L-Imqaddsa Ommna l-Knisja Ġerarkika

Print Friendly, PDF & Email

13. Katekeżi dwar il-Knisja mill-Papa Franġisku. 5 ta’ Novembru 2014

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba.

Smajna x’jgħid l-Appostlu Pawlu lill-Isqof Titu. Imma kemm virtujiet għandu jkollna aħna l-isqfijiet? Kollha smajniehom, le? M’hux faċli, m’hux faċli, għax aħna midinbin. Imma nafdaw ruħna f’idejn it-talb tagħkom, biex forsi ta’ l-inqas noqorbu lejn dawn il-ħwejjeġ li l-Appostlu Pawlu jissuġġerixxi lill-isqfijiet kollha. Tajjeb? Titolbu għalina?

Diġà, fil-katekeżi li għaddew, kellna okkażjoni ngħidu kif l-Ispirtu s-Santu jxerred dejjem id-doni tiegħu fuq il-Knisja, bil-kotra. Issa, bil-qawwa u l-grazzja ta’ l-Ispirtu tiegħu, Kristu ma jonqosx li jqanqal ministeri, biex jibni l-komunitajiet Insara bħala ġisem tiegħu. Fost dawn il-ministeri, jispikka dak episkopali. Fl-Isqof, megħjun mill-Presbiteri u d-Djakni, hu Kristu nnifsu li jagħmel lilu nnifsu preżenti u li jissokta jieħu ħsieb tal-Knisja tiegħu, billi jiżguraha mill-protezzjoni u d-dawl tiegħu.

1. Fil-preżenza u fil-ministeru ta’ l-Isqfijiet, il-Presbiteri u d-Djakni nistgħu nagħrfu l-veru wiċċ tal-Knisja: hi Ommna l-Knisja Mqaddsa Ġerarkika. U tabilħaqq, permezz ta’ dawn ħutna magħżula mill-Mulej u kkonsagrati bis-sagrament ta’ l-Ordni, il-Knisja tħaddem il-maternità tagħha: fil-Magħmudija tnissilna bħala Nsara, twellidna mill-ġdid fi Kristu; tieħu ħsieb il-mixja li fiha nikbru fil-fidi; takkumpanjana lejn dirgħajn il-Missier, biex nilqgħu l-maħfra tiegħu; tħejji għalina l-mejda Ewkaristika, fejn tmantnina bil-Kelma ta’ Alla u l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù; issejjaħ fuqna l-barka ta’ Alla u l-qawwa ta’ l-Ispirtu tiegħu, billi tweżinna tul ħajjitna kollha u ddawwarna bil-ħlewwa u l-imħabba tiegħu, l-aktar fil-mumenti l-iżjed delikati tal-prova, tat-tbatija u tal-mewt.

2. Din il-maternità tal-Knisja tesprimi ruħha b’mod partikulari fil-persuna ta’ l-Isqof u tal-ministeru tiegħu. Fil-fatt, kif Ġesù għażel lill-Appostli u bagħathom iħabbru l-Vanġelu u jirgħu l-merħla tiegħu, hekk l-Isqfijiet, is-suċċessuri tagħhom, huma mqiegħda f’ras il-komunitajiet Insara, bħala garanti tal-fidi tagħhom u bħala sinjal ħaj tal-preżenza tal-Mulej f’nofshom. Għalhekk qed nifhmu li hawn m’aħniex nitkellmu fuq pożizzjoni ta’ prestiġju, fuq xi kariga ta’ ġieħ. L-episkopat m’hux xi onorifiċenza, hu servizz. Ġesù hekk riedu. Fil-Knisja m’għandux ikun hemm lok għall-mentalità tad-dinja. Il-mentalità tad-dinja tgħid: “Dan ir-raġel għamel karriera fil-Knisja, sar isqof”. Le, le, fil-Knisja m’għandux ikun hemm post għal din il-mentalità. L-episkopat hu servizz, m’hux onorifiċenza biex wieħed joqgħod jiftaħar. Li tkun Isqof ifisser iżżomm quddiem għajnejk l-eżempju ta’ Ġesù li, bħala Ragħaj Tajjeb, ġie mhux biex ikun moqdi, imma biex jaqdi (ara Mt 20:28; Mk 10:45) u biex jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu (ara Ġw 10:11). L-Isqfijiet qaddisa – u kellna ħafna fl-istorja tal-Knisja, ħafna isqfijiet qaddisin – juruna li dan il-ministeru ma tfittxux, ma titolbux int, ma tixtrihx, imma tilqgħu b’ubbidjenza, mhux biex titgħolla, imma biex titbaxxa, bħal Ġesù li “ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib” (Fil 2:8). Xi dwejjaq meta tara bniedem li qed ifittex dan l-uffiċċju u li jagħmel tant affarijiet biex jasal hemm u meta jasal hemm ma jagħmilhiex ta’ qaddej, ixammar imnieħru, jgħix biss bil-vanità tiegħu.

3. Hemm aspett ieħor prezzjuż li jixraq insemmu. Meta Ġesù għażel u sejjaħ lill-Appostli, ma ħasibx fihom mifruda wieħed mill-ieħor, kull wieħed għalih waħdu, imma flimkien, biex jibqgħu miegħU, magħqudin, bħala familja waħda. Anki l-Isqfijiet jiffurmaw kulleġġ wieħed, miġbur madwar il-Papa, li hu l-ħarries u garanti ta’ din il-komunjoni qawwija, li tant kienet għal qalb Ġesù u għall-istess Appostli tiegħu. Kemm hu sabiħ, mela, meta l-Isqfijiet, flimkien mal-Papa, jesprimu din il-kolleġġjalità u jfittxu li jkunu dejjem iżjed u aħjar qaddejja tal-fidili, iżjed qaddejja tal-Knisja! Dan doqnieh dan l-aħħar fl-Assemblea tas-Sinodu fuq il-familja. Imma nistgħu naħsbu fl-Isqfijiet kollha mxerrda mad-dinja li, anki jekk qed jgħixu f’lokalitajiet, kulturi, sensibbiltajiet u tradizzjonijiet differenti u mbiegħda minn xulxin, minn naħa għall-oħra – wieħed isqof l-aħħar darba kien qed jgħidli li biex jasal Ruma, minn fejn kien hu, kellu bżonn iżjed minn tletin siegħa ajruplan – iħossu li huma parti minn xulxin u jsiru espressjoni tar-rabta qawwija, fi Kristu, bejn il-komunitajiet tagħhom. U fit-talba komuni tal-Knisja l-Isqfijiet kollha flimkien jisimgħu dak li jrid jgħid il-Mulej u l-Ispirtu, biex hekk jistgħu juru attenzjoni qawwija lejn il-bniedem u lejn is-sinjali taż-żminijiet (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Gaudium et spes, 4).

Għeżież ħbieb, dan kollu jurina għaliex il-komunitajiet Insara għandhom jaraw fl-Isqof tagħhom don kbir, u huma msejħa jkollhom komunjoni sinċiera u profonda miegħu, ibda mill-presbiteri u d-djakni. Ma tkunx Knisja b’saħħitha jekk il-fidili, id-djakni u l-presbiteri m’humiex magħqudin ma’ l-Isqof tagħhom. Dik il-Knisja li m’hix magħquda ma’ l-Isqof hi Knisja marida. Ġesù ried din l-għaqda tal-fidili kollha ma’ l-Isqof, anki tad-djakni u tal-presbiteri. U dan jagħmluh fl-għarfien li hu sewwa sew fl-Isqof li tidher ir-rabta ta’ kull Knisja ma’ l-Appostli u mal-komunitajiet l-oħrajn kollha, magħquda ma’ l-Isqfijiet tagħhom u l-Papa fil-Knisja waħda tal-Mulej Ġesù, li hi Omma l-Knisja Mqaddsa Ġerarkika. Grazzi.

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading