Claude Newman, Afrikan Amerikan, twieled fl-1923 u ta’ ħames snin, missieru qabad u ħadu għand nanntu. Claude kien iħobbha ħafna lil nanntu iżda meta din reġgħet iżżewġet, ir-raġel, Sid Cook, beda jaħqarha.
Wara xi snin dawn isseparaw. Iżda jidher li Claude lil Sid ma ħafirilux għax darba minnhom, għamel għalih u qatlu. Inqabad u ngħata s-sentenza tal-mewt.
Fil-ħabs, waqt li kien jistenna l-jum li jiġi ġġustizzjat, kien f’cella ma’ erbgħa oħra. Darba minnhom ra domna ma’ għonq priġunier ieħor. Saqsieh x’kienet iżda dak qabad id-domna, tefagħha fl-art u qallu : tista’ toħodha. Claude ġabarha, ħares lejha, u qiegħdha ma’ għonqu għalkemm ma kienx jaf x’kienet. Fil-fatt, kienet il-medalja mirakoluża tal-Madonna.
Dak il-lejl, stenbaħ meta ħass xi ħadd imisslu idu. Ma’ ġenbu jara lil, kif qal hu stess, l-isbaħ mara li qatt ħalaq Alla. Għall-ewwel beża’, iżda Hi qaltlu: Jekk tridni nkun ommok u inti tkun ibni, ibgħat għal qassis kattoliku. Newman beda jgħajjat li ra spirtu u li ried qassis kattoliku.