It-Tnejn, 22 ta’ April 2013: Hemm biss bieb wieħed biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla. U dak il-bieb huwa Ġesù. Min jipprova jidħol permezz ta’ triq oħra huwa ħalliel jew brigant; inkella huwa xabbatur li jaħseb biss għall-vantaġġ tiegħu, għall-glorja tiegħu, u jisraq il-glorja ta’ Alla. Waqt il-quddiesa ċċelebrata dalgħodu, it-Tnejn 22 ta’ April 2013, fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ, il-Papa Franġisku reġa’ mill-ġdid ippropona lil Ġesù bħala ċ-ċentru tal-ġrajja umana u fakkar li din tagħna mhix reliġjon ta’ negozju. Jisimgħuh kien hemm grupp ta’ tekniċi tar-Radju Vatikana u l-istaff tas-Sala Stampa tas-Santa Sede akkumpanjati mill-patrijiet Federico Lombardi u Ciro Benedettini, direttur u viċi-direttur rispettivament, li kkonċelebraw, u minn Angelo Scelzo, viċi-direttur tal-ġurnalisti akkreditati.
Waqt li kkummenta l-qari tal-jum, meħudin mill-Atti tal-Appostli (11, 1-18) u mill-Evanġelju ta’ Ġwanni (10, 1-10), il-Papa fakkar li fihom jiġi ripetut il-verb ‘tidħol’: l-ewwel, meta Pietru jiġi Ġerusalem u jisfa mċanfar, ‘Dħalt f’dar il-pagani’; imbagħad Pietru jirrakkonta l-istorja u jirrakkonta kif huwa daħal. U Ġesù f’dan ir-rigward huwa tassew ċar daqs il-kristall: ‘Min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb, mhuwiex ir-ragħaj.’ Biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla, fil-komunità nisranija, fil-Knisja, il-bieb – spjega l-Papa – il-veru bieb, l-uniku bieb huwa Ġesù. Hemm bżonn li aħna nidħlu minn dak il-bieb. U Ġesù huwa ċar: ‘Min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb’ – li Huwa jgħid ‘huwa jien’ – ‘imma jitla’ hemm minn x’imkien ieħor, huwa ħalliel jew brigant,’ wieħed li jrid jagħmel profitt għalih innifsu.
Dan, innota l-Qdusija Tieg]u, jiġri wkoll fil-komunitajiet insara. Hemm dawn ix-xabbaturi – le? – li jfittxu tagħhom. U b’mod konxju jew inkonxju jagħmluha taparsi li deħlin; imma huma l-ħallelin u l-briganti. Għaliex? Għaliex jisirqu l-glorja ta’ Ġesù, iridu l-glorja proprja. U dan huwa dak li Ġesù kien jgħid lill-fariżej: ‘Intom iddawru l-glorja minn wieħed għall-ieħor….’ Reliġjon ftit jew wisq tan-negozju, le? Jien nagħti l-glorja lilek u int tagħti l-glorja lili. Imma dawn mhux veru daħlu mill-veru bieb. Il-bieb huwa Ġesù, u min ma jidħolx minn dan il-bieb jiżbalja.
U kif nifhmu li l-veru bieb huwa Ġesù? Aqbad il-Beatitudni u agħmel dak li jgħidu l-Beatitudni, kienet it-tweġiba tal-Papa. B’dan il-mod tkun umli, tkun fqir, tkun manswet, tkun ġust; u meta xi ħadd jagħmel proposta oħra, la tismagħhiex. Il-bieb huwa dejjem Ġesù u min jidħol minn dak il-bieb ma jiżbaljax. Ġesù mhuwiex biss il-bieb: huwa l-mixja, huwa t-triq. Hemm bosta mogħdijiet biex tasal, forsi wkoll iktar vantaġġużi, imma huma qarrieqa; mhumiex veri, huma foloz. Ġesù biss huwa t-triq. Xi wħud minnkom jaslu li jgħidu: ‘Missier, int fondamentalista!’ Le. Ġesù qal sempliċement dan: ‘Jiena l-bieb; jien il-mixja biex nagħtikom il-ħajja.’ Sempliċement Huwa bieb sabiħ, bieb ta’ mħabba, bieb li ma jqarraqx, mhuwiex falz. Jgħid dejjem il-verità, imma bi ħlewwa, bi mħabba.
Sfortunatament, innota l-Qdusija Tiegħu, il-bniedem ikompli jkun ittentat ukoll illum minn dak li kien fil-bidu d-dnub oriġinali, jiġifieri mix-xewqa li jkollu l-imfietaħ tal-interpretazzjoni ta’ kollox, il-muftieħ u l-poter li nagħmlu triqtna, tkun xi tkun, biex insibu biebna, ikun xi jkun. U din hija l-ewwel tentazzjoni: naf kollox. Kultant ikollna t-tentazzjoni li nkunu wisq sidien tagħna nfusna u mhux ulied u qaddejja umli tal-Mulej. U din hija t-tentazzjoni li nfittxu bibien oħra jew twieqi oħra fis-Saltna ta’ Alla fejn, għall-kuntrarju, tista’ tidħol biss minn dak il-bieb li jismu Ġesù, minn dak il-bieb li jwassalna fuq triq li jisimha Ġesù u jwassalna għall-ħajja li jisimha Ġesù. Dawk kollha li jagħmlu ħaġ’oħra, jgħid il-Mulej, li jixxabbtu biex jidħlu mit-tieqa, huma ‘ħallelin u briganti’. Il-Mulej huwa sempliċi; ma jitkellimx diffiċli: huwa sempliċi.
Fl-għeluq il-Papa stieden lil dawk preżenti biex jitolbu ħalli jiksbu l-grazzja li dejjem iħabbtu fuq dak il-bieb li kultant ikun magħluq; aħna nkunu mdejqin, abbandunati u jkollna l-problema li nħabbtu, li nħabbtu fuq dak il-bieb. Il-Papa stieden biex nitolbu ħalli proprju nsibu l-qawwa biex ma mmorrux infittxu bibien oħra li jidhru iktar faċli, iktar komdi, iktar li nistgħu naħtfuhom, u minflok immorru nfittxu dejjem dak: Ġesù. U Ġesù ma jonqosna qatt. Ġesù ma jqarraqx. Ġesù mhux ħalliel, mhux brigant. Ta ħajtu għalija. Kull wieħed minna għandu jgħid dan: ‘Int li tajt ħajtek għalija, jekk jogħġbok, iftaħ, sabiex jien inkun nista’ nidħol.’
Nitolbu din il-grazzja, temm jgħid il-Papa. Inħabbtu dejjem fuq dak il-bieb u ngħidu lill-Mulej: ‘Iftaħ, Mulej, għaliex irrid nidħol minn dan il-bieb. Irrid nidħol minn dan il-bieb, mhux minn dak l-ieħor.’
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb