M’għandniex nibżgħu u lanqas nistħu li aħna Nsara


It-Tnejn 26 ta’ Jannar 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

La għandna nibżgħu u lanqas nistħu li aħna Nsara għax il-fidi hija spirtu ta’ qawwa, ta’ karità u ta’ prudenza. Din hi l-lezzjoni li silet il-Papa Franġisku mill-qari tal-liturġija fit-tifkira ta’ San Titu u San Timotju, dixxipli tal-Appostlu tal-Ġnus.

Dalgħodu, waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta, il-Papa rrifletta l-aktar fuq l-ewwel qari meħud mill-ittra ta’ San Pawl lil Timotju (1, 1-8) biex juri li l-fidi nisranija ttina l-qawwa biex ngħixu, kull meta aħna nġeddu fina dan ir-rigal ta’ Alla.

Hu jtina mħabba u karità biex il-fidi tagħna tkun għammiela. Itina l-ispirtu tal-prudenza, li jfisser li aħna ma nistgħux nagħmlu kull ma rridu għax fil-mixja tagħna rridu nibqgħu għaddejjin biex infittxu dejjem il-mod kif nistgħu nsiru aħjar.

Il-Papa qal li l-Isqfijiet Timotju u Titu qishom ulied Pawlu u hu kien iħobbhom it-tnejn. L-Appostlu jurina kemm kienet sinċiera l-fidi ta’ Timotju, fidi nobbli. Anzi, skont Franġisku, it-test oriġinali nistgħu nittraduċuh ‘fidi mingħajr ipokrisija’, fidi fis-sens veru. Fil-fatt, bħall-inbid it-tajjeb, li wara tant snin isir aktar bnin u nobbli.

Il-Qdusija Tiegħu fakkar ukoll kif Pawlu jiżvela minn fejn nibtet din il-fidi ta’ Timotju. Waslet għandu mingħand nanntu Lòide u mingħand ommu Eunice. Għaliex, ikkummenta l-Papa, huma l-ommijiet u n-nanniet li jittrasmettu l-fidi.

F’dan id-dawl Franġisku għamilha ċara li hi ħaġa tittrasmetti l-fidi u ħaġ’oħra tgħallem il-veritajiet tal-fidi. Infatti l-fidi hija rigal, il-fidi ma nistgħux nistudjawha. Nistudjaw il-veritajiet tal-fidi biex nifhmuha aħjar, imma bl-istudju ma tasalx li tikseb il-fidi.

Il-fidi hija rigal tal-Ispirtu s-Santu li jmur lil hinn minn kull tħejjija akkademika. Il-Papa nnota li Timotju kien isqof żagħżugħ, tant li fl-ewwel ittra kien qallu: ‘Ħadd m’għandu jkollu xi jgħid fik minħabba ż-żgħożija tiegħek.’ (1 Timotju: 4, 12). Probabbilment kien hemm min maqdru għax rah żgħir fiż-żmien u kien jgħid: ‘Dan iż-żagħżugħ ġej jikkmanda hawn…?’

Imma, żied il-Papa, kien l-Ispirtu s-Santu li għażlu. U b’hekk dan l-isqof żagħżugħ jisma’ lil Pawlu jgħidlu: ‘Ftakar minn fejn ksibt il-fidi tiegħek, min tahielek: l-Ispirtu s-Santu permezz ta’ ommok u nanntek.’

Il-Papa Franġisku mbagħad fakkar fix-xogħol sabiħ tal-ommijiet u tan-nanniet, ix-xogħol sabiħ ta’ dawk in-nisa li huma ommijiet u n-nisa fil-familja – tista’ tkun qaddejja, tista’ tkun zija – fit-trasmissjoni tal-fidi. Minkejja dan, illum irridu nistaqsu jekk in-nisa għadx għandhom fil-kuxjenza d-dover li jittrasmettu l-fidi, li jagħtu l-fidi.

Mill-ġdid il-Papa nnota, dwar is-sinċerità tal-fidi ta’ Timotju mfaħħra minn Pawlu, li kemm fl-ewwel kif ukoll fit-tieni itrra tiegħu, l-Appostlu jitkellem dwar il-ħarsien tad-depożitu tal-fidi. Il-fidi trid tkun imħarsa kif qal Pawlu lil Timotju: ‘Ħares sewwa dak li kien fdat f’idejk. Aħrab il-kliem profan u fieragħ u l-kontradizzjonijiet tal-għerf falz.’ (1 Tim: 20)

L-Isqof ta’ Ruma rrimarka l-espressjoni ‘ħares il-fidi’ u fakkar li dan hu dmir tagħna. Ilkoll kemm aħna rċevejna r-rigal tal-fidi. Għandna nħarsuha biex ma tiddgħajjifx, biex tkompli tibqa’ sħiħa bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li tahielna.

Pawlu jirrikmandalna li nagħtu ħajja ġdida lil dan ir-rigal ta’ Alla, għax jekk aħna ma nagħmlux hekk, din tiddgħajjef u tispiċċa biex issir kultura… ‘Iva, jien Nisrani… imma biss bħala kultura…’ ‘Iva, jiena naf tajjeb l-affarijiet tal-fidi, naf tajjeb il-katekiżmu…’ Imma, staqsa l-Papa, int kif qed tgħixha l-fidi tiegħek?

Dan hu l-aktar importanti: li inti żżommha ħajja kuljum.

Hawnhekk il-Papa wissa kontra l-ispirtu tal-biża’ u tal-mistħija. Alla, qal Franġisku, ma taniex spirtu ta’ biża’. L-ispirtu tal-biża’ hu l-maqlub tar-rigal tal-fidi: ma jħallihiex tikber, titkattar. Il-mistħija hu d-dnub ta’ min jgħid: ‘Jien għandi l-fidi imma naħbiha biex ma tidhirx wisq’ – il-fidi tal-ħalib u l-għasel, kif kienu jgħidu l-antentati tagħna – ‘għax nistħi nistqarrha.’ Imma din mhix fidi, saħaq il-Papa.

Fid-dawl ta’ dawn ir-riflessjonijiet il-Papa qal li llum tkun biċċa xogħol tajba li kulħadd jaqra din l-ittra lil Timotju. Hi qasira, osserva, u malajr taqraha, imma hi tant sabiħa. Il-parir ta’ isqof anzjan lil isqof żagħżugħ dwar kif għandu jmexxi l-Knisja ‘l quddiem u kif iħares id-depożitu tal-fidi; biex ifakkru li l-fidi hi rigal mogħti lilu mill-Ispirtu s-Santu permezz ta’ ommu, nanntu u l-ħafna nisa li taw sehemhom.

Imma għaliex, żied jistaqsi Franġisku, prinċipalment huma n-nisa li jittrasmettu l-fidi? It-tweġiba nsibuha għal darb’oħra fix-xhieda tal-Verġni Mqaddsa: sempliċiment għax dik li tatna lil Ġesù kienet mara. Din kienet it-triq li għażel Ġesù. Hu ried omm u anke d-don tal-fidi jgħaddi mill-omm, kif Ġesù għadda minn Marija.

Il-Papa Franġsiku għamel din l-eżortazzjoni: Aħsbu ftit f’dan u jekk jista’ jkun aqraw it-tieni ittra lil Timotju, li hi tant sabiħa. U nitolbu l-grazzja lill-Mulej li jkollna fidi sinċiera, fidi li ma ninnegozjawhiex skont l-opportunitajiet li jiġu quddiemna, fidi li kuljum nimpenjaw ruħna li nġedduha jew tal-anqas nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex iġġeddidha fina ħalli tagħti frott kbir. Il-Papa spiċċa bil-parir li Pawlu jagħti lil Timotju: ‘Għażiż Timotju, ħares id-depożitu,’ jiġifieri ħares dan ir-rigal.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.