Il-Papa f’Santa Marta: Riflessjoni dwar il-misteru tal-mewt

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 6 ta’ Frar 2014: Waqt l-omelija tal-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta, il-Papa għamel riflessjoni dwar il-misteru tal-mewt u għamel stedina biex nitolbu tliet grazzji lill-Mulej: li mmutu fil-Knisja, li mmutu bit-tama, u li nħallu warajna wirt ta’ xhieda ta’ ħajja nisranija.

Il-Papa kkummenta dwar l-ewwel qari li jirrakkonta l-mewt ta’ David, wara li dan kien qatta’ ħajtu jaqdi lill-poplu.  Franġisku enfasizza tliet affarijiet: l-ewwel, li David imut fi ħdan il-poplu tiegħu.  Baqa’ jgħix sal-aħħar f’għaqda mal-poplu t’Alla.  Kien dineb: hu stess isejjaħ lilu nnifsu  ‘midneb’, imma qatt ma tbiegħed mill-poplu t’Alla.

Midneb iva imma traditur le, osserva l-Papa, li żied li din hija grazzja, li tibqa’ sal-aħħar fil-poplu t’Alla.  Ikollna l-grazzja li mmutu fi ħdan il-Knisja, fl-għaqda mal-poplu t’Alla.  Dan hu l-ewwel punt li nixtieq niġbed l-attenzjoni dwaru, qal il-Qdusija Tiegħu.  Anke aħna għandna nitolbu l-grazzja li mmutu ‘fid-dar’, fil-Knisja.  Din hija grazzja!  Dan ma jinxtarax! Huwa rigal ta’ Alla u għandna nitolbuhulu:  ‘Mulej tini l-grazzja li mmut fid-dar, fil-Knisja!’  Midinbin, iva – ilkoll aħna midinbin! – imma le tradituri!  Le korrotti!  Dejjem magħqudin! U l-Knisja hi omm, li tridna kif aħna, anke maħmuġin, imma l-Knisja tnaddafna: hija omm!

It-tieni riflessjoni: David imut kalm, fil-paċi, seren, biċ-ċertezza li sejjer ‘in-naħa l-oħra’ ma’ missirijietu.  Din, afferma l-Papa, hija grazzja oħra: il-grazzja li mmutu bit-tama, b’dan l-għarfien li n-naħa l-oħra qed jistennewna, in-naħa l-oħra d-dar tkompli, tkompli l-familja, ma nkunux waħedna.  Din hija grazzja li għandna nitolbu, osserva Franġisku, għax fl-aħħar waqtiet tal-ħajja nifhmu li l-ħajja hija ġlieda u l-ispirtu tal-ħażen irid il-priża kollha.

Santa Tereżina tal-Bambin Ġesù kienet tgħid li fl-aħħar żminijiet tagħha, f’ruħha kien hemm taqbida u meta kienet taħseb dwar il-futur, dwar dak li kien hemm jistennieha wara l-mewt, fis-sema, kienet donnha tisma’ leħen jgħidilha: ‘Le, tkunx belha, hemm id-dlam jistenniek.  Hemm jistenniek biss id-dlam tal-baħħ.’  Hekk kienet tgħid.  Kien leħen ix-xitan, id-demonju li ma riedx li hi tintelaq f’Alla.  Immutu fit-tama u nafdaw ruħna f’Alla! Nitolbu din il-grazzja.

Iżda biex nafdaw ruħna f’Alla rridu nibdew minn issa, mill-affarijiet żgħar tal-ħajja u anke fil-problemi l-kbar, nafdaw dejjem fil-Mulej u b’hekk nieħdu d-drawwa li nafdaw fih u tisseddaq fina t-tama.  Immutu fid-dar, fit-tama.

It-tielet riflessjoni hi dwar il-wirt li ħalla David.  Naraw tant skandli minħabba l-wirt, fakkar il-Papa, skandli fil-familji li jinfirdu.  Imma David iħalli bħala wirt 40 sena ta’ gvern u l-poplu hu msaħħaħ u qawwi.  Idjoma popolari tgħid li f’ħajtu kull bniedem irid iħalli l-wirt ta’ wild, irid iħawwel siġra u jrid jikteb ktieb: dan hu l-aħjar wirt!

Għalhekk il-Papa talab li nistaqsu lilna nfusna: ‘X’wirt se nħalli jien għal ta’ warajja?  Wirt ta’ ħajja? Għamilt tant tajjeb li n-nies iridu jqisuni bħala omm jew missier?  Ħawwilt siġra?  Tajt il-ħajja, l-għerf?  Ktibt ktieb?’  David iħalli dan il-wirt lil ibnu u jgħidlu: ‘Kun sod u uri li inti raġel.  Ħares il-liġi tal-Mulej Alla tiegħek billi timxi fit-triq tiegħu u ssegwi l-liġijiet tiegħu.’

Dan hu l-wirt: ix-xhieda nisranija tagħna mħollija lill-oħrajn.  Uħud minna jħallu wirt kbir: niftakru fil-qaddisin li għexu l-Evanġelju b’tant ħeġġa, li jħallulna triq ta’ ħajja u mod ta’ għajxien bħala wirt.  Dawn huma t-tliet affarijiet li jitnisslu f’qalbi jien u naqra dan ir-rakkont tal-mewt ta’ David: nitlob il-grazzja li mmut fid-dar, li mmut fil-Knisja; nitlob il-grazzja li mmut fit-tama, bit-tama; nitlob il-grazzja li nħalli wirt sabiħ, wirt uman, wirt magħmul mix-xhieda tal-ħajja nisranija tagħna.  Jalla San David jaqlgħalna lkoll dawn it-tliet grazzji, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

%d