Twemmin u Fidi l-istess?

Twemmin u Fidi l-istess?

Meta nitkellmu jew nisemgħu oħrajn jitkellmu dwar dan is-suġġett spiss nintebħu li aktarx ma nagħmlux differenza bejn “twemmin” u “fidi”; dak li bl-Ingliż insejħulhom “belief and faith”.

Jista’ jkun …

  • li meta nużaw il-kelma “fidi” aktarx inkunu rridu nfissru “twemmin”?
  • li b’fidi spiss nifhmu dik il-lista ta’ dawk il-veritajiet li li tgħallimna fil-klassijiet tar-reliġjon?
  • li t-twemmin tagħna huwa biss att intelletwali u xejn aktar minn hekk?
  • li f’dan is-sens it-twemmin jista’ jwassal jew forsi ġieli wassal għal ideoloġiji li jkunu wkoll il-kawża ta’ firda, ġlied u gwerrer.

Mill-banda l-oħra, fid-dokument Porta Fidei il-Papa Benedittu XVI jitkellem dwar …

  • il-ferħ tal-fidi u l-entużjażmu biex wieħed jikkomunikha lill-oħrajn;
  • fidi li tikber meta ngħixuha bħala esperjenza ta’ l-imħabba li rċevejna u meta nikkomunikawha bħala esperjenza ta’ grazzja u ferħ;
  • fidi li twassalna biex nagħtu l-frott, għax twessa` ‘l qalbna bit-tama u tagħmilna kapaċi nagħtu xhieda li tagħti l-ħajja;
  • fidi li tiftaħ il-qalb u l-moħħ ta’ dawk li jisimgħu u jwieġbu għal-istedina tal-Mulej biex jisimgħu kelmtu u jsiru dixxipli tiegħu.

Madankollu il-Papa jitkellem ukoll dwar l-importanza tat-twemmin u l-verità tal-fidi u jgħid li l-fidi tikber u tissaħħaħ biss billi nemmnu. Jikteb li ma hemmx possibiltà oħra biex inkunu ċerti għajr dik li nintelqu dejjem aktar f’idejn l-imħabba li l-għajn tagħha hu Alla.

U inti x’taħseb li huwa meħtieġ fil-Knisja f’Malta biex it-twemmin tagħna jimmatura f’fidi vera?

X’hemm bżonn biex minflok jiddeġenera f’ideoloġija, it-twemmin ikun dak li jwassal li min jemmen f’relazzjoni, mhux ma’ sett ta’ veritajiet imma mal-persuna ta’ Ġesù Kristu?

Wara kollox il-fidi tiegħna mhix f’lista ta’ dommi imma fil-persuna ta’ dak li fih nilmħu l-istess Alla.

Iktbilna.  Napprezzaw ħafna l-kummenti tiegħek.