Għeżież ħuti,
F’din il-katekeżi nixtieq nagħmel pawsa qasira fuq iż-żmien tar-Randan , li jibda llum bil-Liturġija tal-Erbgħa tal-Irmied. Hu itinerarju ta’ erbgħin jum li se jwassalna għat-Tridu tal-Għid, tifkira tal-passjoni, mewt u qawmien mill-imwiet tal-Mulej, il-qalba tal-misteru tas-salvazzjoni tagħna. Fl-ewwel sekli tal- ħajja tal-Knisja dan kien żmien li fih dawk li kienu semgħu u laqgħu t-tħabbira ta’ Kristu kienu jagħtu bidu, pass wara pass, għall-mixja tagħhom ta’ fidi u ta’ konverżjoni biex jaslu li jirċievu is-sagrament tal-Magħmudija. Kienet kwistjoni li jersqu lejn l-Alla l-ħaj u ta’ daħla għall-fidi li titwettaq ftit ftit, permezz ta’ bidla ġewwinija min-naħa tal-katekumeni, jiġifieri ta’ dawk li kienu jixtiequ jsiru Nsara u jkunu mdaħħla fi Kristu u fil-Knisja.