IL-MESSAĠĠ TAL-PAPA QABEL IL-VJAĠĠ TIEGĦU FIL-LIBANU

“Nifraħ meta naf li dan il-vjaġġ se jlaqqagħni ma’ ħafna membri tas-soċjeta tal-Libanu: awtoritajiet ċivili u ekkleżjastiċi, Kattoliċi ta’ diversi riti, iNsara oħra, Musulmani u Drużi fir-reġjun”. Hekk stqarr il-Papa Benedittu XVI wara l-aħħar mesaġġ tiegħu fl-udjenza ġenerali ta’ kull nhar t’Erbgħa. Din il-ġimgħa rriserva spazju għar-riflessjoni tiegħu qabel il-vjaġġ appostoliku li se jibda l-Ġimgħa fil-Libanu u r-reġjun tal-Lvant Nofsani.

“Nirringrazzja ‘l Alla għal din il-varjetà li tista’ biss tifjorixxi jekk in-nies jgħixu bejniethom l-ispirtu ta’ paċi u rikonċiljazzjoni. Għal din ir-raġuni neżorta lill-insara fi Lvant Nofsani, kemm lil dawk imwielda hemm, kif ukoll lil dawk li waslu hemm issa, sabiex ikunu bennejja tal-paċi u tar-rikonċiljazzjoni.”

Ħeġġeġ ukoll għat-talb. “Ejja nitolbu ‘l Alla sabiex isaħħaħ il-fidi tal-insara fil-Libanu u Lvant Nofsani, u jimlihom bit-tama. Inrodd ħajr ‘l Alla għall-preżenza tagħhom u nappella lill-Knisja sabiex turi solidarjeta, sabiex dawn jibqgħu jagħtu xiehda ta’ Kristu f’dawn l-artijiet, u jfittxu l-komunjoni fl-unita. Inrodd ħajr ‘l Alla għal kull individwu u istituzzjoni li jgħinu biex dan isir. L-istorja tal-Lvant Nofsani dejjem għallmitna r-rwol bażiku tad-diversi komunitajiet insara f’dak li jirrigwarda d-djalogu inter-reliġjuż u inter-kulturali. Ejja ningħaqdu fit-talb sabiex jagħti lil dan ir-reġjun il-paċi u r-rispett lejn id-differenzi leġittimi”.

Ħajr: Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof.

JITFAKKAR L-ANNIVERSARJU MILL-MEWT TA’ MADRE TERESA

Quddiesa fil-Knisja ddedikata lil Santa Marija ta’ Navicella fakkret il-15-il anniversarju mill-mewt ta’ Madre Teresa. Il-liturġija solenni kienet iċċelebrata mill-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Pietru, il-Kardinal Angelo Comastri li qal li “Madre Teresa ilha mejta 15-il sena, iżda l-memorja tagħha għadha ħajja, għax il-qaddisin dejjem iħalla marka. Kif darba qalet hi stess, li l-istorja hi l-inċineratur taa’ kull kburija. Hi kienet umli u hu appuntu minħabba f’hekk li għadha ħajja, bl-eżempju tagħha għadu jaffaxina lil kulħadd”.

Il-Kardinal Comastri fakkar li “l-eżempju ta’ Madre Teresa hu importanti mmens għall-Knisja tal-lum, speċjalment wara li l-Papa sejjaħ is-Sena tal-Fidi. Kull kriżi fi ħdan il-Knisja għandha għeruqha fi kriżi ta’ fidi. Il-Papa qal dan f’ħafna okkażjonijiet u Madre Teresa rrepetietu ħafna”.

Fi tmiem il-liturġija, żewġ relikwarji kienu esposti b’relikwiji ta’ Madre Teresa li l-fidili setgħu iqimu.

Illum, il-Missjonijiet ta’ Karita, li bdiet Madre Teresa ta’ Calcutta, jammontaw għal madwar 50,000 f’madwar 700 dar.

Ħajr: Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof.