Il-Papa f’Santa Marta: Meta naqraw  il-ktieb  tal-Ġenesi  hemm il-periklu  li  naħsbu  li  Alla  kien xi saħħar  li  għamel kollox bil-maġija


It-Tnejn, 8 ta’ Settembru 2014: Fil-jum li fih il-Knisja tiċċelebra t-twelid tal-Verġni Marija, il-Papa ddedika l-omelija tiegħu lill-ħolqien u l-vjaġġ t’Alla magħna matul l-istorja.  Huwa qal li meta naqraw il-ktieb tal-Ġenesi hemm il-periklu li naħsbu li Alla kien xi saħħar li għamel kollox bil-maġija.

Il-Papa wissa li dan mhux minnu għaliex Alla ħalaq kollox u ppermetta li kollox jimxi b’liġijiet interjuri li ta lil kull wieħed sabiex ikun jista’ jiżviluppa u jasal sal-milja. Il-Mulej ta awtonomija iżda mhux indipendenza lill-ħwejjeġ tal-univers. U meta ħalaq lill-bniedem tah awtonomija li hija libertà għax għamel lill-bniedem responsabbli mill-ħolqien sabiex jiddomina l-ħolqien, imexxih ’il quddiem u jwasslu sal-milja taż-żminijiet. U x’inhi din il-milja? Dak li Alla kellu f’qalbu: it-twelid ta’ Ibnu.

Il-Papa Franġisku kompla jgħid li din hija t-triq tal-umanità, il-vjaġġ tal-umanità. Alla riedna nkunu bħal Ibnu u Ibnu bħalna. Fil-qari tal-Evanġelju tal-lum nisimgħu lista ta’ nies fil-ġenealoġija ta’ Ġesù u f’din il-lista hemm qaddisin u midinbin, iżda l-istorja tkompli għax Alla ried li l-bnedmin kollha jkunu liberi. Din l-istorja waslet sa raħal ċkejken f’Nazaret permezz ta’ Ġużeppi u Marija għaliex Alla ried li jimxi ma’ kulħadd. Il-Papa kkwota lil San Tumas li qal: ‘Tibżgħux mill-ħwejjeġ kbar iżda agħtu kas ukoll taż-żgħar.’  Dan huwa divin. Alla hekk hu: insibuh fil-ħwejjeġ kbar u f’dawk żgħar. Alla huwa l-Mulej li jimxi magħna u huwa l-Mulej tas-sabar. Il-paċenzja t’Alla… il-paċenzja li kellu ma’ dawn il-ġenerazzjonijiet kollha, ma’ dawn in-nies kollha li għexu l-istorja tagħhom ta’ grazzja u ta’ dnub, u Alla jibqa’ dejjem jimxi magħna.

U hekk naslu sa Marija li bit-twelid tagħha fetħet il-bieb ta’ din l-istorja;  din it-tarbija ċkejkna, qaddisa u safja, li kienet ippredestinata li tkun Omm Alla. U hawnhekk il-Papa stedinna nħarsu lejn l-istorja tagħna u nistaqsu lilna nfusna jekk aħna nħallux lil Alla jimxi magħna jew jekk nimxux waħedna.

Jien inħallih imellisni, jaħfirli, imexxini ’l quddiem sabiex nasal sal-laqgħa tiegħi ma’ Ġesù Kristu? Dan se jkun it-tmiem tal-vjaġġ tagħna: li niltaqgħu ma’ Ġesù. U hekk, fil-festa tal-lum, infaħħru lill-Mulej u b’umiltà nitolbuH jagħtina l-paċi, dik il-paċi tal-qalb li huwa biss jista’ jagħtina meta aħna nħalluh jimxi magħna.  

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta