It-Tnejn, 9 ta’ Diċembru 2013:
Beatitudni, Eminenza,
Venerati aħwa fl-episkopat u fis-saċerdozju,
Għeżież ħuti,
Għall-ewwel darba għandi l-ferħ li nilqa’ bħala Isqof ta’ Ruma Patrijarka ġdid li ġie biex iwettaq ġest sinifikattiv ta’ komunjoni mas-Suċċessur ta’ San Pietru. Waqt li aċċettajt l-elezzjoni kanonika tal-Beatitudni tiegħek, minnufih tlabt l-ecclesiastica communio mal-Knisja li tippresjiedi l-karità universali. Il-Predeċessur venerat tiegħi kkonċediha bi grad tajjeb, għax ftakar fir-rabta mas-Suċċessur ta’ Pietru li l-Knisja ta’ Alessandrija tal-Kopti Kattoliċi dejjem żammet tul l-istorja tagħha. Intom espressjoni tal-predikazzjoni ta’ San Mark Evanġelista: u huwa proprju dan il-wirt li huwa ħallielna bħala interpretu tajjeb tal-Appostlu Pietru.
Fl-ewwel qari, il-Profeta Iżaija (cfr. 35, 1-10) qajjem fi qlubna l-mistennija tar-ritorn glorjuż tal-Mulej. L-inkoraġġiment lill-mitlufin tal-qalb inħossuh immirat għal dawk fl-art maħbuba tagħkom Eġizzjana li jesperimentaw insikurezza u vjolenza, kultant minħabba l-fidi nisranija. Kuraġġ: la tibżgħux! Hekk hu l-kliem konsolatriċi li jsibu konferma fis-solidarjetà fraterna. Jien grat lil Alla għal din il-laqgħa li tagħtini ċans li nsaħħaħ it-tama tagħkom u tagħna, għaliex hija l-istess: ‘…l-art maħruqa … u l-wiċċ niexef jinbidlu f’nixxigħat tal-ilma’ u tiftaħ finalment ‘it-triq qaddisa’, it-triq tal-ferħ u tal-feliċità, ‘u jaħarbu n-niket u l-biki’. Din hija t-tama tagħna, it-tama komuni taż-żewġ Knejjes tagħna.
L-Evanġelju (cfr. Lk. 5, 17-26) jippreżentalna lil Kristu li jirbaħ il-paraliżi tal-umanità. Jiddeskrivi l-qawwa tal-ħniena divina li taħfer u tħoll kull dnub meta tiltaqa’ ma’ fidi awtentika. Il-paraliżi tal-kuxjenza jittieħdu. Bil-kompliċità tal-faqar tal-istorja, u tad-dnub tagħna, jistgħu jespandu u jidħlu fl-istrutturi soċjali u fil-komunità sakemm jimblukkaw popli sħaħ. Imma l-kmand ta’ Kristu jista’ jaqleb is-sitwazzjoni: ‘Qum u imxi!’ Nitolbu b’fiduċja għaliex fl-Art Imqaddsa u fil-Lvant Nofsani kollu l-paċi tista’ terġa’ tqum mill-waqfiet wisq rikorrenti u kultant drammatiċi. Mill-banda l-oħra, jieqfu għal kollox il-mibegħda u l-firdiet. Jerġgħu jibdew minnufih il-ftehim tal-paċi spiss ipparalizzati minn interessi kontrapposti u oskuri. Jingħataw finalment garanziji veri ta’ libertà reliġjuża lil kulħadd, flimkien mad-dritt lill-Insara biex jgħixu b’mod seren hemm fejn twieldu, fil-patrija li jħobbu bħala ċittadini sa minn elfejn sena, biex jikkontribwixxu bħal dejjem għall-ġid ta’ kulħadd. Il-Mulej Ġesù, li esperimenta l-ħarba flimkien mal-Familja Mqaddsa u ġie milqugħ fl-art ġeneruża tagħkom, jgħasses fuq l-Eġizzjani li mat-toroq tad-dinja jfittxu dinjità u sikurezza. U navvanzaw dejjem ’il quddiem, infittxu lill-Mulej, infittxu toroq ġodda, toroq ġodda biex navviċinaw lejn il-Mulej. U jekk ikun hemm bżonn, niftħu fetħa fuq il-bejt biex ilkoll noqorbu lejn il-Mulej. U jalla l-immaġinazzjoni kreattiva tal-karità twassalna għal dan: biex insibu u biex nibnu toroq fejn nistgħu niltaqgħu, toroq ta’ fratellanza, toroq ta’ paċi.
Min-naħa tagħna nixtiequ nigglorifikaw lil Alla, billi nibdlu l-biża’ mal-istagħġib. Ukoll illum nistgħu naraw affarijiet tal-għaġeb: il-miraklu tal-Inkarnazzjoni tal-Verb u, għalhekk, tal-viċinanza assoluta ta’ Alla lejn l-umanità, li fiha dejjem isib postu l-misteru tal-Avvent. Il-kbir missierkom Atanasju, imqiegħed hekk qrib tal-Katedra ta’ Pietru fil-Bażilika Vatikana, jinterċedi għalina, flimkien ma’ San Mark u San Pietru, u fuq kollox mal-Immakulata u Kollha Qaddisa Omm Alla. Huma jiksbu għalina mingħand il-Mulej il-ferħ tal-Evanġelju, mogħti b’abbundanza lid-dixxipli u lix-xhieda. Hekk ikun.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.