Min iħobb jaf lil Alla, min ma jħobbx ma għarafx lil Alla


Il-Ħamis 8 ta’ Jannar 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Fl-omelija li għamel waqt il-quddiesa ta’ dalgħodu fid-Dar Santa Marta, il-Papa qal li f’dawn il-jiem ta’ wara l-Milied, il-qofol tal-liturġija jinsab fil-kelma ‘manifestazzjoni’. Ġesù jimmanifesta ruħu fil-festa tal-Epifanija, fil-Magħmudija u fit-Tieġ ta’ Kana.

Imma, staqsa l-Papa, kif nistgħu nkunu nafu lil Alla? Din hi t-tema tal-ewwel qari mill-ittra ta’ San Ġwann li jurina li biex insiru nafu lil Alla, l-intellett tagħna, ir-raġuni, mhumiex biżżejjed. Lil Alla nsiru nafuH meta niltaqgħu miegħU u għal-laqgħa r-raġuni waħedha mhix biżżejjed. Hemm bżonn xi ħaġa aktar, qal il-Papa.

Alla huwa mħabba! U hu biss mit-triq tal-imħabba li int tista’ ssir taf lil Alla. Imħabba raġonevoli, akkumpanjata mir-raġuni. Imma mħabba!

Kif nista’ nħobb lil min ma nafux? Ħobb lil dawk li huma qrib tiegħek. Din hi d-duttrina taż-żewġ Kmandamenti: l-aktar wieħed importanti hu li tħobb lil Alla għax hu mħabba; imma t-tieni hu li tħobb lill-proxxmu. Imma biex naslu għall-ewwel wieħed irridu nitilgħu t-taraġ tat-tieni: jiġifieri bl-imħabba lejn il-proxxmu naslu biex insiru nafu lil Alla, li hu mħabba.

Din hi r-raġuni, żied il-Papa, għala aħna għandna nħobbu lil xulxin, għax l-imħabba hija ta’ Alla u kull min iħobb hu mnissel minn Alla. Min iħobb, jaf lil Alla; min ma jħobbx, lil Alla ma għarfux, għax Alla huwa mħabba. Imma mhux l-imħabba ta’ xi telenovella. Le u le. Imħabba solida, qawwija; imħabba eterna, imħabba li tidher f’Ibnu li ġie biex isalvana, kif qed naraw f’dawn il-ġranet.

Imħabba konkreta ta’ opri mhux tal-kliem. Biex insiru nafu lil Alla għandna għomorna kollu: hija mixja, mixja ta’ mħabba, ta’ għarfien, ta’ mħabba lejn il-proxxmu, ta’ mħabba lejn dawk li jobogħduna, ta’ mħabba lejn kulħadd.

Franġisku kompla josserva li ma konniex aħna li tajna l-imħabba imma kien Alla li ħabbna u bagħat lil Ibnu bħala vittma biex ipatti għal dnubietna. Fil-persuna ta’ Ġesù aħna nikkontemplaw l-imħabba t’Alla u, fuq l-eżempju tiegħU, nitilgħu tarġa, tarġa biex naslu għall-imħabba t’Alla.

Bl-imħabba tiegħU, Alla jasal qabilna. Hu jħobbna qabel ma nkunu bdejna nfittxuH aħna. L-imħabba t’Alla, kompla jgħid il-Papa, hija bħall-inwar tal-lewża li hi l-ewwel li twarrad fir-rebbiegħa.

U meta aħna nersqu lejn Alla permezz tal-opri tal-karità, tat-talb, tat-tqarbin, bil-qari tal-Kelma tiegħU, insibu li Hu qiegħed hemm, qabilna, jistenniena. Hekk iħobbna Alla.

Il-Vanġelu tal-lum jurina l-episodju tal-moltiplikazzjoni tal-ħobż u l-ħut. Ġesù ġietu ħniena mill-folla, qal il-Papa, għax kienu qishom nagħaġ mingħajr ragħaj, diżorjentati. Dan id-diżorjentament, osserva Franġisku, illum jinsab fin-nies, fl-ibliet tagħna u fil-pajjiżi tagħna.

Hu għalhekk li Ġesù jgħallimhom u huma jisimgħuH u meta sar tard Hu jitlob lid-dixxipli jtuhom jieklu. Huma kienu xi ftit urtati fit-tweġiba li tawH. Hekk hu, osserva Franġisku, għal darb’oħra Alla wasal qabel u d-dixxipli ma kienu fehmu xejn.

Din hi l-imħabba t’Alla. Hu dejjem jistenniena, jissorprendina. Dejjem lest biex jaħfrilna għax iħobbna ħafna. Jalla l-Mulej f’dawn il-ġranet li fihom il-Knisja tfakkarna fil-manifestazzjoni t’Alla, itina l-grazzja li nsiru nafuH bil-mixja fit-triq tal-imħabba, temm l-omelija l-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.