Il-Papa jistqarr l-importanza għal għajnuna lil min hu bil-ġuħ

Fi stqarrija lid-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Ġnus Maqgħuda għall-Ikel u l-Agrikoltura, Jose Graziano da Silva, il-Papa Benedittu XVI qal li l-Knisja tqis bħala importanti ħafna l-inizjattivi agrikoli, għax dawn jgħinu biex jingħata l-ikel min hu bil-ġuħ.

Meta kien qed jikkommemora l-Jum Dinji tal-Ikel, il-Papa, fil-messaġġ tiegħu, issottolinea l-importanza ta’ dan il-jum partikolarment fid-dawl tal-kriżi ekonomika kurrenti u qal li “l-aċċess għal nutrizzjoni sana u suffiċjenti hu dritt fundamentali ta’ kull persuna”

Żied billi faħħar il-fatt li dan il-Jum kien iddedikat għar-riflessjoni fuq l-irwol tal-Koperattivi Agrikoli li jitimgħu lid-dinja. Qal li “mhux qed nitkellmu biss dwar l-appoġġ lill-koperattivi bħala espressjoni ta’ struttura differenti ta’ organizzazzjoni ekonomika u soċjali, imma wkoll li jkunu kkunsidrati bħala strument ta’ azzjoni internazzjonali”.

Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li “l-Knisja tappoġġa l-koperattivi agrikoli bħala mezz ta’ għejxien ta’ esperjenza ta’ għaqda u solidarjeta li mhux biss jikkontribwixxu għall-ekonomija, imma anki għat-tkabbir soċjali, kulturali u morali tal-komunita”.

Benedittu XVI temm jisħaq dwar ir-rwol importanti li għandhom in-nisa fiż-żamm u t-tħaddim tal-koperattivi għall-gid tas-sistema tal-familji.

Ħajr: Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof

Jitħabbar li se tintbagħat delegazzjoni tal-Vatikan fis-Sirja

Delegazzjoni mill-Vatikan, magħmula mill-Kardinal Laurent Mosengwo Pasinya, Arċisqof ta’ Kinshasa, il-Kardinal Jean-Louis Tauran, President tal-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Inter-reliġjuż, il-Kardinal Timothy Dolan, Arċisqof ta’ New York, Mons. Fabio Suescun Mutis, mill-Ordinanza Militari tal-Kolumbja u Mons. Joseph Nguyen Nang, Isqof ta’ Phat Diem, se żżur il-belt Sirjana ta’ Damasku fil-jiem li ġejjin.

Waqt is-Sinodu tal-Isqfijiet fil-Vatikan, is-Segretarju tal-iStat tal-Vatikan, il-Kardinal Tarcisio Bertone qal li l-komunità Nisranija ma tistax tkun biss spettatriċi quddiem it-traġedja fis-Sirja.
Il-Kardinal Bertone qal li ħafna minn dak li qalu l-Isqfijiet miġbura għas-Sinodu, juri kemm is-sitwazzjoni għandha bżonn tingħata aktar attenzjoni u attenzjoni urġenti.

Huwa temm ifakkar fit-tbatija kbira li qed jgħaddi minnha l-poplu Sirjan, u esprima t-tħassib tiegħu għall-eluf ta’ persuni li qed ikollhom iħallu djarhom.

Ħajr: Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof.

Lejliet jum kbira fil-Knisja.

Belt tal-Vatikan, 10 Ottubru 2012 – “Qegħdin propju lejliet il-jum li fih niċċelebraw il-ħamsin anniversarju mill-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II u l-bidu tas-Sena tal-Fidi.”  Dan kien kliem il-Papa Benedittu XVI nnifsu dalgħodu waqt li kien qed jitkellem fl-udjenza ġenerali fi Pjazza San Pietru.  “U huwa dwar il-ġrajja ekkleżjali kbira tal-Konċilju li nixtieq nitkellem.”

“Anke llum, id-dokumenti tal-Konċiju Vatikan II huma bħal boxxla li tiggwida l-vapur tal-Knisja kif dan ibaħħar fl-ibħra miftuħa, qalb it-tempesti jew l-imwieġ ħiemda, biex jasal fid-destinazzjoni tiegħu.”  Il-Papa spjega kif  Vatikan II, li fih huwa kien ħa sehem bħala professur żgħażugħ tat-teoloġija fl-Università ta’ Bonn,“kien esperjenza unika li fiha huwa setgħa jkun xhud ta’ Knisja ħajja, li tpoġġi lilha nfisha fl-iskola tal-Ispirtu s-Santu, li kien il-vera forza li mexxiet il-Konċilju.  Mument bħal dakinhar, li fih stajt tmiss kważi b’mod  tanġibbli l-Universalità fiżika tal-Knisja, huwa tassew rari fl-istorja.  Kien mument li fih il-Knisja kienet fil-milja tal-missjoni tagħha li twassal l-Evanġelju liż-żminijiet kollha u sat-trufijiet kollha tad-dinja.” Continue reading Lejliet jum kbira fil-Knisja.

50 Sena ilu kien hemm konċilju

50 Sena ilu kien hemm konċilju

VATIKAN II SEMPLIĊI ĠRAJJA !

Mis-Segretarjat għal-Lajċi

Tlieta, 09 Ottubru 2012 – Ma kienx l-uniku wieħed.  Qablu kien hemm għoxrin oħra.  U lanqas naħseb li se jkun tal-aħħar, dejjem sakemm ma jseħħx dak li qalu li kienu bassru l-Mayas.  U allura la ma kienx tal-ewwel u lanqas se jkun tal-aħħar, għalfejn dan l-għaġeb kollu dwar ġrajja ta’ 50 sena ilu?

Hemm min wera l-opinjoni tiegħu li l-Konċilju Ekumeniku Vatikan II kien mument meta l-Knisja Kattolika ħalliet lilha nfisha tinġarr mill-ewforja li fis-sittinijiet kienet ħakmet lill-popli, iżda li mill-ewwel beda jisgħobiha minnha għaliex rat il-knejjes jitbattlu, is-seminarji u l-kunventi jiżvujtaw, il-familji nsara jitkissru u sens qawwi ta’ relattiviżmu jaħkem fuq l-assolutiżmu sfrenat taż-żminijiet ta’ dari.  U llum, 50 sena wara, ħafna kattoliċi jħossu li hija s-sejħa sagrosanta tagħhom li jsalvaw il-Knisja billi jreġġgħu l-arloġġ tal-kampnari lura, anke jekk l-arloġġi diġitali tad-dinja moderna mexjin b’mod sfrenat fid-direzzjoni opposta. Continue reading 50 Sena ilu kien hemm konċilju