PR/2012/001 – 14 ta’ Marzu 2012
Tnedija ta’ Skola ta’ Evanġelizzazzjoni
Permezz tal-Ittra Appostolika Ubicumque et Semper, il-Papa Benedittu XVI waqqaf il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni l-Ġdida. Il-kunċett ta’ “evanġelizzazzjoni l-ġdida” l-Papa preżenti jgħid li ssemma’ l-ewwel darba mill-Papa predeċessur tiegħu, il-Beatu Ġwanni Pawlu II, li fl-Eżortazzjoni Appostolika Christifideles Laici ddeskriviha bħala l-ħidma sfiqa minn lajċi mpenjati sabiex jistabbilixxu komunitajiet ta’ fidi. Però l-Papa preżenti jisħaq li l-kunċett innifsu ta’ evanġelizzazzjoni kien diġà qed jingħata l-importanza mistħoqqa anke minn Papiet preċedenti, partikolarment dawk ta’ wara l-Konċilju Vatikan II. F’dan il-konċilju ġiet ikkunsidrata r-relazzjoni bejn il-Knisja u d-dinja fl-era moderna. Għalhekk kienet diġà bdiet tinħass il-ħtieġa li l-popli jilqgħu b’mod aktar sħiħ il-Kelma t’Alla mxandra b’relevanza għal żminijietna. F’Malta wkoll, il-ħtieġa li tiżvolġi ruħha din l-evanġelizzazzjoni ilha tinħass ferm. Dan joħroġ ċar b’mod speċjali meta jiġi kkunsidrat il-fatt li mhumiex ftit dawk li jħossuhom indifferenti għal Alla, tant li saħansitra anke f’sitwazzjonijiet ta’ bżonn jista’ jagħti l-każ li mgħadhomx jirrikorru lejH. Huwa f’dan is-sens li f’Jum il-Lajċi Nsara li għadna kemm fakkarna fid-9 ta’ Marzu 2012, il-Pro-Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Mons. Anton Gouder, stqarr li bħala evanġelizzaturi rridu nibnu pontijiet ta’ ħbiberija ma’ dawk ta’ madwarna biex Ġesù jkun jista’ jgħaddi minn fuqhom, minn għandna għal għandhom. Għal dan il-għan, il-Komunità Kariżmatika ‘Beyond Thyself’ li tiltaqa’ fil-Parroċċa tas-Ssma. Trinità il-Marsa, u li tagħmel parti mill-Komunjoni ta’ Gruppi u Komunitajiet tat-Tiġdid Kariżmatiku f’Malta, qiegħda tniedi skola ta’ Evanġelizzazzjoni. Din il-viżjoni ħarġet matul iż-żmien, b’ħafna talb u dixxerniment. Is-siltiet mill-Iskrittura Mqaddsa li wassluna sabiex inħaddnu din il-viżjoni kienu dawn:
- “Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida; feġġet issa: Għadkom ma ttendejtux? Se niftaħ triq fix-xagħri, xmajjar fid-deżert” (Isaija 43, 19).
- “Flok ix-xewk jikber iċ-ċipress, u flok il-ħorrieq jikber ir-riħan, u jkun għall-Mulej tifkira, sinjal dejjiem li ma jinqatax” (Isaija 55, 13).
- “Ma jkunx hemm aktar lejl, lanqas ma jkun jinħtieġ dawl tal-lampa, lanqas dawl tax-xemx, għax il-Mulej Alla jdawwalhom u jsaltnu għal dejjem ta’ dejjem” (Apokalissi 22, 4).
- “Għaddu, għaddu mill-bwieb, wittu t-triq għall-poplu, rawmu, rawmu t-triq, naddfuha mill-ħaġar, għollu sinjal għall-popli” (Isaija 62, 10).
- “U jsejħulhom Poplu Mqaddes, il-mifdijin tal-Mulej, u lilek isejħulek imfittxa, belt mhix mitluqa” (Isaija 62, 12).
- “Intom il-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja; ma tistax tinħeba belt li qiegħda fuq għolja” (Mattew 5, 13; 14-15).
- “La bil-ħila, la bil-qawwa, imma bl-Ispirtu Tiegħi, jgħid il-Mulej tal-eżerċti” (Żakkarija 4, 6).
Il-mira ta’ din l-iskola hija li trawwem persuni, li wara li jattendu għall-kors, dawn ikunu jistgħu joħorġu jagħmlu xogħol ta’ evanġelizzazzjoni fil-parroċċi. Għalhekk, din l-iskola hija miftuħa għal dawk li jixtiequ jevanġelizzaw imma jeħtieġu t-taħrig. L-Isem tal-iskola Din l-iskola ingħatat l-isem ta’ ‘Floodlights’; li t-tifsira tiegħu hija li d-dawl ta’ Kristu jrid jinfed id-dlam bil-qawwa tiegħu u jġib il-konverżjoni. Il-Viżjoni L-iSkola ta’ Evanġelizzazzjoni ‘Floodlights’ tfittex li jkollha sehem mill-viżjoni tal-Knisja Kattolika bħala knisja evanġelika. Aħna nfittxu li nwettqu din ir-realtà billi nipprovdu taħriġ biex nibnu l-Knisja ta’ Kristu kif irid Hu. Il-Missjoni Tagħna Il-missjoni tal-iSkola hija: “Emmen il-Kelma t’Alla, Għallem dak li Temmen, Għix dak li Tgħallem”. L-iSkola ta’ Evanġelizzazzjoni tikkontribwixxi biex tiżviluppa mentalità missjunarja billi toffri programm ta’ formazzjoni biex:
- Tifforma Dixxipli – Kattoliċi b’passjoni u qalb biex iwasslu l-Bxara t-Tajba lil dawk li għadhom ma laqgħux lil Ġesù fil-ħajja tagħhom bħala l-Mulej u s-Salvatur.
- Tħarreġ Evanġelizzaturi – Tgħin Kattoliċi biex jiżviluppaw il-kapaċità u l-kunfidenza biex jevanġelizzaw.
- Tifforma Komunità Evanġelika – Billi twaqqaf l-istruttura neċċessarja fejn l-Ispirtu s-Santu jkun jista’ jaħdem bil-qawwa Tiegħu u jġedded il-Knisja.
Sillabu Is-Sillabu tal-iskola ġie mfassal b’tali mod li jinkludi l-aspett Teoretiku (Bibbliku/Duttrinali) kif ukoll l-aspett Prattiku tal-evanġelizzazzjoni. Għal dan il-għan, kull sessjoni hija maqsuma f’żewġ lezzjonijiet – waħda Teoretika u waħda Prattika. Dan jassigura li s-suġġetti studjati jkunu trattati b’mod sħiħ. Huwa ppjanat li l-iskola jkollha żewġ ‘terms’ – l-ewwel wieħed ta’ sitt lezzjonijiet (waħda kull ġimgħa kull nhar ta’ Erbgħa), u t-tieni wieħed ta’ tmien lezzjonijiet. L-aħħar lezzjoni ta’ kull ‘term’ tieħu l-forma ta’ seminar ta’ nofstanhar. Dan ikun fil-ġurnata tal-Ħadd. L-ewwel sena tal-iskola se tkun miftuħa għal persuni mill-parroċċa tas-Ssma. Trinità, però jista’ jkun il-każ li jiġu aċċettati persuni minn paroċċi oħra. Is-Sillabu kollu għall-ewwel sena hu dan: L-Ewwel Simestru
It-Tieni Simestru
Sessjoni Nru. |
Suġġett |
Data / Ħin Sena 2012 |
1A |
Ġesù – Jgħallem permezz tal-parabboli |
11 t’April 19.00 – 20.30 |
1B |
Il-Katekiżmu llum – Mezzi ta’ evanġelizzazzjoni |
18 t’April 19.00 – 20.30 |
2A |
Il-Knisja bħala familja fl-Atti tal-Appostli |
25 t’April 19.00 – 20.30 |
2B |
Il-Familja bħala post ewlieni ta’ evanġelizzazzjoni |
2 ta’ Mejju 19.00 – 20.30 |
3A |
San Pawl – Xandâr tal-Kelma u li jwaqqaf komunitajiet |
9 ta’ Mejju 19.00 – 20.30 |
3B |
L-Għaqdiet Reliġjużi fil-Parroċċa bħala mezz ta’ evanġelizzazzjoni |
20 ta’ Mejju 08.30 – 12.30 |
Sessjoni Nru. |
Suġġett |
Data / Ħin Sena 2012 |
4A |
Il-Qadi fil-Knisja – L-ewwel Knisja – Djakonija (Sammaritan it-Tajjeb) |
5 ta’ Settembru 19.00 – 20.30 |
4B |
Ix-Xhieda tagħna fl-għajnuna lil xulxin |
12 ta’ Settembru 19.00 – 20.30 |
5A |
Il-Ħajja ta’ Talb fil-ħajja tan-nisrani |
19 ta’ Settembru 19.00 – 20.30 |
5B |
Metodi ta’ Talb |
26 ta’ Settembru 19.00 – 20.30 |
6A |
Sagramenti u Evanġelizzazzjoni |
3 t’Ottubru 19.00 – 20.30 |
6B |
Tattiċi fil-Komunikazzjoni – Kapaċità lejn djalogu evanġeliku |
10 t’Ottubru 19.00 – 20.30 |
7A |
Kun af aħjar lilek innifsek – Stima personali |
17 t’Ottubru 19.00 – 20.30 |
7B |
Naħsbu Pożittiv |
21 t’Ottubru 08.30 – 12.30 |
Aħna nemmnu li jekk ilkoll nagħrfu s-sinjali taż-żminijiet, l-Ispirtu s-Santu jimraħ bina u jużana biex iwettaq ir-rieda tiegħu fiż-żminijiet tal-lum. Aktar informazzjoni dwar din l-iskola, tista tinkiseb permezz ta’ e-mail lid-diretturi fuq dan l-indirizz: soe.floodlights@gmail.com Ray Cutajar Direttur Ġenerali