Ġesù salvana b’isimna u kunjomna, iżda fi ħdan poplu


Il-Ħamis 29 ta’ Jannar 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Dawk li l-fidi jagħmluha ħaġa privata billi jinqatgħu fi gruppi ta’ élites u jiddisprezzaw lill-oħrajn ma jkunux mixjin fit-triq ġdida li inawgura Ġesù, afferma l-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fid-Dar Santa Marta.

Hu u jikkummenta l-ittra lil-Lhud, il-Papa Franġisku afferma li Ġesù huwa t-triq ġdida li rridu nsegwu, u dan nagħmluh kif irid Hu. Għaliex, żied jgħid, jeżistu forom ta’ ħajja nisranija żbaljati. Hemm kriterji li bihom nagħrfu li ma nkunux qed insegwu mudelli żbaljati. Wieħed minn dawn il-kriterji hu li s-salvazzjoni nagħmluha ħaġa privata.

Minnu li Ġesù salvana lkoll, imma mhux ġenerikament. Salva lil kulħadd b’ismu u kunjomu. Din hi s-salvazzjoni personali. Jien verament salvat. Il-Mulej ħares lejja, ta ħajtu għalija, fetaħli dal-bieb, din it-triq ġdida għalija, u kull wieħed u waħda minna ngħidu, ‘għalija’.

Iżda hemm il-periklu li ninsew li hu salvana individwalment imma fi ħdan poplu. Il-Mulej isalva dejjem fi ħdan il-poplu u meta sejjaħ lil Abraham, wiegħdu li se jkollu poplu. Għal din ir-raġuni, l-awtur tal-ittra lil-Lhud jgħid: ‘Nieħdu ħsieb xulxin.’ M’hemmx salvazzjoni għalija biss. Jekk jien nifhem is-salvazzjoni b’dan il-mod, inkun qed niżbalja; inkun qed noħroġ mit-triq. Il-privatizzazzjoni tas-salvazzjoni hija triq żbaljata.

Hemm tliet kriterji biex is-salvazzjoni ma nipprivatizzawhiex: il-fidi f’Ġesù li tippurifikana; it-tama li tgħinna nħarsu lejn il-wegħda u nimxu ‘l quddiem; u l-karità, jiġifieri li nagħtu attenzjoni lil xulxin biex inħeġġu lil xulxin fil-karità u fl-opri tajba.

U meta jien inkun f’parroċċa, f’komunità – tkun liema tkun – jien nista’ nipprivatizza s-salvazzjoni u nifforma parti mill-grupp, soċjalment biss. Imma biex ma nipprivatizzax is-salvazzjoni, irrid nistaqsi lili nnifsi jekk nitkellimx biex nikkomunika l-fidi; jekk nitkellimx biex nikkomunika t-tama; jekk nikkomunikax il-karità.

Jekk fil-komunità ma nitkellmux u nqawwu qalb xulxin f’dawn it-tliet virtujiet, kull min jagħmel parti minn dik il-komunità jkun ipprivatizza l-fidi: kull wieħed u waħda jfittxu s-salvazzjoni personali imma mhux is-salvazzjoni ta’ kulħadd, is-salvazzjoni tal-poplu. U Ġesù salva lil kulħadd, imma fi ħdan il-poplu, fi ħdan il-Knisja.

L-awtur tal-ittra lil-Lhud, kompla l-Papa, jagħti parir prattiku importanti ħafna: ‘Ma ninqatgħux mil-laqgħat tagħna flimkien kif ħadu d-drawwa li jagħmlu xi wħud.’ Dan jiġri meta fil-laqgħat tagħna fil-parroċċa jew fil-grupp, niġġudikaw lill-oħrajn, inħossu ċertu disprezz lejn l-oħrajn. Dan mhux il-bieb, it-triq ġdida u ħajja li fetħilna l-Mulej, afferma Franġisku.

Dawn in-nies jiddisprezzaw lill-oħrajn u jitbiegħdu mit-totalità tal-komunità, jitbiegħdu mill-poplu t’Alla, jipprivatizzaw is-salvazzjoni, u jkunu qed jgħidu: ‘Is-salvazzjoni għalija u għal ta’ madwari, imma mhux għall-poplu t’Alla.’

Dan huwa żball kbir. Huwa dak li aħna nsejħu u naraw bħala ‘élites ekkleżjali’. Meta fi ħdan il-poplu t’Alla jinbtu dawn il-gruppi li jaħsbu li huma Nsara tajbin, u forsi għandhom ukoll rieda tajba, imma huma gruppi żgħar, dawn ikunu pprivatizzaw is-salvazzjoni.

Alla, saħaq il-Papa, isalvana fi ħdan poplu, mhux fi gruppi ta’ élites li noħolqu aħna bil-filosofiji tagħna u bil-mod ta’ kif nifhmu l-fidi. Dawn mhumiex grazzji minn Alla. Allura jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna jekk għandniex it-tendenza li nipprivatizzaw is-salvazzjoni għalina personalment jew għall-grupp żgħir li niffurmaw parti minnu, u fl-istess waqt inkunu qed ninqatgħu għalina waħedna u nitbiegħdu mill-poplu t’Alla, jew inkella jekk niffurmawx parti mill-komunità, mill-familja, bil-lingwaġġ tal-fidi, tat-tama u tal-opri ta’ karità.

Il-Mulej itina l-grazzja, temm il-Papa, li nħossu ruħna dejjem parti mill-poplu t’Alla: salvat personalment, b’ismi u kunjomi, imma salvat fi ħdan poplu u mhux fil-grupp ta’ élites li jien imsieħeb fih.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.