Alla jsawwar poplu

Print Friendly, PDF & Email

1. Katekeżi dwar il-Knisja mill-Papa Franġisku. 18 ta’ Ġunju 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba. U nifirħilkom, għax kontu kuraġġjużi, b’dan it-temp fejn ma tafx hix tagħmel xita jew le… Bravi! Nittamaw li jirnexxielna ntemmu l-udjenza bla ilma, il-Mulej ikollu ħniena minna.

Il-lum se nibdew ċiklu ta’ katekeżi dwar il-Knisja. Qisu xi ftit bħal iben li jitkellem dwar l-istess ommu, dwar il-familja tiegħu. Meta nitkellmu dwar il-Knisja nkunu nitkellmu dwar ommna, dwar il-familja tagħna. Il-Knisja fil-fatt m’hix istituzzjoni li ssib l-għan tagħha fiha nfisha jew xi għaqda privata, xi NGO, u wisq anqas m’għandha żżomm ħaristha magħluqa għall-kleru jew għall-Vatikan… “Il-Knisja taħseb…”. Imma l-Knisja hi aħna lkoll! “Fuq min qed titkellem int?”. “Le, fuq il-qassisin…”. Aħ, il-qassisin huma parti mill-Knisja, imma l-Knisja hi aħna lkoll! Tillimitahiex għall-qassisin biss, għall-isqfijiet, għall-Vatikan… Dawn jagħmlu parti mill-Knisja, imma l-Knisja hi aħna lkoll, ilkoll familja waħda, ilkoll ulied l-istess omm. U l-Knisja hi realtà wisq usa’, li tinfetaħ għall-bnedmin kollha u li ma titwelidx f’laboratorju, il-Knisja ma twelditx f’laboratorju, ma twelditx f’salt. Hi mwaqqfa minn Ġesù, imma hi poplu bi storja twila wara spallejha u tħejjija li taf il-bidu tagħha wisq qabel Kristu nnifsu.

1. Din l-istorja, jew “preistorja”, tal-Knisja diġà tinsab fil-paġni tat-Testment il-Qadim. Smajna l-Ktieb tal-Ġenesi: Alla għażel lil Abraham, missierna fil-fidi, u talbu jitlaq mnejn kien, iħalli l-pajjiż tiegħu fuq din l-art u jimxi lejn art oħra, li Hu kellu jurih (ara Ġen 12:1-9). U f’din il-vokazzjoni Alla lil Abraham ma jsejjaħlux waħdu, bħala individwu, imma sa mill-bidu jdaħħal fin-nofs lill-familja tiegħu, il-qraba tiegħu u dawk kollha li kienu qaddejja fid-dar tiegħu. Ladarba jkunu bdew mexjin, – iva, hekk tibda miexja l-Knisja – imbagħad, Alla jwessa’ iktar ix-xefaq u jsawwab fuq Abraham il-barkiet tiegħu, iwiegħdu nisel kbir fl-għadd daqs il-kwiekeb tas-sema u r-ramel ta’ xatt il-baħar. L-ewwel fatt importanti hu sewwa sew dan: ibda minn Abraham, Alla jsawwar poplu biex iwassal il-barka tiegħu lill-familji kollha ta’ l-art. U minn qalb dan il-poplu jitwieled Ġesù. Hu Alla li jsawwar dan il-poplu, din l-istorja, il-Knisja li timxi, u minnu jitwieled Ġesù, fi ħdan dan il-poplu.

2. It-tieni aspett: m’huwiex Abraham li jibni poplu madwaru, imma Alla li jagħti l-ħajja lil dan il-poplu. Is-soltu kien il-bniedem li jdur għand id-divinità, u jfittex li joħloq pont u jitlob l-għajnuna u l-protezzjoni tagħha. In-nies kienet titlob lill-allat, id-divinitajiet. F’dan il-każ, imma, qed naraw quddiemna xi ħaġa li qatt ma nstemgħet qabel: hu Alla nnifsu li jieħu l-inizjattiva. Isimgħuha din: hu Alla nnifsu li jħabbat fuq il-bieb ta’ Abraham u jgħidlu: Mur, itlaq minn artek, ibda miexi u jien nagħmel minnek ġens kbir. U dan hu l-bidu tal-Knisja u minn dan il-poplu jitwieled Ġesù. Alla jieħu l-inizjattiva u jkellem lill-bniedem, hekk joħloq rabta u relazzjoni ġdida miegħu. “Imma, Dun, dan kif? Alla jkellimna?”. “Iva”. “U aħna nistgħu nitkellmu ma’ Alla”. “Iva”. “Imma aħna jista’ jkollna konverżazzjoni ma’ Alla?”. “Iva”. Dan jissejjaħ talb, imma kien Alla li għamel dan sa mill-bidu nett. Hekk Alla jsawwar poplu għalih b’dawk kollha li jisimgħu l-Kelma tiegħu u li jibdew mexjin, b’fiduċja sħiħa fiH. Din hi l-unika kundizzjoni: li jafdaw f’Alla. Jekk int tafda f’Alla, tisma’ minnu u tibda miexi, hekk tkun tibni l-Knisja. L-imħabba ta’ Alla tiġi qabel kollox. Alla dejjem hu l-ewwel, jasal qabilna, Hu jimxi qabilna. Il-profeta Isaija, jew Ġeremija, ma niftakarx eżatt, jgħid li Alla hu bħall-fergħa tal-lewża, għax din hi l-ewwel siġra li twarrad fir-Rebbiegħa. Dan biex jgħid li Alla dejjem iwarrad qabilna. Meta aħna naslu, lilU nsibuh jistenniena, Hu jsejħilna, Hu jgħinna nimxu. Dejjem jantiċipana. U din tissejjaħ imħabba, għax Alla dejjem jistenniena. “Imma, Dun, jien ma nemminx f’dan, għax, Dun, li kieku kellek tkun taf ħajti, kemm kienet kerha, kif nista’ naħseb li Alla qed jistenna lili?”. “Alla qed jistenniek. U jekk kont midneb kbir, iktar qed jistenniek b’ħafna mħabba, għax Hu dejjem l-ewwel”. Dan hu l-ġmiel tal-Knisja, li twassalna għand dan Alla li jistenniena! Kien qabel Abraham, kien qabel l-istess Adam.

3. Abraham u niesu semgħu s-sejħa ta’ Alla u bdew mexjin, anki jekk ma kinux jafu sew min kien dan Alla u lejn fejn ried imexxihom. Hu minnu, għax Abraham beda jimxi u fada f’dan Alla li kellmu, imma ma kellu l-ebda ktieb tat-teoloġija f’idejh biex jistudja min kien dan Alla. Fada fih, fada fl-imħabba. Alla dewqu mħabbtu u hu fada fih. Imma dan ma jfissirx li dan il-poplu dejjem kien konvint u fidil. Anzi, sa mill-bidu nsibu r-reżistenza, insibu lil min jingħalaq fih innifsu u jfittex l-interessi tiegħu u t-tentazzjoni li jinnegozja ma’ Alla u jsolvi l-kwistjoni bil-mod tiegħu. U dawn huma t-tradimenti u d-dnubiet li jimmarkaw il-mixja tal-poplu tul l-istorja kollha tas-salvazzjoni, li hi l-istorja tal-fedeltà ta’ Alla u ta’ l-infedeltà tal-poplu. Imma Alla ma jegħja qatt, Alla għandu s-sabar, jaf jistabar ħafna, u matul iż-żmien jissokta jeduka u jsawwar il-poplu tiegħu, bħal missier ma’ ibnu. Alla jimxi magħna. Jgħid il-profeta Ħosegħa: “Jien imxejt miegħek u għallimtek timxi bħalma missier jgħallem jimxi lil ibnu”. Kemm hi sabiħa din ix-xbieha ta’ Alla! U l-istess jagħmel magħna: jgħallimna nimxu. U dan hu l-istess atteġġjament li bih jimxi mal-Knisja. Aħna wkoll, fil-fatt, minkejja l-intenzjoni tagħna li nimxu wara l-Mulej Ġesù, ta’ kuljum nagħmlu esperjenza ta’ l-egoiżmu u ta’ l-ebusija ta’ qalbna. Imma meta nagħrfu li aħna midinbin, Alla jimliena mill-ġdid bil-ħniena tiegħu u bi mħabbtu. U jaħfrilna, jaħfrilna dejjem. U hu propju dan li jkabbarna bħala poplu ta’ Alla, bħala Knisja: m’hix il-bravura tagħna, m’humiex il-merti tagħna – aħna m’aħna xejn, le m’hux dak –, imma hi l-esperjenza ta’ kuljum ta’ kemm Alla jħobbna u jieħu ħsiebna. Dan hu li jġagħilna nħossuna tassew tiegħu, f’idejh, u jkabbarna fl-għaqda tagħna miegħU u bejnietna. Li nkunu Knisja jfisser li nħossuna f’dirgħajn Alla, li hu missier u jħobbna, iżiegħel bina, jistenniena, idewwaqna l-ħlewwa tiegħu. U din hi ħaġa sabiħa ferm!

Għeżież ħbieb, dan hu l-pjan ta’ Alla; meta sejjaħ lil Abraham, Alla f’dan kien qed jaħseb: li jsawwar poplu mbierek bi mħabbtu u li jwassal il-barka tiegħu lill-ġnus kollha ta’ l-art. Dan il-pjan ma jinbidilx, dejjem għadu qed jitwettaq. Fi Kristu sab il-milja tiegħu u anki l-lum Alla jissokta jwettqu fil-Knisja. Għalhekk ejjew nitolbu l-grazzja li nibqgħu fidili għall-mixja wara l-Mulej Ġesù u għas-smigħ tal-Kelma tiegħu, lesti li ta’ kuljum nitilqu mill-ġdid, bħal Abraham, lejn l-art ta’ Alla u tal-bniedem, il-pajjiż veru tagħna, u hekk insiru barka, sinjal ta’ l-imħabba ta’ Alla għal uliedu kollha. Nieħu gost naħseb li sinonimu, isem ieħor li jista’ jkollna aħna l-Insara, hu dan: aħna rġiel u nisa, poplu li jbierek. In-Nisrani bil-ħajja tiegħu dejjem għandu jbierek, ibierek lil Alla u jbierek lil kulħadd. Aħna l-Insara poplu li jbierek, li jaf ibierek. X’vokazzjoni sabiħa hi din!

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading