Il-Knisja u l-2012

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sena 2012 – Lejn it-tmiem jew lejn bidu ġdid?

Is-sena li għadna kif bdejna, ilha fuq fomm bosta, l-aktar fil-mezzi tal-media sa minn bosta xhur ilu. Kien hemm min interpreta kitbiet antiki biex wasal għall-konklużjoni li tmiem id-dinja hu fil-qrib, eżattament fil-21 ta’ Diċembru 2012.  Oħrajn ma qablux u insistew li l-istess kitbiet ma jħabbrux it-tmiem, imma propju il-bidu ta’ żmien ġdid.

Personalment naħseb li lil bosta persuni, il-logħob bin-numri jimmeraviljhom.  Forsi għaliex fin-numri ta’ din id-data, 20.12.2012,  jilmħu ċertu faxxinu, allura ħasbu li bilfors irid ikun fihom tifsira speċjali, xi kataklażmu straordinarja jew it-twelid ta’ era ġdida. Minn jaf x’għad iridu jivvintaw għad-data 21.12.2112.  Imma sa dakinhar ħafna minna ma jkunux hawn.

Dan kollu, lil uħud iffakkarhom f’dak li suppost kellu jseħħ fil-bidu tas-sena 2000. Imbagħad qalulna li mhux fil-bidu tagħha, imma fi tmiemha.  Għal dawk li bħali għandhom ċerta età, jfakkarhom ukoll fit-tliet ijiem tad-dlam, li kellu jkollna fl-1960.

L-2012 u Vatikan II

Imma waqt li bosta huma mitlufa f’qari u previżjonijiet appokalittiċi, għall-Knisja Kattolika wkoll, is-sena 2012 hija waħda importanti u bi ġrajjiet li ma nistgħux inħalluhom għaddejja, lanqas f’pajjiżna.

Per eżempju, f’din is-sena ma nistgħux ma nfakkrux il-ħamsin anniversarju mill-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II li seħħ fil-11 ta’ Ottubru 1962. Kien l-akbar avveniment tal-Knisja fis-seklu għoxrin.  Ma nemminx li għandna nfakkruh b’ċerimonji u ċelebrazzjonijiet għax minn dawn spiss ikollna ħafna.  Aktar għandna nfakkru l-wirt kbir li ħallilna fid-dokumenti tiegħu. Huma dokumenti li bosta minna nsewhom. Oħrajn għadhom ma skoprewhom qatt.  Huma dokumenti li minkejja li għaddew kważi ħamsin sena minn fuqhom, iżda għadhom tant attwali anke għal żmienna.

Imma dwar il-Konċilju, minbarra l-kitbiet, irridu nfakkru b’mod speċjali l-ispirtu tiegħu.  Spirtu ta’ konverżjoni interna u tiġdid.  Spirtu ta’ tama u ħeġġa. Spirtu ta’ ottimiżmu u qawmien karatterizzati fit-tbissima ta’ Ġwanni XXIII u fl-għajta tiegħu, “aggiornamento”.

Sinodu dwar l-Evanġelizzazzjoni Ġdida.

Avveniment importanti li se jseħħ fil-Knisja matul l-2012 huwa s-Sinodu tal-Isqfijet dwar l-Evanġelizzazzjoni Ġdida.  Żgur mhux b’kumbinazzjoni li anke dan se jiftaħ fil-11 ta’ Ottubru.   Fih se tkun rappreżentata wkoll il-Konferenza Episkopali Maltija.

Se jkunu laqgħat ta’ importanza kbira għall-Knisja kollha għaliex fihom l-isqfijiet iridu jfasslu pjan serju għat-triq li l-Knisja trid timxi minnha f’dan is-seklu.  Sintendi, it-triq tal-Knisja hija Kristu u l-evanġelju tiegħu.  Dwar dan ma hemm ebda dubju għax dan il-kliem qalu Ġesù nnifsu. (Ġw 14:7).    Imma l-Knisja għandha dikjarazzjoni ċara u qawwija oħra dwar it-triq tagħha. Għamilha il-Papa Ġwanni Pawlu II.  “Il-bniedem hu bħal triq prinċipali li l-Knisja trid tgħaddi minnha biex taqdi l-missjoni tagħha: huwa l-ewwel triq u t-triq ewlenija għall-Knisja.” (Redemptor Hominis 14)

Ċert li f’dawn iż-żewġ dikjarzzjonijiet kbar, dik ta’ Kristu u dik tal-Papa Ġwanni Pawlu II ma hemm ebda kontradizzjoni.  Iżda bla dubju ta’ xejn joffru sfida enormi għalina lkoll li flimkien illum niffurmaw il-Knisja ta’ Kristu.  Kif tista’ l-Knisja fi żmienna timxi fl-istess waqt minn dawn iż-żewġ toroq li fil-verità huma biss triq waħda?

Is-Sena tal-Fidi.

Fil-11 ta’ Ottubru 2012 se tibda wkoll dik li hi dikjarata mill-Papa preżenti bħala, “Is-Sena tal-Fidi”. Benedittu XVI qal li din trid tkun opportunità li tgħin il-Knisja  biex  tagħmel żmien ta’ riflessjoni  u tiskopri mill-ġdid il-fidi. (Porta Fidei 4) Ġejja mill-Papa nnifsu, dikjarzzjoni bħal din tista’ tħasseb lil uħud. Għaliex il-Papa jgħid li l-Knisja trid tiskopri mill-ġdid il-fidi?  Forsi dan ifisser li l-Knisja tilfet il-fidi?

Mhux skop tagħna f’din il-kitba qasira li nagħtu tweġibiet imma li nressqu domandi.  Mistoqsijiet li huma wkoll jistgħu jgħinnu biex issir riflessjoni, kemm fija bħala nisrani, kemm fina bħala komunità.

L-għodda f’idejn il-Knisja huma bosta.  Il-Kelma ta’ Alla hija dubju ta’ xejn fost l-aktar importanti.  Magħha hemm ukoll is-Sagramenti, b’mod speċjali dak tal-Ewkaristija. Għandna wkoll minjiera kbira ta’ dokumenti, kitbiet u diskorsi mill-Knisja stess.  Il-Papa jisħaq b’mod partikolari dwar il-Katekiżmu.

Intlifna fit-Tempju?

Meta kellu tnax-il sena, it-tfajjel Ġesù kien intilef fit-tempju.  Jekk nimxu mal-kalendarju Gregorjan, allura dan seħħ eżattament elfejn sena ilu. Imma lanqas dan l-anniversarju m’għandu jkun okkazzjoni oħra biex niċċelebraw iżda biex nirriflettu.

Dakinhar, fi kliem it-tfajjel Ġesù kienet ir-rieda tal-Missier stess li huwa jkun f’dak li hu ta’ Missieru.  Iżda kif għaddew it-tliet ijiem, Ġesù mar lura ma’ niesu lejn ir-raħal tiegħu fejn baqa’ jikber fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja, quddiem Alla u quddiem il-bnedmin. (San Luqa 2:52)

Kultant nistaqsi lili nnifsi, jista’ jkun li llum aħna wkoll intlifna fit-tempju?  Mhux għal tliet ijiem, imma għal tliet sekli. Forsi aktar ukoll. Mhux neċessarjament għax din għalina din kienet ir-rieda tal-Missier, imma għax forsi kien aktar komdu li nibqgħu hemm ġew?

Domandi għalik biex twieġeb.

U issa xtaqt ukoll nistaqsi lilek li qed taqra…

Ma taħsibx, inti wkoll, li llum wasal il-waqt li nilqgħu l-isfida u noħorġu ‘l barra mill-knejjes, mis-sagristiji u mill-għaqdiet u naqdfu ‘l barra fil-fond?

Ma taħsibx li mill-wirt tal-Konċilju Vatikan II skoprejna ftit wisq, għax it-testment tiegħu għadna ma ftaħnihx?

Forsi mhux minnu li minkejja l-ħafna diskorsi dwar Evanġelizzazzjoni Ġdida, din il-frażi llum saret biss clichè għax la nafu xi tfisser u lanqas kif se nibdew nwettquha?

Kif se nibdew issa stess inħejju lilna nfusna bis-serjetà biex meta ftit xhur oħra tasal fuqna s-Sena tal-Fidi, din ma tibqgħax għaddejja bla ma nintebħu biha?

Napprezzaw ħafna l-kummenti u s-suġġerimenti tiegħek.

11 thoughts on “Il-Knisja u l-2012”

  1. Jiena waqt li nemmen li dejjem ghandna nzommu l-valuri u taghlim li rcevejna dejjem quddiemna rridu wkoll inkunu ferm konxji ghad-delikatezza ta’ zmienijiet li ghaddejja minnu l-Knisja. Fuq kollox personalment nemmen hafna li s-sahha trid l-ewwel tigi mill-fond ta’ qalbna biex inwassluha lil hadd iehor. Nemmen hafna wkoll li kull sacerdot u wisq aktar kull kappillan jew arcipriet ghandu responsabilta’ kbira kif jagixxi mal-poplu u jrid ikun ta’ ezempju tajjeb bil-prattika u mhux kemm jikkwota l-qari tal-Bibbja u x’jghid il-vangelu meta fil-verita’ ma jipprattikax dak li jwassal. Il-merhla tajjeb li jkollha rghajj tajjeb li jurijha li jhobbha u jrid itiha l-ahjar ghal gid taghha u jkun qrib taghha kemm jista’ jkun…. HEKK BL-EZEMPJU TA’ MHABBA ZGUR LI L-KELMA TASAL U THALLI L-FROTT MIXTIEQ….!

  2. Kemm ilna nisimghu minn dan id-diskors sabih u wara hames snin minn mindu lahaq Arcisqof, Pawlu Cremona donna qed nimxu lura u mhux ‘l quddiem kif jixtieq hu. Frazi sbieh tieghu li hemm bzonn nergghu mmorru lura ghall-ewwel zminjiet tal-Knisja, uhud lanqas biss taw kashom. Dan l-ahhar fl-ittra tieghu; lill-Kappillan, jishaq biex ninqatghu minn nostalgija tal-passat u nohorgu fiz-zmien ta’ llum hi wahda mill-isbah frazi tieghu. Hu ta’ swied il-qalb tara li qed isir proprju l-kuntrarju. Nghid hekk ghax dawn l-ahhar snin kelli hafna kunatti ma’ sacerdoti li gew ordnati u stghagibt nara x’menatlita’ hi hierga mis-Seminarju. Piki min ikollu l-izjed bizzalla fl-alba u l-ispilllazzi, ghandna alba ghal nhar t’ xoghol u 2 ghall-Hadd. Wiehed ftahar mieghi li l-pjaneta tal-ewwel quddiesa qamitlu daqs libsa tal-gharusa! Biex ma semmiex il-kalci. Hemm qed isiru piki biex jinxtraw l-ghola kalci u nitkixxef kemm xtrah siehbi biex tieghi ikun itqal u fih aktar deheb! Sahansitra ordnajna cassocks minn barra bil-buttini tal-ghadam u maghhom gibna beretin.

    Possibli li b’dan kollu sa jirnexxilna nigru wara n-nghaga l-mitlufa? Kemm ghandek ragun tghid li wasal z-zmien nohorgu mit-tempju u nimirhu fil-folla l-istess kif kien jaghmel Gesu’: jigri u ipoggi bilqighda mal-publikani u l-midinbin ghax il-marid ghandu bzonn it-tabib u mhux minn hu b’sahhtu.

    Il-Knisja llujm ghandha bzonn tiehu aktar hsieb iz-zghazagh li lesti jilgqhu il-klema ta’ Gesu imma rridu immorru ahna lejhom.

    Ghandna sacerdoti li libsu bhaz-zghzagh u qed jaghmlu tant gid. Imma dawk shabhom libsin l-casock qed jghidu bihom! Possibli li nfehmu lil dawn is-sacerdoti zghir li l-futur tal-Knisja jiddeppendi kemm sa jaghtu xhieda huma tal-veru Gesu’ li qatt ma hareg fit-toroq liebes bhal kulhadd imma kellu il-verita’ ‘jaghallem. Hfna sacerdoti mghobbija fiz-zmien dan fehemuh u kemm qed jaghmlu gid!

  3. Jekk ahna l-insara, illum infallu mill-nipproklamaw l-evangelju ta’ Gesu’ b’bizzejjed kunvinzjoni u entuzjazmu, allura dan huwa qabel kollox ghaliex ninsew li t-tifsira vera taghna hija dik li nezistu ghall-ohrajn. Il-Knisja ma tezistix biex tipperpetwa lilha nfisha , biex thares lilha nfisha mill-hsara, biex tkabbar is-sigurta’ taghha. Hija tezisti biex tmexxi lill-ohrajn lejn gharfien tal-imhabba feddejja ta’ Alla f’Gesu’ Kristu. U sakemm hija tezisti tassew ghall-ohrajn, allura il-Knisja hija invunerabbli u triumfanti. (John Main fil-ktieb “Word of Silence:A Manual for Christ, Christian Community 1)

  4. This article is based on the importance of a specific date in the future. As a practical person I see no relevance to any religion and it would be very unwise for anybody to read into the future. Predictions are for the very wise or very stupid and thus leave us insecure in our thoughts. It is important for humans to live honestly and according to our needs not wants.
    Reading the Holy Bible can leave us with a different view according to what part we read. I have found my answers in ECCLESIASTICUS (Sirach).
    In our total wisdom (or ignorance) humans are ill-equipped to fully understand the workings of our master. Our brain cannot support eternal bliss and those who have been blessed with a slight view have died from the shock.
    Peace be with you.

  5. Hemm bżonn li inkunu saqajna fl-art u ngħixu il-hajja ta’ l-2012. In-nies jridu jintlaħqu bil-mezzi li jeżistu il-lum. Quddies, omeliji etc huma tajbin imma dawn ma jilħqux lil minn ma jattendix il-knisja jew immur darba kulltant. Jien nemmen li messaġġi qosra, sempliċi u ripetuti spiss (bħal ma qed issir fuq it-TV permezz ta’ li-slots “ngħixu l-Fidi) fuq it-TV (possibbilment fuq li-stazzjonijiet prinċipali kolla) u radio. Issir użu ukoll mill-internet, posters, billboards etc. Hemm bżonn li l-Knisja tkun preżenti kontinwament fis-soċjeta’. Is-suġġetti magħżula għandhom ikunu attwali u trattati b’mogħod modern u mingħajr ħafna ekwivoċi. Sinċerament inħoss li hemm bżonn li s-saċerdoti, speċjalment dawk li jieħdu sehem f’programmi tat-Tv jew radio iżżommu l-opinjonijiet tagħhom għalihom u jesprimu it-tagħlim uffiċjali tal-Knisja. Fil-passat riċenti kienu bosta is-saċerdoti li ħolqu diżgwid fost il-poplu. Anke tqassim b’xejn fid-djar ta’ tagħlim reliġjuż jista jħalli l-ġid. Jien nemmem bis-sħiħ li messaġġi qosra miktubin tajjeb iħallu aktar effett minn kitbiet twal. Minn ma jkunx interessat mhux se jaqra fit-tul filwaqt li messaġġ jew aħjar slogan jaqrah bla ma jrid!

  6. Nahseb li ahna hadna hafna mill-knisja pero ghandna ma mmarturajniex. Hemm bzonn nifhmu jekk kelli esperanza ta’ Gesu huwa bzonn u neccessita li vwassalha lil haddiehor, kemm bil kelma kif ukoll bill fatti. Naghraf il-bzonn li nitqaddes jiena biex inqaddes lil haddiehor. Il-fidi illum saret challenge kbir ghalina l-insara pero dan ma ghandux jaqtalna qalbna. Irriedu nkunu midhla tal Kelma t’Alla ghax hi biss fiha l-verita’.Jekk ahna naqraw il-hajja tal-qaddisin (illum mhix moda) naraw kif bhalhom insew kollox u afdaw f’Alla. Nahseb li l-festi taghna qed jehdulna hafna mill-energija u ftit li xejn ihallu il-frott evangeliku. Marija Santissima tghallimna kif nghixu s-Silenzju – Talb – Appostolat u imhabba kbira lejn Alla il-Missier.

  7. Jien naħseb li anke fil-knejjes għandna nkunu ċari għax ghad-divorzju jista’ jkun li vvutaw għalih anke nies li huma fil-knejjes.
    Għandna nkunu cari anke fl-omeliji tagħna la nkunu fis-sħab u lanqas li jkun tqil li it-tfal ma jifhmux għax it-tfal huma il-futuri fil-knisja ta’ għada.

  8. Hu veru li l-knisja meta tixxxandar fil-quddiesa l-liturgija tal-kelma u waqt l-amministrazzjoni ta’ sagramenti ohra trid twassal b’mod effikaci l-messagg ta’ Alla (ma inhix inhalli barra okkazjonijiet bhal funerali, meta jkollok udjenza mista,(bla neskludi mistiednin ta’ hajja bierda) tigijet, tberik ta’ djar jew progetti ohra, irid jinghata messagg li jkun mifhum u jibqa’ fil-memorja. Ghadna diversi laqghat u programmi minn assocjazzjonijiet t’ finalitajiet diversi, tkun haga logika li fundamentalment ikun indirizzat tajjeb it-taghlim konciljari. Ftit snin ilu gie tradott bil-malti kompendju tat-taghlim konciljari u tal-katekizmu tal-knisja . Niskopruhom u nkomplu nelaboraw fuqhom.Ma nittraskurawx il-potenzjalijiet tal-media, indirizzata wkoll ghat-tfal, skond l-intelligenza taghhom. Salvare il salvabile kienet espressjoni li spiss kien jikkwota il-mibki Arcisqof M. Gonzi. Kuragg! amb

  9. Artiklu dwar l-2012 tassew rilevanti għal min tassew għandu għeruq sodi tal-fidi fih. U grazzi talli baghttuli. Jien bdejt tassew ngħix il-fidi tiegħi meta bdejt immur l-Quddies kuljum u nisma mhux il-Quddies – kif aħna l-Maltin inħobbu ngħidu – iżda nisma l-kelma ta’ Alla fil-qari tal-Quddiesa, kemm mit-Testment il-Qadim u ukoll mill-ġdid. Tisimgħu kemm tisimgħu dejjem għandu messaġġ personali għall kull min jkun qed jisma – u mhux preżenti biss fil-Knisja! Il-Quddiesa tieħu valur ġdid meta inti tmur biex tisma l-Kelma ta’ Alla u tkun xhieda tas-Sagrifiċċju ta’ Ġesu’ f’kull Quddiesa li tisma.
    Rigward l-Evanġelizzazjoni Ġdida, jien wisq nibża li diġa saret ‘buzzword’. Jiena dejjem nżomm lil Ommna Marija Santissma bħala mudell għall fidi tiegħi. Bis-silenzju tagħha tant wriet kemm kienet munument ħaj tal-fidi, għax emmnet f’dak li ma setgħetx tifhem b’moħħ uman. Dak is-silenzju li tant hu nieqes fil-bniedem tal-lum għax fl-istorbju li qed ngħix ma jħallniex nisimgħu leħen Alla. Għalhekk jekk minn jemmen tassew, bħal Marija jevanġelizza permezz tal-fidi li jgħix u mhux li jippriedka, allura imbagħad Alla kapaċi jċaqlaq il-muntanji.
    L-Ispirtu s-Santu għandu wkoll parti kbira fix-xogħol tal-evanġelizzazzjoni. Meta nintelqu f’idejħ, il-Qawwa Tiegħu tmexxina u s-saħħaħna.
    Josephine

  10. Forsi mhux hasra li ghal hafna minna aktar mohhna fil-kitbiet tal-Mayas milli fil-Kotba Mqaddsa u fid-dokumenti tal-Knisja?

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading