iżda wkoll ta’  skeletri. F’età tenera meta ż-żgħar tagħna suppost huma ċelebrazzjoni ta’ ħajja  u ta’ tama, aħna nibdluhom f’celebrazzjoni ta’ mewt, ta’ spiritiżmu u ta’ okkult.

Aqra l-istqarrija li  l-Kummissjoni Djoċesana Okkult u Sataniżmu kienet ħarget dwar dan. 

                    Wara iktbilna x’taħseb  int. … 

UFFIĊĊJU STAMPA  – Il-Kurja ta’ l-Arċisqof, Floriana.  REF: 129/2005

STQARRIJA TAL-KUMMISSJONI DJOĊESANA OKKULT U SATANIŻMU DWAR IL-FESTA TAL-HALLOWEEN

Il-Kummissjoni Djoċesana Okkult u Sataniżmu ntalbet tagħti l-parir tagħha minn diversi ġenituri u Youth Centres dwar jekk iċ-ċelebrazzjoni tal-festa tal-Halloween hijiex kompatibbli jew le ma’ min jixtieq jieħu bis-serjetà l-impenn tas-sejħa nisranija tiegħu.

Filwaqt li l-Kummissjoni tagħraf li spiss hemm persuni żgħar u kbar li jiċċelebraw b’mod newtrali din il-festa biss biex ikollhom okkażjoni li jorganizzaw ċelebrazzjoni jew party b’differenza, din l-istess Kummissjoni tinnota li:

– Il-festa hekk imsejħa ta’ ‘Halloween’ hija ta’ oriġini pagana u ssib l-għeruq tagħha fi twemmin mhux imdawwal mill-misteru ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, li bil-mewt u l-qawmien tiegħu fdiena u joffrilna ħajja ġdida, issa u anke wara li ngħaddu mill-passaġġ tal-mewt. Anke jekk hemm min iżomm li din hija biss ċelebrazzjoni antika tal-bidu tax-xitwa, ma’ din il-festa ntrabtu diversi tradizzjonijiet superstizzjużi u tradizzjonijiet oħra li għandhom x’jaqsmu aktar mad-dinja tal-ispiritiżmu u l-okkult fis-sens l-aktar wiesgħa tiegħu. Tradizzjonijiet li fil-fatt ma jaqblux ma’ dak li n-nisrani jemmen fid-dawl ta’ Ġesù Kristu.

– Għal din ir-raġuni, għal min jixtieq jieħu bis-serjetà s-sejħa nisranija tiegħu, il-Kummissjoni jidhrilha li jkun aħjar li din il-festa ma tiġix iċċelebrata. Anke jekk dan isir b’mod superfiċjali u mingħajr l-ebda intenzjoni ħażina, xorta waħda l-istess ċelebrazzjoni ssir sinjal ta’ ftuħ lejn kultura neo-pagana u tlaqqim fil-kultura tal-okkult, komuni ħafna fi żminijietna.

– Ikun aktar jixraq li wieħed jifhem għaliex din iċ-ċelebrazzjoni ma taqbilx mat-twemmin nisrani u jivvaluta mill-ġdid il-wirt nisrani li fih tfakkarna kontinwament il-Knisja:

i. Fl-1 ta’ Novembru, in-nisrani huwa msejjaħ jiċċelebra l-festa tal-Qaddisin kollha, dawk li l-Papa Benedittu XVI, liż-żgħażagħ miġbura f’Cologne, sejħilhom “ir-rivoluzzjonarji veri tas-soċjetajiet tagħna”.

ii. L-għada, imbagħad, issir it-Tifkira tal-Fidili Mejtin kollha, fejn permezz ta’ Kristu nitolbu għall-għeżież mejtin tagħna u aħna stess nirċievu l-ġid li jwassal it-talb tagħhom għalina.

iii. Żewġ tifkiriet li jfakkruna fl-għaqda tal-Knisja tal-art ma’ dik tas-sema.

Ikun sabiħ jekk l-okkażjoni ta’ dawn il-jumejn tagħti lok biex wieħed jiċċelebra l-fidi tiegħu, u fuq l-eżempji tal-qaddisin, jifhem li għan-nisrani, il-ferħ veru jinsab f’relazzjoni ta’ ħbiberija vera u ħajja ma’ Kristu Ġesù, il-Feddej tal-bniedem.