Il-Knisja fid-dmir li tiddefendi x-xbieha ta’ Alla.

Print Friendly, PDF & Email

Se nikteb ta’ kattoliku u se nikkwota minn sorsi kattoliċi, madankollu dak li se nesprimi jista’ forsi jkollu rilevanza wkoll għal dawk li tilfu jew li qatt ma ħaddnu t-twemmin nisrani.

1.     Ix-xbieha ta’ Alla.

Ir-reliġjonijiet monoteistiċi l-kbar, dawk li jemmnu f’Alla wieħed, qed nirreferi għalina l-Insara, għal-Lhud u għall-Musulmani, kollha jgħallmu li Alla qiegħed ix-xbieha tiegħu fil-bniedem, xbieha li tista’ tkun riflessa f’diversi aspetti, imma l-aktar fil-kumplimentarjetà tar-raġel u l-mara.  Dan naqrawh fl-ewwel paġni tal-Bibbja, “U Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom” (Ġen 1:27). Il-kumplimentarjetà tar-ragel u tal-mara, tagħmilhom jixbħu lill-Alla Ħallieq għaliex lilhom tagħtihom il-kapaċità li jissieħbu miegħu fl-opra tal-ħolqien.  Hija don li permezz tiegħu, huma t-tnejn flimkien ikomplu f’ġisimihom dak li beda Alla nnifsu meta ħalaq l-umanità.  Biha huma “jikkontribwixxu b’mod adegawat għall-prokreazzjoni u s-sopravivenza tal-ispeċi umana”.[i]

Tlitt snin ilu, proprju f’nofs l-2010, l-Arġentina kienet qed tiffaċċja liġi biex l-Istat jirrikonoxxi legalment rabtiet bejn koppji ta’ l-istess sess.  Il-Kardinal Bergoglio, dakinhar Arċisqof ta’ Buenos Aires u llum il-Papa Franġisku kiteb hekk dwar din il-liġi mressqa f’pajjiżu,  “Hawnhekk hawn l-għira tax-Xitan, li permezz tiegħu jidħol id-dnub fid-dinja: għira li tfittex bil-qerq biex teqred ix-xbieha ta’ Alla: ir-raġel u l-mara li rċevew il-kmand biex inisslu u joktru u jimlew l-art u jaħkmuha.  Aħna m’aħniex boloħ”, kiteb dakinhar il-Kardinal, “din mhix sempliċement kwistjoni politika, imma hawn għandna tentattiv biex jeqred il-pjan ta’ Alla.  Mhux biss pjan ta’ liġi (il-liġi hija biss il-mezz), iżda dan huwa pass ta’ missier il-gideb li jipprova jħawwad u jqarraq bl-ulied ta’ Alla”.[ii]

2.     Obligu ta’ ħarsien mill-Istat.

Minkejja din ix-xbieha divina li lkoll maħluqin fuqha, it-twemmin kattoliku li nħaddan u l-esperjenza personali tiegħi jipperswaduni wkoll dwar ir-realtà tad-dnub li hemm fil-bniedem, realtà li tagħmlu dgħajjef u fraġli. Hija realtà li minħabba fiha, il-bniedem jinħtieġlu jkun imħares minn kull tentattiv li jfixxklu kemm fil-ħajja personali tiegħu kif ukoll f’dik tas-soċjetà li fiha jgħix. Kemm il-persuna u kif ukoll is-soċjetà umana jinħtieġilhom jkunu difiżi mill-ħażen li jeżisti fosthom; dak il-ħażen li tnissel f’qalbhom minħabba l-għira tax-xitan u li kiber u tkattar b’konsegwenza tad-dnubiet personali u dawk soċjali.

Minħabba din id-dgħufija umana, is-soċjetà għandha l-obbligu morali li tipprovdi lill-persuni u lill-komunitajiet fi ħdanha dawk il-mezzi kollha li jħarsuhom minn kull sfruttament u li spiss jiġu kemm mill-egoiżmu sfrenat li hemm fina kif ukoll mill-pjan djaboliku li jeqred u jġib fix-xejn mhux biss it-tajjeb li hemm fil-bniedem, imma wkoll lill-bniedem innifsu.

F’dan l-obbligu morali hemm ukoll, imma mhux biss, dak tal-awtorità pubblika li “tħares iż-żwieġ bejn raġel u mara permezz ta’ rikonoxximent normattiv, biex tiżgura u tiffavorixxi l-funzjoni insostitwibbli tiegħu għall-ġid komuni tas-soċjetà.  Jekk jirrikonoxxi b’mod legali l-għaqda bejn persuni ta’ l-istess sess, jew jiggarantilha għarfien ġuridiku fuq l-istess livell taż-żwieġ u tal-familja, l-Istat ikun qed jaġixxi b’mod illeġittimu u jkun qed jikkontradixxi l-obbligi istituzzjonali tiegħu, għax ikun qed jaqleb il-prinċipji tal-liġi naturali u tal-ordinament pubbliku tas-soċjetà.”[iii]

3.     Dmir il-Komunità Nisranija.

Il-ġrajjiet li seħħew fl-imgħoddi fost popli oħra u dawk li qed iseħħu wkoll fostna matul dawn l-aħħar snin juru biċ-ċar li bosta difiżi għall-valuri umani, familjari u soċjali li spiss kien jagħmlu parti mill-qafas legali u kulturali tas-soċjetà, illum qegħdin jitfarrku waħda waħda.  Illum la l-persuna u lanqas il-familja ma jistgħu jserrħu rashom aktar fuq dawk l-istrutturi ċivili li sa ftit snin ilu kienu joffrulhom qafas ta’ difiża għalihom infushom u għall-valuri tagħhom.

F’dan il-kuntest il-Knisja, mhux biss bħala Maġisteru li jgħallem u bħala Ġerarkija li tmexxi, imma wkoll bħala Komunità li temmen u tgħix dak li temmen, għandha dmir ferm akbar milli qatt kien qabel.  Illum li bosta mid-difiżi għall-valuri umani li qabel kien joffri l-Istat waqgħu jew qed jaqgħu, jinħass ferm akbar l-obbligu tal-Knisja li tgħallem, tmexxi u tħares mhux biss lil dawk li huma imseħbin fiha imma wkoll lis-soċjetà kollha.

Il-Knisja dejjem kellha u dejjem wettqet l-obbligu tagħha li tkompli twassal id-dawl li irċeviet minn għand l-Imgħallem tagħha lill-bnedmin kollha.  Il-Knisja dejjem kellha u għad għandha messaġġ kbir ta’ tama u ta’ mħabba anke għal dawk li għal raġuni jew oħra ma kienux lesti li jħaddnu l-fidi tagħha.  Illum dan id-dover huwa ferm akbar minn qatt qabel, forsi għaliex bosta mill-assikurazzjonijiet l-oħra li qabel kellu l-bniedem u s-soċjetà, illum spiċċaw.

Dan l-obbligu tal-Knisja ma jieqafx biss mal-Isqfijiet, imma jestendi ruħu f’kull saff tal-komunità nisranija, inkluż ukoll, anzi b’mod speċjali, fil-familji.  Id-difiżi li ż-żgħar tagħna kienu jsibu mis-soċjetà kollha, illum iridu jsibuhom mill-familja.  Staqsa xi ħadd, “Illum min se jħares id-dritt tat-tfal li jikbru f’familja b’omm u b’missier?”.  Tweġiba, illum dan id-dritt ta’ uliedna rridu nħarsuh aħna stess, jiena u inti.  Iridu jkunu l-istess familji li jħarsu dan id-dritt tat-tfal.  Jekk nonqsu milli niggarantixxu lil kull tifel u tifla d-dritt li jikbru f’familja b’omm u b’missier, allura l-ġudizzju ta’ Alla u tal-istorja għad jikkundannawna.  Minn dawn it-tnejn ma jaħrab ħadd.

4.     Mhux ġudizzju imma karba.

Fl-istess waqt, nitlob maħfra lil Alla u lil min qed jaqra jekk b’dak li esprimejt hawn fuq stajt tajt l-impressjoni li qed niġġudika jew nikkundanna lil xi persuna jew persuni.  Naf li l-ħajja fiha bosta tbatijiet kbar.  Jiena wkoll għandi ħbieb li għaddejjin minn mumenti tqal għaliex huma jew xi ħadd mill-familja tagħhom għandhom sitwazzjonijiet simili.  Nassigura li dak li ktibt hawn fuq ġej mill-karba ta’ tant persuni li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli u diversi; mhux kollha  tbatijiet li ġejjin minn każi ta’ omosesswalità, imma kollha kemm huma jnisslu tbatija. Kollha jnisslu karba  ta’ uġiegħ fil-qalb, mhux biss fil-qalb ta’ dawk involuti direttament  imma ta’ kull min għandu qalb tassew.

Mill-banda l-oħra “l-Knisja tgħallem li r-rispett u l-imħabba lejn persuni omosesswali ma jistgħu bl-ebda mod iwasslu għall-approvazzjoni tal-imġieba omosesswali jew għar-rikonoxximent legali ta’ rabtiet omosesswali. Il-ġid komuni jitlob li l-liġijiet jirrikonoxxu, jiffavorixxu u jħarsu r-rabta taż-żwieġ bħala l-bażi tal-familja, ċellula ewlenija tas-soċjetà.  Li tirrikonoxxi b’mod legali r-rabtiet omosesswali jew li tagħmilhom indaqs bħaż-żwieġ ma jkunx ifisser biss l-approvazzjoni ta’ imġieba devjanti, bil-konsegwenza li tagħmilha mudell fis-soċjetà attwali, imma wkoll tkun toskura valuri bażiċi li jappartjenu għall-wirt komuni tal-umanità.  Il-Knisja ma tistax tonqos milli tiddefendi dawn il-valuri, għall-ġid tal-bnedmin u tas-soċjetà kollha”.[iv]

Huwa dmir  sagrosant tal-Knisja li tiddefendi din ix-xbieha ta’ Alla li hu l-bniedem.  U meta fis-soċjetà jkunu siktu l-ilħna  l-oħra kollha, dakinhar leħen il-Knisja jrid jidwi ferm aktar qawwija minn qatt qabel.  Għax il-messaġg li għandha mhux tagħha, iżda ta dak li bagħtha.

Minn Joe Farrugia


[i] Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Kunsiderazzjonijiet dwar proposti biex ikunu rikonoxxuti rabtiet bejn persuni omosesswali, 3 ta’ Ġunju 2003, 7; fil-Laikos: http://www.laikos.org/Kon_Dutt_Fidi_Rabtiet_Omosesswali_03062003.htm

[iii] Ara Messaġġ tal-Kardinal Bergoglio moqri fil-knejjes kollha ta’ Buenos Aires, 11 ta’ Lulju 2010, 3; fil-Laikos: http://www.laikos.org/Kardinal_Bergoglio_Messagg_11072010.htm

[iv] Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Kunsiderazzjonijiet dwar proposti biex ikunu rikonoxxuti rabtiet bejn persuni omosesswali, 3 ta’ Ġunju 2003, 11; fil-Laikos: http://www.laikos.org/Kon_Dutt_Fidi_Rabtiet_Omosesswali_03062003.htm

7 thoughts on “Il-Knisja fid-dmir li tiddefendi x-xbieha ta’ Alla.”

  1. Jiena naqbel ma li ktibt Sur Farrugia.
    Ghalija, jekk bejn tnejn minn nies ma jistax johrog frott skond in-natura ta’ l-ghamla taghhom, ma tistax issejjah l-ghaqda flimkien taghhom bhala zwieg.
    Jekk tassew tnejn ta’ l-istess sess ma jistghux jghixu minghajr il-kumpanijja ta’ xulxin ghaliex hemm imhabba kbira bejniethom, jghixu flimkien b’imhabba spiritwali. Izda, jekk hija gibda sesswali, din ma taqbilx ma’ dak li jfisser l-ghaqda taz-zwieg bejn tnejn li jikkumplimentaw lil xulxin, biex bejniethom Alla jkompli l-kreazzjoni ta’ bnedmin bhalhom.

    Wiehed mill-argumenti favur l-ghaqda ta’ tnejn ta’ l-istess sess, fejn jirregwarda familja, jigifieri t-trobbija tat-tfal hu, li sfortunatament hawn koppji mizzewgin li jahqru lil uliedhom, jew jaghtuhom skandli u jcahhduhom mill-esperjenza sabiha ta’ l-imhabba.
    Jargumentaw li la huma kapaci jhobbu hafna lit-tfal, dan ahjar milli jghixu f’familji bhal dawn.

    Hawnhekk nara li l-Knisja trid tiehu aktar responsabbilta’ ghall-preparazzjoni tal-koppji li jixtiequ jinghaqdu fiz-zwieg. Kontra dak li hu hazin, m’hemmx ahjar mit-taghlim, u t-talb.

  2. Apparti mill-aspett religjuz, ikun ahjar jekk nirsistu fuq l-aspett socjali. Qed nghid hekk ghaliex il-parlament mhux obbligat jiddefendi l-pozizzjoni tar-Religjon izda hu obbligat jiddefendi l-interessi socjali, b,mod specjali dawk tat-tfal.
    Naturalment, umbaghad, min hu Kattoliku ghandu jimxi skont il-morali Kattolika.

  3. Kristu ħatar ‘l appostli u tahom il-qawwa ta’ l-Ispirtu Qaddis biex imexxu l-poplu t’Alla u jwassluh għas-sewwa kollu; Kristu wegħdehom li ser jibqa magħhom sa l-aħħar taz-zmien. L-awtoritajiet civili għandhom kompitu li jnexxu lil poplu għas-sewwa u l-orndni, bla ma juzurpaw il-missjoni tal-Knisja. Tkun kolpevoli l-Knisja jekk ma xxandarx il-kelma ta’ Alla bla biza f’waqtu u barra minn waqtu ikun barra minn loku li gvern jassumi responsabbilta’ li ma tikkompetix lilu; l-awtorita’ gejja minn Alla u mhux dik mmoghtija lill-mexxejja maghzula mill-poplu nnifsu
    jinħtieg li tkun ir-raguni li tmexxina u mhux l-ideat politici tal-poplu. Inzommu l-bilanc u r-rieda ta’ Alla u mhux nikkupjaw bl-addocc dak li jsir minn pajjizi ohra.

  4. Manwel, jiena nemmen li huwa d-dmir sagrosant tiegħi (qed nitkellem għalija nnifsi) li nistqarr dak kollu li nemmen; jingħoġob u ma jingħoġobx mill-awtroritajiet ċivili, għax allura nkun nisrani tal-karnival, tal-quddiesa ta’ nhar ta’ preċett biss, nisrani tal-konvenjenza, Le, it-tagħlim tal-Knisja, għax inkun konvint minnu, għandi nistqarru DEJJEM, quddiem kulħadd, fuq kull mezz tax-xandir. Dan nagħmlu mhux biex nidher jew ningħoġob minn xi ħadd, iżda għax konvint. Jekk ma nagħmilx hekk, xi darba rrid nagħti kont ‘l Alla għall-aġir, għall-imġiba tiegħi. Se ngħidlu ‘l Alla, kif se niskuża ruħi, kif se niġġustifika ruħi??? Mid-dehra nsejnih li San Tumas More u oħrajn li taw ħajjithom biex jiddefendu t-twemmin tagħhom. Jien, bħal kull nisrani ieħor, minix imħallas, ma ndaħħalx la eluf lanqas miljuni biex niddefendi l-integrita’ u t-twemmin tiegħi. Dan nagħmlu għax konvint. Ta’ dan niżżi ħajr lil Alla.

  5. Ghalija l-punt tal-argument kollu dwar ir-rikonoxximent ta’ koppji omosesswali huwa migbura fid-domanda li hemm lejn l-ahhar ta’ dan l-artiklu, “Min se jhares id-dritt tat-tfal li jikbru f’familja b’omm u b’missier?” Nistaqsi jiena, liema stat, qorti jew istittuzzjoni ohra se jkollha l-wicc u l-kuragg tibghat tifel jew tifla jghixu f’ambjent bla missier jew bla omm?

  6. Ikun hawn min jghid, “Il-Knisja m’ghandhiex titkellem. Hawn il-Knsja ma tidholx. Ghandha taghlaq halqha.”

    Imma nistaqsi, dwar liema Knisja qed nitkellmu? Nafu jew le l-Knisja hija l-poplu kollu li jemmen f’qalbu u jistqarr b’fommu?

    U allura nirriformula dak li ktibt hawn fuq: “Ikun hawn min jghid li l-poplu nisrani m’ghandux jitkellem. Hawn il-poplu nisrani ma jidholx. Ghandu jaghlaq halqu.”

    U inti, xi tghid ghal dan? X’tahseb?

    No comment! Jiena parti mill-poplu nisrani. Jiena parti mill-Knisja. Qaluli ma nitkellimx. Qaluli naghlaq halqi.

  7. Il-bniedem li ma jridx jisma’ jkun qed idaħħal rasu fir-ramel; m’hawnx trux akbar minn dak li ma jridx jisma’. Qed nikkwotak, Joe, “Alla qiegħed ix-xbieha tiegħu fil-bniedem, xbieha li tista’ tkun riflessa f’diversi aspetti, imma l-aktar fil-kumplimentarjetà tar-raġel u l-mara.” Tant hu hekk, li f’Alla stess insibu l-imħabba ‘materna’ u l-imħabba ‘paterna’. min qatt ma sema’ dwar din nistgħu nirreferuh għall-magħrufa Parabbola tal-Missier Ħanin, jew kif inhi magħrufa tal-Iben Prodigu. Jekk wieħed jidħol fil-profond ta’ l-istudju tagħha hemm isib l-imħabba tal-omm u tal-missier. Għalkemm il-ħajja bikrija tal-artist Fjamming, Rembrandt van Rijn kienet daqxejn imħawwda, iżda fl-aħħar ta’ ħajtu daħal fih innifsu u aċċetta l-grazzja b’tant ħeġġa li t-Testment Spiritwali tiegħu kien forma ta’ kwadru kbir enormi, li llum jinsab fil-Hermitage, ġewwa r-Russja. Dan kien il-famuż xogħol li jirrapreżenta propju din il-Parabbola. Tgħiduli, x’għandu x’jaqsam pittura mat-tagħlim tal-Knisja,

    Rembrandt tant fehem dan l-aspett li f’Alla teżisti l-imħabba ‘materna’ u l-imħabba ‘paterna’, iġifieri li dak li tagħti l-omm ma jistax jagħtih il-missier u viċi-versa, li pitter idejn differenti fil-missier li qed jilqa’ ‘l ibnu. L-id il-leminija hija id, bid-driegħ b’kollox ta’ mara, swaba misluta, komma ta’ libsa ta’ mara u l-mod li qed tmiss ‘l binha hija ġentili bħal meta tmiss tarbija. Araw l-id xellugija, dik hija ta; raġel; fis-swaba naraw ċerta tensjoni u għafsa fuq dahar it-tifel.

    Forsi tgħiduli li din hija taħdita għall-istudenti tal-arti, naqbel, iżda turi bl-aktar mod ċar li dan it-tagħlim, ilu jeżisti u jdur madwarna miijiet ta’ snin, dan mhux tagħlim jew tagħrif li jafuh l-intelletwali biss. Le, Rembrandt ma kienx intellettwali, għalkemm kien ġgant fl-arti. Iżda toħroġ tagħlima kbira li , kif kiteb tajjeb Joe, il-komplimentarjeta t’Alla f’dik li hija mħabba u prokreazzjoni hija ‘il-mara u raġel’. L-ebda żewġ persuni tal-istess sess ma jistgħu jikkumplimentaw ‘l Alla.

    Fuq kollox la persuni tal-istess sess jesiġu li għandhom id-dritt li jgħixu flimkien, nirrispettaw dak id-dritt, jew xewqa. IŻDA, huma jridu jirrispettaw id-dritt ta’ ħaddieħor, cioe id-dritt tat-tfal, li hu sagrosant, li n-natura stess tħoss li għandha l-bżonn ta’ mara u raġel biex l-ulied jieħdu t-totalita ta’ dak li toffrilhom in-natura. Jekk ma jsirx hekk ikun egoiżmu sfrenat. Fuq kollox jew nemmnu jew ma nemmnux f’Alla dejjem u f;kollox. Ir-rakkont tal-Ħolqien jagħlaq bi frażi mportanti; meta Alla lesta mill-Ħolqien ‘Alla ra li kollox kien sewwa’. Allura is-sewwa m’għadux sewwa, jew sar dibattibbli? Rridu nagħtu kont ‘l Alla ta’ kull deċiżżjoni li nieħdu f’ħajjitna.

Leave a Reply to Miriam BriffaCancel reply

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading