Servizz Ekumeniku ta’ Għid il-Ħamsin

 
Fl-okkażjoni ta’ Għid il-Ħamsin ser isir Servizz Ekumeniku organizzat mill-Kunsill Ekumeniku ta’ Malta flimkien mal-Kummissjoni Ekumenika Djoċesana.
 
Tema:- “Aħna lkoll wieħed fl-Ispirtu”
 
Data:- Il-Ħamis, 31 ta’ Mejju 2012
 
Ħin:- Fis-6.30 pm.
 
Post:- Fil-knisja ta’ Sant Ursula, Triq Sant Ursulo, Valletta.
 
Jippriedka:- Fr Mark Sultana.

Jeħtieġ Nissieltu l-Ħażen

Waqt ikla mal-Kulleġġ tal-Kardinali biex ifakkar is-seba’ anniversarju mill-bidu tal-Pontifikat tiegħu, il-Papa Benedittu XVI radd ħajr lill-eqreb kollaboraturi tiegħu għall-appoġġ tagħhom fil-jiem ta’ ferħ u anki f’dawk ta’ diffikulta, tul iż-żmien li ilu jokkupa l-kariga ta’ Papa, fis-Sede ta’ Pietru.

Il-Papa beda biex radd ħajr ‘l Alla għall-jiem ta’ ferħ u anki għal dawk li sejjaħ ‘l-iljieli mdallma’. Għadda biex jirrifletti dwar il-preżenza tal-ħażen fid-dinja: “Nistgħu naraw kif il-ħażen qed jipprova jiddomina d-dinja permezz ta’ kattiveriji u vjolenza, anki b’modi sottili ħafna fejn jippreżenta lilu nnifsu bħala t-tajjeb, pero li fl-istess waqt ikun ta’ ħażin li hu jeqred il-pedamenti morali tas-soċjeta”, qal il-Papa. Kompla biex fakkar fit-terminu antik ‘il-Knisja militanti’ u qal li llum hu meħtieġ li “niġġieldu kontra l-ħażen” u fisser li hu għalhekk bżonnjuż li “jkollna ħbieb li jappoġġjawna f’dan”. Ma naqasx milli jirrepeti l-kliem ta’ Kristu nnifsu meta qal, “Agħmlu l-qalb għax jien irbaħt id-dinja”. Temm jgħid lill-Kardinali li “aħna lkoll parti mit-tijm ta’ Kristu u għalhekk ilkoll għad inkunu rebbieħa”.

Ħajr: Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof.

Bad Religion

Ktieb ġdid dwar l-eretici ta’ żminijietna.

Ross Douthat, kattoliku  u kontributur tan-New York Times, ħareġ ktieb bl-isem Bad Religion: How we became a Nation of Heretics, li għalkemm indirizzat lill-Amerikani, ħafna milli jgħid jgħodd għalina wkoll.

Il-mistoqsija li jipprova jwieġeb dan il-ktieb  hija din: il-pajjiż qed iwarrab ir-reliġjon għal kollox jew qed ifittex setet u forom ta’ reliġjon xejn ortodossi?

L-awtur jgħid li r-reliġjonijiet,  u s-socjeta,  kif konna nafuhom qed jiffaccjaw il-periklu ta’ idejat li għalkemm ħerġin mill-Vanġelu, idawruh kif jaqblilhom u jieħdu minnu biss dak li jogħġobhom. Huwa juża l-kelma ‘eretici’ għax igħidu li jsegwu lil Kristu imma kif jaqbel lilhom. Jitolbu ’l Alla biex jagħtihom s-saħħa u l-ġid,  imma jwarrbu dak li jitlob minnhom sagrificcju jew li joqogħdu lura minn certi prattici. Ġesu għalihom isir sempliciment wieħed minn tant għalliema oħra.

Continue reading Bad Religion

L-impenn Ċiviku tal-Insara jrid Jirrispetta t-Twemmin tal-Oħrajn

Fiċ-ċelebrazzjoni tal-1,000 anniversarju ta’ Sansepolcro, il-belt karatterizzata mill-paċi u l-ġustizzja, apparti li deskritta bħala mudell tal-Vanġelu, il-Papa Benedittu XVI qal li l-Insara llum għandhom isibu modi kif jippromwovu fl-ibliet u l-pajjiżi fejn jgħammru, valuri tal-Vanġelu waqt li jilqgħu u jirrispettaw lil min iħaddan twemmin differenti. Waqt iż-żjara li għamel f’Sansepolcro, il-post imsemmi għas-Santu Sepulkru f’Ġerusalemm, il-Papa appella lin-nies tal-post sabiex jinqdew bl-anniversarju biex jimitaw lil San Arkanu u San Eġidju, li waqqfu din il-belt wara li rritornaw minn Ġerusalemm. Iż-żewġ qaddisin kienu jqisu l-belt bħala l-post fejn l-insara jaqdu s-sejħa tagħhom u jibnu soċjetà karatterizzata mill-paċi miksuba mit-tħaddim tal-ġustizzja. “Illum neħtieġu s-servizz tal-Knisja madwar id-dinja, espress mil-lajċi nvoluti fis-soċjetà ċivili b’sens ta’ rieda li tmur lilhinn mill-interessi personali u partiġġjani tagħhom. Il-ġid komuni jkun ivvalutat iktar mill-ġid tal-individwu u sta għall-insara li jikkontribwixxu għall-ħolqien t’etika ġdida”, qal il-Papa.

Ħajr: Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof.

Raġel u Mara Ħalaqhom

Wara d-divorzju, issa l-pass li jmiss – żwieġijiet ta’ l-istess sess ?

Ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem għemejjel jew kliem li jdgħajfu l‑bażi taż‑żwieġ

Il‑Kardinal Timothy Dolan, li jippresiedi l‑Konferenza tal‑Isqfijiet  Kattoliċi tal‑Istati Uniti, wera s‑sogħba tiegħu dwar l‑istqarrija ta’ sapport li l‑President Barack Obama għamel biex tingħata definizzjoni ġdida taż‑żwieġ. Fi stqarrija li għamel,  il‑kardinal qal,  “Iċ‑ċittadini ta’ dan il‑pajjiż, speċjalment uliedna, jistħoqqilhom aħjar,” Continue reading Raġel u Mara Ħalaqhom

Il-Kwiekeb fid-Dlam Jixegħlu

 
KTIEB LI KULL FAMILJA GĦANDU JKOLLHA –
għodda imprezzabbli għall-qraba ta’ persuni b’mard mentali
 

Żewġ għaqdiet volontarji ħadmu id f’id biex ipproduċew ktieb li se jkun imprezzabbli għall-qraba ta’ min isofri minn mard mentali. Imsejjaħ Il-Kwiekeb fid-Dlam Jixegħlu – vjaġġi ta’ tama mterrqa minn qraba ta’ persuni b’mard mentali, il-ktieb hu sforz kollaborattiv tal-Assoċjazzjoni għas-Saħħa Mentali u tas-St Jeanne Antide Foundation. Din il-pubblikazzjoni hija attività għal din is-sena Ewropea tal-Volontarjat u ħadu sehem fiha 30 voluntier.

Il-Kwiekeb fid-Dlam Jixegħlu joffri tama lil familjari li jħossuhom mtaqqla bir-responsabbiltà kbira tal-kura ta’ membru tal-familja b’mard mentali. Erbatax mid-dsatax-il kapitlu huma miktuba minn familjari b’esperjenza twila ta’ kura ta’ membru tal-familja b’mard mentali. Dawn il-kittieba mġarrba ddeċidew li jgħinu qraba bħalhom billi jaqsmu l-esperjenza tagħhom mal-pubbliku Malti fejn għad hawn biża’ u ħemda dwar il-mard mentali. Continue reading Il-Kwiekeb fid-Dlam Jixegħlu

Pentekoste fil-Mellieħa

L-Assoċjazzjoni Volontiera ta’ Lourdes (AVL), f’dan ix-xahar iddedikat lil Ommna Marija, qed torganizza katina ta’ Rużarju li se ttella’ fis-Santwarju tal-Madonna fil-Mellieħa.

Din il-katina bit-tema “Ngħidu r-Rużarju Flimkien” se ssir bejn is-Sibt 26 u l-Ħadd 27 ta’ Mejju, jum Pentekoste, mit-tmienja ta’ filgħaxija sat-tmienja ta’ filgħodu. Nibdew is-Sibt b’quddiesa fil-Knisja Parrokkjali fis-6.30pm u wara Purċissjoni Aux Flambeaux sas-Santwarju fejn mistenni li jibda r-rużarju meditat għall-ħabta tat-8.00pm.

L-Assoċjazzjoni tixtieq tistieden lill-membri tal-parroċċa, kummissjonijiet, fratellanzi u għaqdiet oħra sabiex jitħajru jieħdu sehem f’xi ħin jew ieħor.

Min jixtieq jissieħeb f’dil-katina ta’ rużarju ġentilment mitlub jibgħat email lil cinilouise@gmail.com  jew sandrogalea@gmail.com. mill-aktar fis possibbli.