Jiena nemmen f’Alla: Il-Missier li jista’ kollox

Print Friendly, PDF & Email

2. Katekeżi dwar il-Kredu mill-Papa Benedittu XVI. 30 ta’ Jannar 2013

Għeżież ħuti,

Fil-katekeżi ta’ nhar l-Erbgħa li għadda waqafna fuq l-ewwel kelmiet tal-Kredu: “Jiena nemmen f’Alla”.  Imma l-istqarrija tal-fidi tispeċifikaha din l-affirmazzjoni: Alla hu l-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art.  Għalhekk nixtieq li issa nirrifletti magħkom fuq l-ewwel definizzjoni fundamentali ta’ Alla li jippreżentalna l-Kredu: Hu Missier.

M’hux dejjem faċli l-lum li nitkellmu fuq il-paternità.  Fuq kollox fid-dinja tal-Punent, il-familji maqsuma, l-impenji tax-xogħol li dejjem qed jixorbu mill-ħin tagħna, it-tħassib u spiss l-għeja biex jinstab il-bilanċ familjari, l-invażjoni aljenanti tal-midja tal-massa fl-intern tal-ħajja ta’ kuljum huma xi wħud mid-diversi fatturi li jistgħu jtellfu relazzjoni serena u kostruttiva bejn il-missier u wliedu.  Kultant il-komunikazzjoni ssir diffiċli, tonqos il-fiduċja u r-relazzjoni mal-figura tal-missier tista’ ssir problematika; u hekk issir ukoll problema li timmaġina lil Alla bħala missier, għax ma jibqgħux dawk il-mudelli adegwati ta’ riferiment.  Għal min kellu esperjenza ta’ missier awtoritarju żżejjed u iebes, jew indifferenti u li ftit li xejn jaf juri mħabbtu, jew saħansitra assenti, m’hux faċli biex jaħseb b’serenità dwar Alla bħala Missier u li jintreħa f’idejH b’fiduċja.

Imma r-rivelazzjoni Biblika tgħinna nirbħu din id-diffikultà meta tkellimna dwar Alla li jurina xi jfisser tabilħaqq tkun “missier”; u hu l-Vanġelu li fuq kollox jikxef dan il-wiċċ ta’ Alla bħala Missier li jħobb sal-punt li jasal biex jagħti lill-istess Ibnu għall-fidwa tal-bnedmin.  Għalhekk ir-riferiment għall-figura tal-missier jgħinna nifhmu xi ħaġa minn dik l-imħabba ta’ Alla li, imma, tibqa’ infinitament wisq ikbar, wisq iżjed fidila, wisq iżjed sħiħa minn dik ta’ kwalunkwe bniedem.  “Min hu dak il-bniedem fostkom”, jgħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu biex jurihom il-wiċċ tal-Missier, “li, jekk ibnu jitolbu biċċa ħobż, sejjer jagħtih ġebla?  Jew jekk jitolbu ħuta, sejjer jagħtih serp?  Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar Missierkom li hu fis-Smewwiet jagħti ħwejjeġ tajba lil min jitlobhomlu?” (Mt 7:9-11; ara Lq 11:11-13).  Alla hu Missier tagħna għaliex berikna u għażilna sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja (ara Efes 1:3-6), f’Ġesù għamilna tassew uliedu (ara 1 Ġw 3:1).  U, bħala Missier, Alla bi mħabbtu jsieħeb l-eżistenza tagħna, jagħtina l-Kelma tiegħu, it-tagħlim tiegħu, il-grazzja tiegħu, l-Ispirtu tiegħu.

Hu – kif jurina Ġesù – hu l-Missier li jitma’ l-għasafar tas-sema mingħajr il-bżonn li joqogħdu jiżirgħu u jaħsdu, u jlibbes bi lwien kollhom ġmiel lill-ġilji ta’ l-għelieqi, bi lbies wisq isbaħ minn dak tar-Re Salamun (ara Mt 6:26-32; Lq 12:24-28); u aħna, iżid jgħid Ġesù, niswew wisq aktar mill-ġilji u mit-tajr tas-sema!  U jekk Hu daqshekk tajjeb li “italla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex” (Mt 5:45), aħna nistgħu dejjem, mingħajr biża’ u b’fiduċja sħiħa, nafdaw ruħna fil-maħfra tiegħu ta’ Missier meta niżbaljaw it-triq.  Alla hu Missier twajjeb u jilqa’ u jgħannaq miegħu lill-iben mitluf li nidem (ara Lq 15:11ss), jagħti mill-qalb u b’xejn lil dawk li jitolbuh (ara Mt 18:19; Mk 11:24; Ġw 16:23) u joffri l-ħobż tas-Sema u l-ilma ħaj li jagħti l-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw 6:32,51,58).

Għalhekk, il-bniedem li qed jitlob fis-Salm 27, imdawwar mill-għedewwa, assedjat mill-ħżiena u dawk li jgħidu l-gideb fuqu, huwa u jfittex l-għajnuna tal-Mulej u jitolbu, jista’ jagħti xhieda mimlija fidi hu u jafferma: “Għalkemm telquni missieri u ommi, il-Mulej jilqagħni għandu” (v . 10).  Alla hu Missier li ma jħalli qatt lil uliedu waħidhom, Missier li jħobb u jwieżen, jgħin, jilqa’ għandu, jaħfer, isalva, b’fedeltà bil-wisq akbar minn dik tal-bnedmin, li hekk tinfetaħ għal dimensjonijiet eterni.  “Għax għal dejjem it-tjieba tiegħu”, kif ikompli jtenni b’mod litaniku, f’kull vers tiegħu, is-Salm 136, huwa u jimxi pass pass ma’ l-istorja tas-salvazzjoni.  L-imħabba ta’ Alla l-Missier qatt ma tonqos, ma tixbax minna; hi mħabba li tagħti sa l-aħħar, sas-sagrifiċċju ta’ l-Iben.  Il-fidi tagħtina din iċ-ċertezza, li ssir blata żgura fil-binja ta’ ħajjitna: aħna nistgħu naffrontaw il-mumenti kollha ta’ diffikultà u ta’ periklu, l-esperjenza tad-dalma tal-kriżi u taż-żmien ta’ l-uġigħ il-qalb, imwieżna mill-fiduċja li Alla ma jħalliniex waħdina u hu dejjem qrib tagħna, biex isalvana u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Hu fil-Mulej Ġesù li jidher b’mod sħiħ il-wiċċ twajjeb tal-Missier li hu fis-Smewwiet.  Meta nsiru nafu lilU, nistgħu nagħrfu wkoll lill-Missier (ara Ġw 8:19; 14:7), u meta naraw lilU, nistgħu naraw lill-Missier, għax Hu fil-Missier u l-Missier hu fiH (ara Ġw 14:9,11).  Hu “ix-xbieha ta’ Alla li ma jidhirx”, kif isejjaħlu l-innu ta’ l-Ittra lill-Kolossin, “il-kbir fost il-ħlejjaq kollha… il-kbir li qam mill-imwiet”, “bih għandna l-fidwa, il-maħfra tad-dnubiet” u r-rikonċiljazzjoni tal-ħwejjeġ kollha, hu li “bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art” (ara Kol 1:13-20).

Il-fidi f’Alla l-Missier titlobna li nemmnu wkoll fl-Iben, imqanqlin mill-Ispirtu, u li fis-Salib li jsalva nagħrfu r-rivelazzjoni definittiva ta’ l-imħabba divina.  Alla hu Missierna għax jagħtina lil Ibnu; Alla hu Missierna għax jaħfrilna dnubietna u jwassalna għall-hena tal-qawmien għall-ħajja; Alla hu Misiserna għax jagħtina l-Ispirtu li jagħmilna wlied u jagħtina li nsejħulu, fil-verità, “Abbà, Missier” (ara Rum 8:15).  Għalhekk Ġesù, meta jgħallimna nitolbu, jistedinna ngħidu: “Missierna” (Mt 6:9-13; ara Lq 11:2-4).

Mela l-paternità ta’ Alla hi mħabba bla tmiem, ħlewwa li titbaxxa lejna, ulied dgħajfa, neqsin minn kollox.  Is-Salm 103, l-innu kbir tal-ħniena divina, ixandar: “Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu.  Għax hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab” (vv. 13-14).  U hu sewwa sew dan iċ-ċokon tagħna, hi din in-natura dgħajfa tagħna ta’ bnedmin, hi din id-dgħufija tagħna li ssir talba lill-ħniena tal-Mulej biex juri l-kobor u l-ħlewwa tiegħu ta’ Missier u jgħinna, jaħfrilna u jsalvana.

U Alla jwieġeb għat-talba tagħna, meta jibagħtilna lil Ibnu, li jmut u jqum mill-mewt għalina; jidħol fid-dgħufija tagħna u jagħmel dak li l-bniedem waħdu qatt ma kien ikun jista’ jagħmel: jieħu fuqU d-dnub tad-dinja, bħal ħaruf bla ħtija, u jiftħilna mill-ġdid it-triq lejn il-komunjoni ma’ Alla, jagħmilna tassew ulied Alla.  Huwa hemm, fil-Misteru ta’ l-Għid, li jidher fid-dawl kollu tiegħu l-wiċċ definittiv tal-Missier.  U huwa hemm, fuq is-Salib glorjuż, li tasal il-manifestazzjoni sħiħa tal-kobor ta’ Alla bħala “Missier li jista’ kollox”.

Imma nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Kif jista’ jkun naħsbu fuq Alla li jista’ kollox meta nħarsu lejn is-Salib ta’ Kristu?  Lejn din il-qawwa tal-ħażen, li tasal sal-punt li toqtol lill-Iben ta’ Alla?  Żgur li aħna nixtiequ setgħa divina li tista’ kollox skond l-iskemi mentali tagħna u x-xewqat tagħna: Alla “li jista’ kollox” li jsolvi l-problemi, li jindaħal biex jevitalna d-diffikultajiet, li jirbaħ lill-qawwiet ta’ kontrina, jibdel il-mixja tal-ġrajjiet u jħassar it-tbatija.  Hekk, il-lum diversi teologi huma tal-fehma li ma jistax ikun li Alla jista’ kollox, għax kieku ma kienx ikun hawn daqshekk tbatija, tant ħażen fid-dinja.  Fir-realtà, quddiem il-ħażen u t-tbatija, għal ħafna nies, għalina, isir problematiku, diffiċli, li nemmnu f’Alla Missier u li dan jista’ kollox; xi wħud ifittxu l-kenn fl-idoli, u jċedu għat-tentazzjoni li jistgħu jsibu tweġiba f’xi għamla ta’ “maġija” li tippretendi li tista’ kollox u fil-wegħdiet illużorji tagħha.

Imma l-fidi f’Alla li jista’ kollox timbuttana biex nimxu f’toroq bil-wisq differenti: nitgħallmu nifhmu li l-ħsieb ta’ Alla hu differenti minn tagħna, li t-toroq ta’ Alla huma differenti minn tagħna (ara Is 55:8) u anki l-qawwa tiegħu li tista’ kollox [l-omnipotenza tiegħu] hi differenti; ma tesprimix ruħha bħala qawwa awtomatika jew arbitrarja, imma hi mmarkata minn libertà paterna u mimlija mħabba.  Fil-verità, Alla, meta ħalaq kreaturi ħielsa, u tahom il-libertà, ċaħad parti mis-setgħa tiegħu, biex ħalla s-setgħa f’idejn il-libertà tagħna.  Hekk Hu jħobb u jirrispetta t-tweġiba ħielsa ta’ mħabba għas-sejħa tiegħu.  Bħala Missier, Alla jixtieq li aħna nsiru wliedu u bħala tali ngħixu f’Ibnu, f’komunjoni, f’familjarità sħiħa miegħU.  Il-qawwa tiegħu li tista’ kollox ma tesprimix ruħha fil-vjolenza, ma tesprimix ruħha fit-tixjin ta’ kull setgħa ta’ l-għadu kif nixtiequ aħna, imma tesprimi ruħha fl-imħabba, fil-ħniena, fil-maħfra, f’li jaċċetta l-libertà tagħna u fis-sejħa ma taqta’ qatt għall-konverżjoni tal-qalb, f’atteġġjament li minn barra biss jidher dgħajjef – Alla donnu dgħajjef, jekk naħsbu f’Ġesù Kristu qed jitlob, li jingħata għall-mewt.  Atteġġjament li minn barra jidher dgħajjef, imsawwar mis-sabar, mill-umiltà u mill-imħabba, juri li dan hu l-mod veru kif tkun qawwi!  Din hi s-setgħa ta’ Alla!  U din is-setgħa għad toħroġ rebbieħa!  Il-bniedem għaref ta’ Ktieb il-Għerf hekk jgħidlu lil Alla: “Int tħenn għal kulħadd, għax tista’ kollox; int tagħlaq għajnejk għal dnubiet il-bnedmin biex huma jindmu.  Għax int tħobb il-ħlejjaq kollha…  Int, o Sid li tħobb kull ma jgħix, lil kulħadd tagħder, għax kollox huwa tiegħek” (11:23-24a,26).

Hu biss min hu tassew qawwi li jista’ jissaporti l-ħażen u juri ħniena; hu biss min għandu tassew is-setgħa f’idejh li jista’ jħaddem b’mod sħiħ il-qawwa ta’ l-imħabba.  U Alla, li tiegħu huma l-ħwejjeġ kollha għax kollox sar minnU, juri l-qawwa tiegħu billi jħobb kollox u lil kulħadd, u jistenna bis-sabar il-konverżjoni tagħna l-bnedmin, li jixtieqna nkunu wliedu.  Alla jistenna l-konverżjoni tagħna.  L-imħabba ta’ Alla li tista’ kollox ma tafx b’limiti, hekk li “anqas lil Ibnu stess ma ħafirha, imma tah għalina lkoll” (Rum 8:32).  Il-qawwa ta’ l-imħabba li tista’ kollox m’hix dik tas-setgħa tad-dinja, imma hi dik ta’ l-għotja sħiħa, u Ġesù, l-Iben ta’ Alla, juri lid-dinja l-vera qawwa li tista’ kollox tal-Missier meta jagħti ħajtu għalina l-midinbin.  Hawn hi s-setgħa vera, awtentika u perfetta ta’ Alla: meta għall-ħażen ma jweġibx bil-ħażen imma bit-tajjeb, għall-insulti bil-maħfra, għall-mibegħda li toqtol bl-imħabba li taħji.  Mela tassew li l-ħażen hu mirbuħ, għax hu maħsul mill-imħabba ta’ Alla; mela l-mewt hi mirbuħa għal dejjem għax mibdula fid-don tal-ħajja.  Alla l-Missier iqajjem lil Ibnu: il-mewt, l-għadu l-kbir (ara 1 Kor 15:26), inbelgħet u tneħħielha għal dejjem is-semm tagħha (ara 1 Kor 15:54-55), u aħna, meħlusa mid-dnub, nistgħu nidħlu fir-realtà tagħna ta’ wlied Alla.

Għalhekk, meta ngħidu “Jiena nemmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox”, aħna nesprimu l-fidi tagħna fil-qawwa ta’ l-imħabba ta’ Alla li f’Ibnu li miet u rxoxta jirbaħ il-mibegħda, il-ħażen, id-dnub u jiftħilna t-triq għall-ħajja ta’ dejjem, dik ta’ wlied li jixtiequ biss li jkunu dejjem fid-“Dar tal-Missier”.  Meta ngħidu “Jiena nemmen f’Alla l-Missier li jista’ kollox”, fil-qawwa tiegħu, fil-mod tiegħu kif għalina hu Missier, dan hu dejjem att ta’ fidi, ta’ konverżjoni, ta’ bidla tal-ħsieb tagħna, tal-mod sħiħ kif inħobbu, kif ngħixu.

Għeżież ħuti, nitolbu lill-Mulej biex isaħħaħ il-fidi tagħna, biex jgħinna nsibu tassew il-fidi u biex jagħtina l-qawwa li nħabbru lil Kristu mislub u rxoxt u nagħtu xhieda tiegħu fi mħabbitna lejn Alla u lejn il-proxxmu.  U jagħtina Alla li nilqgħu d-don tal-filjazzjoni tagħna, biex ngħixu b’mod sħiħa ir-realtajiet tal-Kredu, billi nintreħew b’fiduċja f’idejn l-imħabba ta’ Alla u l-qawwa ħanina tiegħu li tista’ kollox, li hi l-vera qawwa li tista’ kollox u li ssalva.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading