Alter Christus, Karba ta’ Lajk.

Print Friendly, PDF & Email

ALTER  CHRISTUS – KRISTU IEĦOR

Karba ta’ Lajk

Kitba ta’ Tony Mahoney

Alter Christus   xi grazzja speċjali, x’misterju kbir ta’ mħabba, li s-Saċerdot, dak il-ħin tal-Konsagrazzjoni, fis-Sagrifiċċju tal-Ewkaristija, jgħid: ‘Dan Huwa Ġismi’ u ‘Dan Huwa Demmi’ u ma jgħidx ‘Dan Huwa Ġisem Kristu’, ‘Dan Huwa Demm Kristu’

L-opra tal-Fidwa ma hiex esklussivament opra spiritwali, il-persuna umana kollha, ġisem u ruħ kienu mifdija permezz tal-azzjoni salvifika, li Kristu wettaq permezz tal-umanità Qaddisa tiegħu.

Is-Saċerdot jaġixxi, jaħdem fil-persuna ta’ Kristu. Is-Saċerdot huwa l-mezz, l-istrument li permezz tiegħu tinxtered u tgħaddi il-grazzja salvifika. Il-persuna fiżiku tas-Saċerdot mhi xejn ħlief il-persuna fiżiku ta’ Kristu.

Mistoqsija Valida dwar problema.

Għaliex is-Saċerdot huwa Alter Christus, il-poplu jħares lejh tali, mhux biss waqt is-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, iżda tul ħajtu kollha, fiċ-ċirkustanzi kollha; fl-azzjonijiet kollha tiegħu, f’dak li jagħmel, f’dak li jgħid, il-mod kif jaġixxi, il-mod kif jirritalja, il-mod kif jitkellem, il-mod kif qed jgħix, il-mod kif jaħseb u jitkellem ….

Il-poplu jaħseb tajjeb, għax għalkemm Saċerdot jibqa’  bniedem, bil-kariżmi u d-difetti li għandu kull bniedem ieħor, iżda huwa dejjem ‘Alter Christus’, għax il-poplu jħares lejh għad-dawl, għat-tmexxija, għall-għajnuna, għall-maħfra, għas-sabar, għas-simpatija u għall-mogħdrija, qiesu qed iħares lejn Kristu.

Il-kaġun tal-Problema

Hija ħasra li wħud mis-Saċerdoti qed jiġrilhom, bħal ħafna koppji miżżewġa, illum, li, wara snin ta’ żwieġ, kemm il-mara u kemm ir-raġel qed jieħdu ‘l xulxin ‘for granted’, għax spiċċat, intfiet, iddgħajfet dik l-ewwel xrara ta’ mħabba, ta’ferħ, ta’ nteress, ta’ ħeġġa, li kellhom dakinhar taż-żwieġ? Jista’ jkun li wħud mis-Saċerdoti qed jaqgħu fl-istess apatija, fl-istess marda? Forsi, qed jinsew, qed  jitilfu dik ix-xrara tħeġġeġ f’qalbhom, dik il-ħeġġa qaddisa li kellhom, mhux f’qalbhom biss, iżda, f’moħħhom, f’persunithom kollha, dak l-entużjażmu li kellhom dakinhar tal-Prima Messa?

Nuqqasijiet li jweġġgħu

Għaliex, ir-radd tas-salib, fil-bidu tal-Quddiesa, għal uħud, sar qiesu tixjir tal-idejn, qiesu qed ikeċċi n-nemus?

Għaliex, dak id-diskors, il-kliem, it-talb, li darba kienu jartikolaw ċar, sabiħ, indirizzat lill-kongregazzjoni, illum, sar, għal uħud, qiesu diskors li qed ikun indirizzat lejhom  biss, ma jinstemgħux, ma jinftiehmu minn ħadd?

X’ħasra li s-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, għalkemm għandha valur kbir, valur intrinsiku, iżda qed titwassal bħala ħaġa monotona, għax drajniha,  bla valur, bla sinifikat, bla djalogu.  Għaliex, dik l-għaġla, iħaffu, qed issir ritwal imqanżaħ, bla ġieħ …. għalkemm is-Sagrifiċċju jibqa’ kbir u ta’valur infinit. Iżda jasal għand il-poplu bi tqanżiħ; għax, forsi, għandhom xi ħaġa aktar importanti, aktar ta’ valur mis-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, mgħaġġlin biex ifittxu jitilqu ‘l barra?

Jafu, dawn it-talin, li għandhom itiehmu kull kelma. Kull messaġġ għandu jasal ċar u bl-imħabba, għax dak huwa djalogu li Alla qed jagħmel mal-poplu, u mhux kliem personali tas-saċerdot.

Għaliex, bil-kemm jingħata  ċans li tadura l-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu waqt l-Elevazzjoni?

Għaliex, uħud, qed joqtlu d-devozzjoni, il-qima u r-rispett lejn il-Ġisem Imqaddes waqt it-Tqarbin; qed jinsew x’għandhom bejn subgħajhom, u qed jinsew li jridu jagħmlu dik id-dikjarazzjoni lill-komunikanti, (Dan hu) “Il-Ġisem ta’ Kristu”. Stqarrija li tistieden lill-komunikant biex jagħmel l-istqarrija tiegħu, “Ammen” (Jiena nemmen li dan huwa l-Ġisem ta’ Kristu).

Għaliex, it-tqarbin, għal uħud, sar qiesu tqassim tal-ħelu, tal-karti tal-logħob? (kemm saċerdoti u kemm lajċi, ministri Straordinarji tat-Tqarbin)

Kemm huwa ħsieb sabiħ dak li s-Saċerdot, qabel ma joħroġ joffri s-Sagrifiċċju tal-Quddiesa jaħseb u jgħid f’qalbu: Din hija l-ewwel Quddiesa tiegħi, u din, tista’ tkun l-aħħar Quddiesa li se nqaddes.

Fejn hi, il-ħlewwa ta’ diskorshom, dik il-ħlewwa qaddisa li kellhom fl-ewwel sena. Qed jinsew, l-Alter Christus,  qed jinsew li llum in-nies ma għadhomx ta’ 30, 50 sena ilu. Illum in-nies jafu jaqraw l-messaġġi, mhux  mil-leħen biss, iżda, mill-espressjoni tal-wiċċ u l-ġisem kollu, mill-ħarsa.

Kemm hi ħaġa sabiħa li tara saċerdot jitbissem, li jiċċajta, li jkun familjari u ħabib ma’ kulħadd, inklużi l-anzjani. J’Alla jimitaw lil San Filippu Neri, minn dan l-aspett. Xi grazzja tana Alla li kellna Papa, bħal Ġwanni Pawlu II, u llum Papa Franġisku li jaf jidħak, li jżomm żaqqu bid-daħq, li jaf jiċċajta, li jaf juri mħabbtu lejn kulħadd, l-aktar lejn l-imwarrbin u t-tfal. Mhux nammirawh,  inħobbuh, u nfaħħruh, iżda nimitawh.

Għaliex, uħud, iżommu iebes, iżommu f’qalbhom, b’wiċċ biċċier, ma jafux jitbissmu? Qatt ma studjaw jew qalulhom kemm tiswa tbissima, tislima ? Nemmen, u persważ li qalulhom

Għaliex, uħud jinjoraw għal kollox bniedem, bniedma għax ikunu kibru fl-età, għax saru anzjani, għax ma għadhomx żgħażagħ? Hekk jimxu mal-ġenituri anzjani tagħhom? Żgur li le, u jagħmlu sewwa.

Għaliex qed jinsew dawn l-Alter Christus li l-aqwa omelija li jista’ jagħmel Saċerdot hija l-istil ta’ħajja li jgħix u kif jaġixxi, kif iġib ruħu ma’ kulħadd, u mhux mill-ambone?

Għaliex? Għaliex, Mulej Ġesù? Għaliex, Mulej, xi drabi, qed tingħata ‘image’ Tiegħek, mgħawwġa, żbaljata?

Għaliex  Mulej dak id-dawl, li suppost jitqiegħed fil-għoli biex idawwal lil kulħadd, kultant qed jiċċajpar, qed jittappan u saħansitra jinħeba.

Għaliex għandna niddubitaw jekk għadux dawl.

Għaliex qed isir diffiċli, kultant impossibbli, li tibqa’ tara Lilek, Mulej, f’uħud mill-Alter Christus?

Għaliex, Mulej, qed tbatti, qed tnin, dik il-mogħdrija, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa, li Int dejjem urejt mal-midinbin, mal-foqra, mar-romol u mat-tfal ?

Huwa minnu li kull Saċerdot huwa bniedem bħal ħaddieħor; kultant jitlef sabru, il-paċenzja, jgħejja, iżda, l-istess jiġrilhom dawk il-missierijiet u ommijiet li jafu jħobbu, li qed jiddedikaw ħajjithom, u saħħithom għall-uliedhom, dawk li l-vokazzjoni taż-żwieġ, għalihom hija tassew vokazzjoni, sejħa qaddisa. Dawn il-ġenituri, bħal-xema twila, sabiħa, sħiħa tibqa’ tagħti d-dawl tagħha, biex iddawwal u ssaħħan lil ħaddieħor, sakemm bil-mod il-mod, titlef surietha, sbuħitha, titlef figuritha fil-qadi tal-missjoni, tal-vokazzjoni, tas-sejħa tagħha u tispiċċa. Iżda, fil-punt tat-tluq tkun tista’ tgħid: Grazzi, Mulej, għall-grazzja li tajtni li naqdi dmiri sal-aħħar. Dan jgħodd kemm għall-ommijiet, għall-missirijiet u għal kull saċerdot.

Hekk nixtieq nara kull Saċerdot, bħal kull omm, denja tal-isem; tbati, taf tħobb u xxerred l-imħabba, taf tistgħabar u issabbar, taf tagħder, nobbli fil-ħsibijiet tagħha, għażiża fil-memorji ta’ wliedha kollha, denja tal-kuruna tas-sema.

Kemm nammira, u jedifikawni dawk is-Saċerdoti, li mhumiex ftit, li, tista’ tara lil Kristu fihom; f’imġibithom, fil-mod kif joffru s-Sagrifiċċju tal-Quddiesa, fil-mod kif jitkellmu, fil-mogħdrija tagħhom, bil-mod kif jesprimu l-opinjoni tagħhom, fil-kontroll ta’ leħinhom u mġiebithom, bl-omelija li jxandru bil-ħajja tagħhom. Ħafna huma dawk li jiġu f’moħħi. Fuq kollox, il-ftit ma għandhomx jittimbraw li-Saċerdoti kollha.

“Għaliex? Għaliex? Mulej, ma nafx jekk hemmx tweġiba għal din il-karba. Jekk hemm, nitolbok, għaddieha Int, bil-mod li Int biss taf kif, lil dawk li qed iħawdu lill-ħaddieħor, ‘l dawk li qed iġibu fix-xejn l-Isem Qaddis Tiegħek. Ħenn għalihom, iġbidhom lejk u fakkarhom fil-ferħ tal-Ewwel Quddiesa. Niżżik ħajr, Mulej.”

5 thoughts on “Alter Christus, Karba ta’ Lajk.”

  1. Għall-informazzjoni ta’ kulħadd, din il-kitba, il-karba, li ħarġet mill-qalb, wara 42 sena nagħti kontribut fil-Knisja, dehret fis-sena 2010 fuq IL-LEĦEN IS-SEWWA. Ma kontx bravu aktar minn Papa Franġisku, iżda, bħalma kulħadd huwa konxju bil-kriżi li teżisti fiż-Żwieġ, l-istess ngħid għas-Saċerdozju. Nixtieq intenni li mal-ftit m’għandhomx jeħlu l-ħafna … għalkemm il-ftit qed jikber. NITOLBU AKTAR.

  2. Ma nafx jekk din il-kitba gietx illum b’kumbinazzjoni jew ghax instigata minn dak li qal il-Papa Frangisku ftit jiem ilu dwar is-sacerdoti, imma ghal dawk li ma qrawx l-omelija tal-Papa, nissugerixxi li jaqraw, specjalment is-sacerdoti. Nemmen li tghodd hafna ghalina l-lajci wkoll. Wara kollox anke ahna ghandna sehem mis-sacerdozju ta’ Kristu. Kliem il-Papa Frangisku qieghed f’din il-link tal-Laikos
    http://www.laikos.org/Papa_Frangisku_SM_11012014.htm

  3. Is-sacerdot jista jkun sacerdot tassew jekk jghix hajtu bhala twegiba ghal sejha, sejha mnn Alla nnifsu. Mhux job. Mhux karriera.

  4. Kitba li hija tassew karba. Mhux tal-awtur wahdu imma ta’ hafna minna li jhobbu l-Knisja u lis-sacerdoti. Nitolbu hafna ghall-qdusija tas-sacerdoti. U taghna lkoll ukoll! Poplu qaddis ikollu sacerdoti qaddisa. Poplu medjokri …

Leave a Reply to Tony MahoneyCancel reply

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading