L-Ispirtu s-Santu biss jagħmel il-qalb doċli għal Alla


Il-Ġimgħa 9 ta’ Jannar 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

L-Ispirtu s-Santu biss jagħmel il-qalb doċli għal Alla u għal-libertà, afferma l-Papa Franġisku dalgħodu, fl-omelija tal-quddiesa fid-Dar Santa Marta. Il-weġgħat tal-ħajja jistgħu jagħlqu lill-persuna filwaqt li l-imħabba tagħmilha ħielsa.

Seduta tal-Yoga ma jirnexxilhiex tgħallem lill-qalb biex tħoss il-paternità ta’ Alla. Lanqas kors ta’ spiritwalità Zen mhu se jagħmilha aktar ħielsa biex tħobb. Din is-setgħa tinsab biss fl-Ispirtu s-Santu.

Il-Papa Franġisku rrifletta fuq l-episodju li San Mark jirrakkonta fis-silta tal-Vanġelu tal-lum, il-miraklu li jiġi eżatt wara l-moltiplikazzjoni tal-ħobż u tal-ħut li fih id-dixxipli jimtlew bil-biża’ meta jaraw lil Ġesù riesaq lejhom miexi fuq l-ilma, li jintemm b’kunsiderazzjoni dwar ir-raġuni għaliex huma beżgħu: l-Appostli ma kinux fehmu l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż għax qalbhom kienet għadha iebsa.

Il-qalb tista’ tkun tal-ġebel għal bosta raġunijiet, osserva l-Papa. Per eżempju, minħabba esperjenzi ta’ niket. Hekk jiġrilhom id-dixxipli ta’ Għemmaws, li beżgħu li jerġgħu jsofru illużjoni oħra. Ġara hekk lil Tumas li ma riedx jemmen fil-qawmien mill-mewt ta’ Kristu.

Raġuni oħra li twebbes il-qalb hi meta din tingħalaq fiha nfisha, kompla jgħid il-Papa. Il-qalb tista’ toħloq dinja għaliha nfisha fil-komunità, fil-parroċċa, imma dejjem hu għeluq. L-għeluq jista’ jkun riżultat ta’ tant raġunijiet: il-kburija, l-awtosuffiċjenza, meta wieħed jaħseb li hu aħjar minn ħaddieħor, u anke minħabba l-vanità.

Hemm bnedmin li jaraw lilhom infushom f’mera u jingħalqu biex joqogħdu jħarsu lejhom infushom il-ħin kollu. U dejjem jippruvaw jiddefendu ruħhom bil-ħitan li jkunu bnew madwarhom, madwar il-qalb iebsa tagħhom.

Hemm ukoll min jinħeba wara l-liġi u jinterpreta d-dettall ta’ dak li jgħidu l-kmandamenti. F’dal-każ, il-problema hi l-insikurezza. Min ifittex is-solidità tal-liġi, qal il-Papa b’ton ironiku, ikun qiesu bniedem f’ċella ta’ ħabs iħares minn ġot-tieqa tal-bieb. Hija sikurezza mingħajr libertà, jiġifieri jkun l-oppost ta’ dak li ġabilna Ġesù: il-libertà.

Meta l-qalb tkun iebsa, ma tkunx ħielsa, u meta ma tkunx ħielsa jfisser li ma tħobbx. Hekk itemm jgħid Ġwanni fl-ewwel qari tal-lum. L-imħabba perfetta tkeċċi l-biża’: fl-imħabba m’hemmx biża’ għax il-biża’ jfisser li hemm il-kastig u min jibża’ m’għandux imħabba perfetta, mhux liberu. Dejjem beżgħan li se tasal xi tbatija, in-niket, li jiżbalja fil-ħajja, jew li jirriskja li se jitlef is-salvazzjoni eterna. Tant immaġinazzjoni għax ma jħobbx, għax min ma jħobbx mhux ħieles, għandu qalbu iebsa. Il-qalb tad-dixxipli kienet iebsa għax kienu għadhom ma tgħallmux iħobbu.

Allura min jgħallimna nħobbu?, staqsa l-Papa. Min jista’ jeħlisna minn din l-ebusija? L-Ispirtu s-Santu biss, stqarr Franġisku.

Tista’ tagħmel elf kors ta’ katekeżi, elf kors ta’ spiritwalità, elf kors ta’ Yoga, ta’ Zen u dawn l-affarijiet kollha. Imma dan kollu qatt mhu se jkollu ħila jtik il-ħelsien ta’ iben. Huwa l-Ispirtu s-Santu biss li jqanqallek qalbek biex tgħid, ‘Missier.’ L-Ispirtu s-Santu biss għandu ħila jkeċċi, ikisser din l-ebusija tal-qalb u jagħmilha doċli… Doċli għall-Mulej, doċli għal-libertà tal-imħabba, spiċċa jgħid il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.