Il-Papa f’Santa Marta: Ġenerożità fl-umiltà

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 25 ta’ April 2013: Ġenerożità fl-umiltà. Dan huwa l-istil  ta’ ħajja tan-Nisrani li jrid tassew ikun ix-xhud tal-Evanġelju sal-orizzonti tat-trufijiet tad-dinja. Il-kontorni ta’ dan il-mod li nkunu missjunarji fil-Knisja kienu ttrattati mill-Papa Franġisku, dalgħodu, il-Ħamis 25 ta’ April 2013, waqt l-issa solita ċelebrazzjoni tal-quddiesa fil-kappella tad-Domus Sanctæ Marthæ.

Bħal dejjem, il-Papa kkummenta l-qari tal-jum meħudin mill-ewwel ittra ta’ San Pietru (5, 5-14) u mill-Evanġelju ta’ Marku (16, 15-20). Qabel ma tela’ s-sema, Ġesù jibgħat kollox lid-dinja, fetaħ id-diskors tiegħu l-Papa. Imbagħad sostna l-universalità tal-missjoni tal-Knisja, waqt li rrimarka l-fatt li Ġesù ma jgħidx lill-Appostli biex imorru Ġerusalemm jew fil-Galilija, imma jibgħathom fid-dinja kollha. Hekk huwa jiftaħ orizzonti kbar. Minn dan nistgħu nifhmu l-vera dimensjoni tal-missjonarjetà tal-Knisja li tibqa’ għaddejja tipprietka lid-dinja kollha. Imma, wissa l-Papa, ma tkomplix timxi waħedha; timxi flimkien ma’ Ġesù.

Mela l-Appostli telqu u ppritkaw ma’ kullimkien. Imma l-Mulej, ippreċiża l-Qdusija Tiegħu, kien jaġixxi flimkien magħhom. Il-Mulej jaħdem ma’ dawk kollha li jippritkaw l-Evanġelju. Din hija l-ġenerożità li għandu jkollhom l-Insara. Nisrani beżżiegħ dan ma jifhmux. Din il-ġenerożità hija proprju l-vokazzjoni nisranija: dejjem iktar, dejjem iktar, dejjem iktar, dejjem ’il quddiem.

Madankollu, wissa l-Papa, tista’ wkoll isseħħ xi ħaġa li ma tantx hija nisranija. F’dak il-każ, kif għandna nkomplu mexjin ’il quddiem? Liema huwa l-istil li jrid Ġesù għad-dixxipli tiegħu fil-predikazzjoni tal-Evanġelju, f’din il-missjonarjetà?, staqsa l-Papa. Huwa indika t-tweġiba fit-test ta’ San Pietru li jispjegalna ftit jew wisq dan l-istil: ‘Għeżież, erġgħu ilbsu l-umiltà lejn xulxin, għaliex Alla jirreżisti s-suppervi imma jagħti l-grazzja lill-umli.’ L-istil tal-predikazzjoni evanġelika jimxi fuq dan l-atteġġjament: l-umiltà, is-servizz, il-karità, l-imħabba fraterna.

Il-Papa immaġina l-objezzjoni possibbli ta’ Nisrani quddiem il-Mulej li jipproponi dan l-istil: ‘Imma Mulej, hemm bżonn li aħna nirbħu d-dinja!’ U wera x’hemm żbaljat f’dan l-atteġġjament: din il-kelma ‘nirbħu’ mhix flokha. Hemm bżonn li aħna nippritkaw lid-dinja. In-Nisrani m’għandux ikun bħas-suldati li meta jirbħu l-battalja jikinsu kull ma jsibu quddiemhom.

Hawnhekk il-Papa Franġisku għamel riferiment għal test medjevali li fih hemm irrakkuntat li, wara li kienu rebħu l-battalja u akkwistaw il-belt, l-Insara poġġew lill-pagani f’ringiela u skjerawhom bejn il-battisteru u x-xabla, waqt li imponewlhom l-għażla: l-ilma, jiġifieri l-Magħmudija, jew l-arma, jiġifieri l-mewt. U l-Papa saħaq li dan mhux l-istil tan-Nisrani. L-istil tiegħu huwa dak ta’ Ġesù, umli.

In-Nisrani, spjega Franġisku, jipprietka, ixandar l-Evanġelju bix-xhieda tiegħu iktar milli bil-kliem. Il-Papa qal li ftit jiem qabel, isqof għaref Taljan qallu: ‘Kultant aħna noħolqu konfużjoni u naħsbu li l-predikazzjoni evanġelika tagħna għandha tkun salus idearum  u mhux salus animarum is-saħħa tal-ideat u mhux is-saħħa tal-erwieħ. Imma kif naslu għas-saħħa tal-erwieħ? Bl-umiltà, bil-karità! San Tumas għandu sentenza tassew sabiħa dwar dan: ‘Hija bħal donnok tmur lejn orizzont li ma jispiċċa qatt għaliex huwa dejjem orizzont.’ U allura kif tipproċedi b’dan l-atteġġjament nisrani? Hu jgħid: ‘La tibżgħux mill-affarijiet il-kbar. Imxu ’l quddiem, waqt li tagħtu kas ukoll tal-affarijiet iż-żgħar.’ Dan huwa divin. Huwa bħal tensjoni bejn il-kbir u ż-żgħir, it-tnejn flimkien.  Dan huwa nisrani. Il-missjonarjetà nisranija, il-predikazzjoni tal-Evanġelju tal-Knisja, tgħaddi minn din it-triq.

Il-konferma tinsab proprju fl-Evanġelju ta’ Marku. Il-Papa nnota li ma tistax tipproċedi mod ieħor. U fl-aħħar tal-Evanġelju hemm sentenza tassew sabiħa meta jgħid li Ġesù kien jaġixxi flimkien magħhom u ‘kien iwettaq il-kelma bis-sinjali li kienu jakkumpanjawha.’ Meta aħna mmorru b’din il-ġenerożità kif ukoll b’din l-umiltà, meta aħna ma nitwerwrux minn dan l-orizzont bl-affarijiet il-kbar, imma naħtfu wkoll l-affarijiet iż-żgħar bl-umiltà u l-karità ta’ kuljum, il-Mulej iwettaq il-Kelma u navvanzaw. It-trijonf tal-Knisja huwa l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù. Qabel, iżda, hemm is-salib.

Il-Papa temm l-omelija tiegħu billi sejjaħ lill-fidili biex jitolbu lill-Mulej li jsiru missjunarji u appostli fil-Knisja,  imma b’dan l-ispirtu ta’ ġenerożità kbira u ta’ umiltà kbira wkoll.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb


%d bloggers like this: