Il-poplu t’Alla jsib it-tama fil-Mulej


Il-Ħamis 22 ta’ Jannar 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Fir-riflessjoni dwar l-episodju tal-Vanġelu tal-lum, li l-Papa Franġisku għamel dalgħodu waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta, huwa qal li l-poplu t’Alla jsib it-tama fil-Mulej, għax dan hu l-mod kif Ġesù jaġixxi: jgħallem, imiss il-qlub u jasal għandhom, għax tagħlimu fih il-qawwa tal-Kelma t’Alla.

Il-poplu dan iħossu u jara li f’Ġesù jitwettqu l-wegħdiet u fiH hemm it-tama. Il-poplu kien aktar imdejjaq bil-mod kif kien ikun mgħallem il-fidi mid-dutturi tal-liġi ta’ dak iż-żmien, għax dawn kienu jgħabbu ħafna kmandamenti u ħafna obbligi fuq spallejn in-nies, imma ma kinux jaslu sal-qalb tal-poplu.

Meta n-nies jaraw lil Ġesù u jisimgħuH, jisimgħu l-proposti tiegħU, il-beatitudnijiet, huma jħossu li xi ħaġa qed tiċċaqlaq – huwa l-Ispirtu li jqanqal dan – u huma jmorru jfittxu lil Ġesù.

Il-folla tmur għandu biex tfittex il-fejqan, li jfisser li kienet tfittex l-interessi personali. Qatt ma nistgħu, afferma l-Papa, nimxu wara Alla b’intenzjoni pura mill-ewwel, għax dejjem infittxu xi ftit għalina u ftit ieħor għal Alla… Il-mixja hi li nippurifikaw din l-intenzjoni.

Veru li n-nies imorru jfittxu ‘l Alla imma jfittxu wkoll is-saħħa personali, il-fejqan. U kienu jinxteħtu quddiemu, imissuH biex minnu toħroġ il-qawwa li tfejjaq.

Imma l-aktar ħaġa importanti mhix li Ġesù jfejjaq il-mard fiżiku, spjega l-Papa. Dan hu sinjal ta’ fejqan ieħor. L-aktar ħaġa importanti nsibuha fl-ittra lil-Lhud: Kristu jista’ jsalva lil dawk li permezz tiegħU jersqu lejn Alla. Infatti hu dejjem lest biex jinterċedi għalihom.

Ġesù jsalva u jinterċedi. Dawn huma ż-żewġ kelmiet li huma l-qofol ta’ kollox.

Ġesù jsalva! Dan il-fejqan, dan il-kliem li jasal fil-qalb, huwa s-sinjal tal-bidu tas-salvazzjoni. Il-mixja li jagħmlu dawk il-bosta li jibdew jersqu lejn Ġesù u jħossuH biex jitolbu l-fejqan fiżiku, jerġgħu jduru lejH u minnu jħossu wkoll is-salvazzjoni.

Imma l-aktar ħaġa importanti hi li Ġesù jfejjaqna fiżikament? Dik mhix l-aktar ħaġa importanti. Importanti li jgħallimna? Anke dik mhix l-aktar ħaġa importanti. L-aktar ħaġa importanti hi li jsalvana. Hu s-Salvatur u aħna salvati biH. Din hi l-aktar ħaġa importanti u din hi l-qawwa tal-fidi tagħna.

Ġesù qiegħed ħdejn il-Missier u minn hemm għadu jinterċedi għalina, kuljum, kull ħin!
Din hi ħaġa attwali. Quddiem il-Missier, Ġesù joffri ħajtu, ir-redenzjoni li ġabilna, u juri l-pjagi tiegħU lill-Missier, il-prezz tas-salvazzjoni. B’dan il-mod Ġesù jinterċedi għalina kuljum.

Meta aħna għal xi raġuni nħossuna xi ftit mgħattnin, niftakru li Hu jitlob għalina… il-ħin kollu. Spiss ninsewha din. Imma Ġesù telaq, mar is-sema, imma bagħtilna l-Ispirtu s-Santu! Allura hawn tintemm l-istorja?, staqsa l-Papa. Le, wieġeb. Kull ħin u kull mument Ġesù jinterċedi għalina u dan nistqarruh meta ngħidu t-talba: Ġesù jkollok ħniena minni, interċedi għalija. Għandna nduru lejn il-Mulej u nitolbuH din l-interċessjoni, żied jirrikmanda Franġisku.

Dan hu l-qofol ta’ kollox, kompla jafferma l-Papa: li Ġesù hu s-Salvatur u jinterċedi għalina. Jagħmillek tajjeb tiftakar dan!

B’hekk il-folla tfittex lil Ġesù b’dik ix-xamma ta’ tama li għandu l-poplu t’Alla, li kien qed jistenna l-Messija, u li fiH kienet qed tfittex is-salvazzjoni. U bħala Salvatur, anke llum għadu jinterċedi għalina.

Jalla l-ħajja nisranija tagħna, temm il-Papa, tkun dejjem aktar konvinta minn din is-salvazzjoni, tkun aktar konvinta li Ġesù jinsab fuq il-lemin tal-Missier u jinterċedi għalina. Jalla l-Mulej u l-Ispirtu s-Santu jgħinuna nifhmu dan.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.