L-ewwel tweet tal-Papa

pontifex1-e1355318799138 

Fit-tnax-il jum tat-tnax-il xahar tat-tnax-il sena tal-millenju ġdid, il-Papa Benedittu Sittax tweetja għall-ewwel darba.

Fl-10:30am, il-Papa kiteb lil dawk kollha li jsegwuh, u qal li huwa kuntent bir-rispons qawwi li rċieva għal dan il-mezz ġdid ta’ komunikazzjoni. Il-Papa ta l-barka tiegħu lil 700,000 ruħ li għażlu li jsegwu t-tweets tiegħu.

Il-Papa huwa magħruf bħala @Pontifex fuq Twitter, kelma li tfisser ‘pont li jgħaqqad’. L-ewwel messaġġ tal-Papa kien wieħed sempliċi. Permezz ta’ twitter, il-Papa mistenni jwassal messaġġi ta’ tama u jwassal il-messaġġ tiegħu lil firxa ferm ikbar ta’ nies.

Ħajr: Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof

Sforzi kontra l-legalizzazzjoni taż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess

Il-Gvern fir-Renju Unit qal li s-sena d-dieħla se jkun qed jintroduċi abbozz ta’ liġi biex jillegalizza dak li qed jissejjaħ żwieġ bejn koppji tal-istess sess.
Dawk li huma kontra l-pjan qalu li d-deċiżjoni dwar dan saret mingħajr konsultazzjoni.

Kemm il-Knisja Kattolika u l-Knisja Anglikana ħabbru li huma kontra l-liġi proposta. B’reazzjoni għall-aħbar, iż-żewġ Arċisqfijiet kattoliċi f’Londra, Vincent Nichols ta’ Westminister u Peter Smith ta’ Southwark, ħarġu stqarrija  biex joppona bl-iktar mod qawwi l-proposta. “Għadu jimpurtana miż-żwieġ”, qalu. Żiedu li “t-tifsira tinsab fl-istess funzjoni taż-żwieġ bħala l-pedament tal-familja”. Waqt li innutaw li l-Gvern għażel li jinjora l-opinjoni ta’ iktar minn 600,000 persuna li ffirmaw petizzjoni b’appell sabiex tinżamm id-definizzjoni attwali taż-żwieġ, l-Arċisqfijiet komplew jikkritikaw il-proċess li għaddej biex il-liġi proposta eventwalment tidħol fis-seħħ. L-Arċisqfijiet Nichols u Smith ikkonkludew l-istqarrija tagħhom billi appellaw lil kull min jimpurtah mit-tifsira vera taż-żwieġ sabiex ma jiddejjaqx javviċina lill-membri parlamentari u jipprova jipperswadihom bil-kalma kollha. Fi kliemhom, “għadu mhux tard wisq biex inwaqqfu din il-liġi milli timmaterjalizza”.

Ħajr: Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof