Nifhmu r-rieda ta’ Alla nimxu magħha u li nwettquha sal-aħħar


It-Tliet 27 ta’ Jannar 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Jeħtieġ nitolbu ‘l Alla kuljum il-grazzja li nifhmu r-rieda tiegħU, il-grazzja li nimxu magħha u l-grazzja li nwettquha sal-aħħar. Din kienet it-tagħlima li l-Papa Franġisku silet mill-qari tal-liturġija tal-lum waqt l-omelija tal-quddiesa li hu ppresjeda fid-Dar Santa Marta.

Darba kien hemm liġi mimlija preċetti u projbizzjonijiet, demm tal-barrin u tal-mogħoż, ‘sagrifiċċji antiki’ li ma kellhomx il-qawwa li jaħfru d-dnubiet u lanqas li jagħtu l-ġustizzja.

Imbagħad ġie Kristu fid-dinja, tela’ fuq Salib – l-att li bih iġġustifikana darba għal dejjem – u wriena liema kien is-sagrifiċċju li l-aktar kien jogħġob lil Alla: mhux l-offerta ta’ annimal, imma l-offerta tar-rieda personali, li jagħmel dak li ried il-Missier.

Il-qari u s-salm tal-lum nebbħu lill-Papa riflessjoni fuq wieħed mis-sisien tal-fidi tagħna: l-ubbidjenza lejn ir-rieda t’Alla. Din, afferma Franġisku, hija t-triq tal-qdusija tan-Nisrani, jiġifieri li jitwettaq il-pjan t’Alla, li sseħħ is-salvazzjoni.

Il-maqlub ta’ dan beda fil-ġnien tal-Eden bid-diżubbidjenza ta’ Adam. Dik id-diżubbidjenza għamlet il-ħsara lill-umanità kollha. Anke d-dnubiet huma atti li bihom ma nobdux lil Alla, ma nagħmlux ir-rieda tiegħU.

Iżda l-Mulej jgħallimna li din hi t-triq, m’hemmx oħra. U beda b’Ġesù, iva, fis-sema, bir-rieda li jobdi lill-Missier. Imma fl-art jibda bil-Madonna. X’qaltlu Hi lill-Anġlu? ‘Isir kif qed tgħid int,’ jiġifieri ħa ssir ir-rieda ta’ Alla. U b’dik l-‘iva’ lill-Mulej, Ġesù beda l-mixja tiegħU fostna.

Mhix faċli. Dan irrepetieh ħafna drabi l-Papa meta saħaq li jeħtieġ nagħmlu r-rieda t’Alla. Lanqas għal Ġesù ma kien faċli, fakkar Franġisku, u dawn kienu t-tentazzjonijiet li kellu fid-deżert u fl-Ort tal-Ġetsemani fejn, b’qalbu mifnija bid-dwejjaq, aċċetta t-torturi li kien hemm jistennewH.

Ma kinitx faċli għal uħud mid-dixxipli, li ħallewH waħdu għax ma fehmux xi jfisser li tagħmel ir-rieda tal-Missier. Mhux faċli għalina, minħabba li kuljum fuq il-platt tagħna nsibu tant minn fejn nagħżlu.

U allura, staqsa Franġisku, kif nagħmel biex inwettaq ir-rieda t’Alla? Irridu nitolbu l-grazzja li ttina r-rieda li nagħmlu dan. Jiena nitlob biex titnissel fija r-rieda li nagħmel dak li Alla jrid minni, jew infittex il-kompromessi għax nibża’ mir-rieda t’Alla?

Ħaġ’oħra: nitolbu biex nagħrfuha r-rieda t’Alla, x’irid minni, minn ħajti, mid-deċiżjoni li għandi nieħu issa… tant affarijiet, kif immexxi l-affarijiet tiegħi? Għalhekk irridu nitolbu biex nagħrfu xi jrid Alla minna u nitolbu biex ikollna l-kuraġġ li nwettquh. Nitolbu biex nagħmlu r-rieda t’Alla, li mhix tagħna, imma tiegħU. Dan mhux faċli.

Jalla l-Mulej itina l-grazzja, lilna lkoll, li darba għad jgħid lilna dak li qal lil dak il-grupp, lil dik il-folla li kienet tiġri warajh, lil dawk li kienu bilqiegħda madwaru, kif smajna fil-Vanġelu: ‘Dawn huma ommi, dawn huma ħuti.’

Meta nagħmlu r-rieda t’Alla nsiru parti mill-familja ta’ Ġesù u nsiru omm, missier, aħwa, temm il-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.