Katekeżi Sagramenti, Papa Franġisku, Udjenza Ġenerali

L-Ewkaristija, Kelma u Ħobż fil-Quddiea isiru ħaġa waħda bħal fl-Aħhar Ċena


4. Katekeżi dwar is-Sagramenti mill-Papa Franġisku. 5 ta’ Frar 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Il-lum sa nkellimkom dwar l-Ewkaristija. L-Ewkaristija, flimkien mal-Magħmudija u l-Konfirmazzjoni, tinsab fil-qalba ta’ l-“inizjazzjoni Kristjana” u hi l-għajn tal-ħajja tal-Knisja. Minn dan is-Sagrament ta’ mħabba, fil-fatt, toħroġ kull mixja awtentika ta’ fidi, ta’ komunjoni u ta’ xhieda.

Dak li nilmħu quddiemna meta ninġabru biex niċċelebraw l-Ewkaristija, il-Quddiesa, diġà jġagħilna naħsbu fuq dan li nkunu ħa ngħixu. Fiċ-ċentru ta’ l-ispazju maħsub għaċ-ċelebrazzjoni nsibu l-altar, li hu mejda, miksija bi tvalja, u dan ifakkarna f’ikla. Fuq il-mejda hemm salib, biex ifakkarna li fuq dak l-altar jiġi offrut is-sagrifiċċju ta’ Kristu: Hu l-ikel spiritwali li ħa nirċievu hemm, taħt is-sinjali tal-ħobż u ta’ l-inbid. Maġenb l-altar hemm l-ambone, jiġifieri l-post li minnu titħabbrilna l-Kelma ta’ Alla: u dan juri li madwaru ninġabru biex nisimgħu lill-Mulej li jitkellem permezz ta’ l-Iskrittura Mqaddsa, u għalhekk l-ikel li sa nirċievu hu anki l-Kelma tiegħu.

Kelma u Ħobż fil-Quddiesa jsiru ħaġa waħda, bħal fl-Aħħar Ċena, meta l-kliem kollu ta’ Ġesù, is-sinjali kollha li għamel, inġabru flimkien fil-ġest tal-qsim tal-ħobż u ta’ l-offerta tal-kalċi, antiċipazzjoni tas-sagrifiċċju tas-salib, u f’dawk il-kelmiet: “Ħudu u kulu, dan hu ġismi… Ħudu u ixorbu, dan hu demmi”.

Il-ġest li Ġesù wettaq fl-Aħħar Ċena hu l-ogħla radd il-ħajr lill-Missier għal imħabbtu, għall-ħniena tiegħu. “Radd il-ħajr” bil-Grieg hu “ewkaristija”. U għalhekk dan is-Sagrament jissejjaħ Ewkaristija: hu l-ogħla radd il-ħajr lill-Missier, li tant ħabbna li tana lil Ibnu għall-imħabba tagħna. Għalhekk il-kelma Ewkaristija tiġbor fiha mill-ġdid dak il-ġest kollu, li hu l-ġest ta’ Alla u tal-bniedem flimkien, ġest ta’ Ġesù Kristu, veru Alla u veru bniedem.

Mela ċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija hi wisq aktar minn sempliċi ikla: hi sewwa sew il-memorjal ta’ l-Għid ta’ Ġesù, il-misteru ċentrali tas-salvazzjoni. “Memorjal” ma jfissirx biss tifkira, sempliċi tifkira, imma jfisser li kull darba li niċċelebraw dan is-Sagrament inkunu nieħdu sehem fil-misteru tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu. L-Ewkaristija hi l-quċċata ta’ l-azzjoni ta’ salvazzjoni ta’ Alla: fil-fatt il-Mulej Ġesù, li sar ħobż maqsum għalina, isawwab fuqna l-ħniena u l-imħabba kollha tiegħu, hekk li jġedded lil qalbna, l-eżistenza tagħna u l-mod ta’ kif aħna ninirrelataw miegħU u ma’ ħutna. Hu għalhekk li normalment, meta nersqu għal dan is-Sagrament, ngħidu li “ħa nirċievu t-Tqarbin”, “nitqarbnu”: dan ifisser li bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, is-sehem fil-mejda Ewkaristija jgħaqqadna b’mod uniku u profond ma’ Kristu, u jdewwaqna sa minn issa l-komunjoni sħiħa mal-Missier li tikkaratterizza l-ikla tas-Sema, fejn mal-Qaddisin kollha għad ikollna x-xorti li nikkontemplaw lil Alla wiċċ imb’wiċċ.

Għeżież ħbieb, qatt ma nistgħu rroddu ħajr biżżejjed lill-Mulej għad-don li għamlilna bl-Ewkaristija! Hu don hekk kbir u għalhekk hu tant importanti mmorru l-Quddiesa nhar ta’ Ħadd. Immorru l-Quddiesa mhux biss biex nitolbu, imma biex nirċievu t-Tqarbin Imqaddes, dan il-ħobż li hu l-ġisem ta’ Ġesù Kristu li jsalvana, jaħfrilna, jgħaqqadna mal-Missier. Kemm hi ħaġa sabiħa li nagħmlu dan! U kull nhar ta’ Ħadd immorru l-Quddiesa, għax dan hu l-jum propju tal-Qawmien tal-Mulej. Hu għalhekk li l-Ħadd hu tant importanti għalina. U bl-Ewkaristija nħossu li aħna nagħmlu parti mill-Knisja, mill-Poplu ta’ Alla, mill-Ġisem ta’ Alla, minn Ġesù Kristu. Qatt m’aħna ħa nkunu nistgħu ngħidu li fhimna għal kollox il-valur u l-għana sħiħ ta’ dan kollu. Nitolbuh għalhekk li dan is-Sagrament ikompli jżomm il-preżenza tiegħu ħajja fil-Knisja u jagħġen il-komunitajiet tagħna fl-imħabba u fil-komunjoni, skond il-qalb tal-Missier. U dan nagħmluh tul ħajjitna kollha, imma nibdew nagħmluh nhar l-ewwel Tqarbina. Importanti li t-tfal jitħejjew tajjeb għall-ewwel Tqarbina u li kull tifel u tifla jagħmluha, għax, wara l-Magħmudija u l-Griżma, dan hu l-ewwel pass f’din l-appartenenza qawwija għal Ġesù Kristu.

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s