Ittra Appostolika dwar is-Sena tal-Fidi.

Print Friendly, PDF & Email

Ittra Apostolika  mill-Papa Benedittu XVI – Porta Fidei (Il-Bieb tal-Fidi)

Minn-Leħen is-Sewwa,  Sibt 22 ta’ Ottubru 2011

Nhar it-Tnejn, 17 ta’ Ottubru, il-Papa Benedittu XVI ippubblika l-Ittra Apostolika Porta fidei (Il-Bieb tal-fidi) li biha istitwixxa s-Sena tal-Fidi li se tibda f’Ottubru 2012 u tintemm fl-24 ta’ Novembru, 2013. F’Ottubru, 2012 se titlaqqa’ l-Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet li se tittratta dwar “L-Evanġelizzazzjoni Ġdida fit-trasmissjoni tal-Fidi Nisranija”.

Fid-dokument tiegħu, il-Papa jistqarr li qiegħed jistitwixxi din is-Sena tal-Fidi bi tweġiba għall-kriżi profonda tal-fidi li affettwat lil ħafna nies u ħalliethom ifittxu tweġibiet. “Sa mill-bidu tal-ministeru tiegħi bħala Suċċessur ta’ San Pietru”, kiteb il-Papa, “tkellimt fuq il-bżonn li nerġgħu niskopru l-vjaġġ tal-fidi sabiex iwasslilna b’mod aktar ċar id-dawl fuq il-ferħ u l-entużjażmu   mġedded tal-laqgħa tagħna ma’ Kristu.”

Huwa kompla jispjega li l-“Bieb tal-Fidi” huwa dejjem miftuħ u huwa l-muftieħ biex nidħlu fil-Knisja ta’ Alla. Il-mixja tal-fidi tibqa’ sejra tul il-ħajja kollha, mill-magħmudija sakemm naslu  sal-ħajja ta’ dejjem. Ta’ spiss jiġri li l-Insara jagħtu aktar ħsieb u jimpenjaw ruħhom aktar fir-realtajiet soċjali, kulturali u politiċi minn dawk spiritwali. Huwa għalhekk li fost ħafna nies teżisti kriżi profonda ta’ fidi. Il-bniedem illum għalhekk għandu bżonn jerġa’ jsib il-gost tal-Kelma t’Alla u jisma’ lil Ġesù li jistedinna biex infittxu l-ħobż li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.

L-iskop tas-Sena tal-Fidi, spjega l-Papa, huwa dak li toffri lill-Knisja kollha okkażjoni biex fiha nirriflettu u nerġgħu niskopru l-fidi. Din mhix l-ewwel darba li l-Knisja qed tiċċelebra s-Sena tal-Fidi. Dan għaliex il-Knisja dejjem għandha bżonn tiġġedded fil-fidi, issaffiha, tikkonfermaha u tistqarrha.

It-tiġdid fil-Knisja jrid iseħħ permezz tax-xhieda tal-ħajja ta’ dawk li jemmnu għaliex is-sejħa tagħhom hija dik li permezz tagħhom tiddi l-verità tal-Kelma li ħallielna l-Mulej. Barra minn hekk, il-Knisja minkejja li hija qaddisa, għandha fi ħdanha l-midinbin u għalhekk hija għandha bżonn tissaffa u timxi ’l quddiem fit-triq tal-penitenza u tat-tiġdid.

Is-Sena tal-Fidi għalhekk hija stedina għall-konverżjoni awtentika u mġedda fil-Mulej, l-uniku Salvatur tad-dinja. Fil-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu, Alla wriena l-milja tal-Imħabba li ssalva  u ssejjaħ lill-bnedmin għall-konverżjoni permezz tal-maħfra tad-dnubiet.

Hija l-imħabba ta’ Kristu li timlilna qalbna, kompla l-Papa, u tħeġġiġna biex nevanġelizzaw anki llum u tibgħatna fit-toroq tad-dinja biex inħabbru lil kulħadd il-Vanġelu tiegħu lill-ġnus kollha. Huwa meħtieġ illum niskopru l-ferħ fit-twemmin tagħna u nerġgħu insibu l-entużjażmu biex nikkomunikaw il-fidi. F’din is-Sena tal-Fidi, dawk li jemmnu jridu jiċċelebraw din is-Sena, f’mument ta’ bidla fid-dinja, billi jħeġġu lil dawk li jemmnu fi Kristu biex jissaħħu u jsaħħu l-għaqda tagħhom fil-Vanġelu, jistqarru l-fidi tagħhom fi Kristu Rxoxt fil-Katidral u l-knejjes tad-dinja kollha, fid-djar u l-familji u jittrasmettu l-fidi lill-ġenerazzjonijiet
futuri.

In-nisrani ma jistax jaħseb li l-fidi hija xi ħaġa privata għaliex din titlob minnu responsabbiltà soċjali. Matul din is-Sena, irridu niskopru l-għana tat-tagħlim li l-Knisja laqgħet u ħarset matul elfejn sena ta’ storja. Irridu niltaqgħu ma’ Kristu li jinsab preżenti fil-Knisja, fil-Liturġija u s-Sagramenti. Irridu nintensifikaw ix-xhieda tagħna tal-karità għaliex il-fidi mingħajr karità tkun biss sentiment. Hija l-fidi li ssostnina biex inħarsu bit-tama fl-impenn tagħna fid-dinja waqt li qegħdin nistennew “smewwiet ġodda u dinja ġdida, fejn tgħammar il-ġustizzja.” (Ap. 21, 1).

Il-Papa jtemm il-Motu Proprio bil-kliem: “Aħna nemmnu b’fidi ferma li l-Mulej Ġesù rebaħ il-ħażin u l-mewt. B’din il-fiduċja żgura aħna nafdaw fih. Huwa jinsab preżenti fostna u jirbaħ is-setgħa tal-ħażin (Lq. 11, 20), u l-Knisja, komunità viżibbli tal-ħniena tiegħu, tibqa’ fih bħala sinjal ta’ rikonċiljazzjoni definittiva mal-Missier. Aħna nafdaw dan iż-żmien ta’ grazzja f’Omm Alla,  inħabbra “hienja għaliex emmnet.” (Lq. 1, 45).

4 thoughts on “Ittra Appostolika dwar is-Sena tal-Fidi.”

  1. Is-Sibt 26 ta’ Novembru, 2011 fil-quddies ta’ fil-għaxija u l-Ħadd 27 ta’ Novembru, 2011 fil-quddies kollu nqrat l-ittra pastorali ta’ l-Avvent ta’ l-Isqfijiet tagħna Pawlu Cremona u Mario Grech. Pastorali mill l-isbaħ. Hija rejalta li ħafna ‘INSARA’ warbu lill Alla u mhumiex jgħixu l-fidi tagħhom. L-Isqfijiet għamlu referenza fejn il-Papa Benedittu XV1 ħabbar is-sena tal-fidi. Hemm bżonn li niskopru aktar lil Alla li huwa kollu ‘IMĦABBA u ĦNIENA’ Il-fidi hija Don Kbir li trid taħdem għaliħ u tindukraħ. Fidi mingħajr opri hija mejta. Il-fidi tiġi mis-smigħ tal-kelma t’Alla u mill frekwenza tas-sagramenti speċjalment il-qrar u tqarbin. Bħalma l-ġisem biex ikun b’saħħtu trid it-tieħ ikel bnin u tajjeb, hekk il-fidi tagħna. Aħna l-lajċi npenjati li għandna ċerta formazzjoni irridu nkunu ta’ għajnuna għal ħutna b’eżempju tajjeb tagħna u ma’ nibzawx niddefendu u nxandru lil Kristu. Irridu nwasslu lil Kristu kull fejn inkunu, fid-dar, fuq ix-xogħol, fit-triq, fil-ħanut, etc. Irridu nkunu saċerdoti oħra, mhux li nqaddsu jew inqarru, imma li inwasslu lil Kristu li huwa għani fil-ħniena u l-imħabba. Irridu nkunu dawl , ħmira u melħ ta’ l-art. Żgur li Alla fuq hekk sejjer jiġġudikana, fuq dak li nagħmlu. Tagħlim hawn kemm trid, irridu nkunu li nfixxuħ

  2. Papa Benedittu hu l-kap tal-Knisja li jaghraf is-sinjali taz-zminijiet u ta’ bniedem gharef u qaddis joffri soluzzjonijiet li jghoddu ghaz-zminijiet taghna. is-sena tal-fidi proposta minnu hu mezz effikaci propost ghall-bniedem ta’ llum. Jinthieg li jintuzaw il-mezzi kollha adatti biex kelmet il-Mulej titwassal lil kull bniedem b’mod genwin.
    Nipprexindu minn opinjonijiet kultant kontrastanti ta’ xi teologi, jinhtieg li nidhlu fil-fond tal-messagg li jrid iwasslilna l-awtur sagru.

    Meta ma kellniex f’idejna t-traduzzjonijiet ta’ kelmet il-Mulej f’ilsienna, San Gorg Preca kien jinsisti biex il-membri muzewmini jitghallmu bl-amment siltiet twal mill-Bibbja.

    Ejjew nisimghu b’impenn il-kelma t’Alla immorru l-quddies b’impenn, preparati mis-siltiet li ser jinqraw (ghajnina kbira mill-kitbiet tac-CAK) u nhallu kelmet il-Mulej tahdem fina

  3. Din l-ittra tal-Papa hija ispirata fi zmien opportun meta l-krizi profonda tal-fidi qeda tmajna bil-kbir. Hemm bzonn li nergghu niskopru mill-gdid il-valuri nsara u dawk id-drawwiet tal-imghoddi li kienu jaghtuna sostjen kbir biex inzommu ruhna u qalbna fil-grazzja ta’ Alla.
    Ejjew huti nduru lejn il-verita’ tal-kelma li hallielna l-Mulej fejn fiha nsibu It-Triq, il-verita’ u l-hajja.

  4. L-ittra tal-papa ta’ min jaghti kaza ghaliex kif qal hu d-dinja saret materjalista . Ahna bhala nsara ghandha nkunu mpenjati mill-att spirtwali ghax fuq kollox din il-hajja hija preparazzjoni ghal hajja ohra. Ahna bhala nsara ghandna r-responsabilta li nkunu mhejjija. Huwa mportanti hafna kif nghixu. Naghmlu uzu tajjeb tal-hin taghna u mhux mohhna fid-divertiment, flus, poter u affarjiet ohra li jistghu jfixxkluna. Ma nkunux nsara aljenati. Alla jara l-gewwieni taghna. Ghalih mhux importanti x’poter ghandna zda kemm ahna disposti ghar-rieda tieghu u li nghixu kif jixtieqna Hu.

Leave a Reply to anthony mallia borgCancel reply

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading