It-tifkira tal-ewwel laqgħa ma’ Ġesù


Il-Ġimgħa 30 ta’ Jannar 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

In-Nisrani għandu dejjem jibqa’ jgħożż it-tifkira tal-ewwel laqgħa tiegħu ma’ Ġesù u t-tama fiH. Dan jgħinu biex jibqa’ miexi ‘l quddiem fil-ħajja u jtih il-kuraġġ fil-fidi. Din kienet l-affermazzjoni li għamel il-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija tal-quddiesa li ppresjeda fid-Dar Santa Marta.

Min ma jiftakarx il-jiem tal-ewwel imħabba ma jħobbx bis-serjetà. In-Nisrani li jitlef it-tifkira tal-ewwel laqgħa tiegħu ma’ Ġesù huwa bniedem vojt, spiritwalment bla ħajja, kif jaf ikun min hu biered.

Il-Papa bena l-ħsieb tiegħu fuq l-ewwel sentenza tal-qari meħud mill-ittra lil-Lhud li fiha l-awtur jistieden li kulħadd jiftakar fl-ewwel jiem, dawk il-jiem li ‘fihom intom irċevejtu d-dawl ta’ Kristu’.

Dak il-jum partikolari, osserva l-Papa, il-jum tal-laqgħa ma’ Ġesù, qatt m’għandu jintesa għax hu jum ta’ ferħ kbir, jum li fih tinbet ix-xewqa li nagħmlu ħwejjeġ kbar. U flimkien mal-fakra, qatt m’għandu jintilef il-kuraġġ tal-ewwel żminijiet, l-entużjażmu, is-sinċerità li jitnisslu mit-tifkira tal-ewwel imħabba.

Il-memorja hi importanti ħafna biex niftakru fil-grazzja li rċevejna, għax jekk aħna nkeċċu minna dak l-entużjażmu li jiġi mit-tifkira tal-ewwel imħabba, nidħlu fil-periklu li jidħlu fih tant Insara: il-bruda.

L-Insara bierda li jibqgħu jħarsu ċċassati, huma Nsara, veru, imma tilfu l-fakra tal-ewwel imħabba. Tilfu l-entużjażmu. Tilfu wkoll il-paċenzja li permezz tagħha jittolleraw l-episodji tal-ħajja bl-ispirtu tal-imħabba ta’ Ġesù, dik it-tolleranza li biha jġorru fuq spallejhom id-diffikultajiet. L-Insara bierda, imsejknin, jinsabu f’periklu kbir.

Hu u jirrifletti dwar l-Insara berdin il-Papa Franġisku qal li jolqtuh żewġ immaġni li jaqtgħu imma li huma ta’ tant swied il-qalb: dik li jsemmi Pietru, tal-kelb li jdur lejn dak li jkun neħħa mill-istonku, u l-oħra ta’ Ġesù li qal li hemm bnedmin li meta jiddeċiedu li jsegwu l-Vanġelu jkeċċu x-xitan minn ġo fihom, imma meta dan jerġa’ lura mal-leġjun, jiftħulu l-bieb għax ma jkunux jgħassu, u b’hekk id-demonju jaħkem dik id-dar li qabel kienet nadifa u sabiħa. Dan ifisser li jduru lura għall-ħmieġ ta’ dak il-ħażen li darba huma kienu rrifjutaw.

In-Nisrani, kompla jgħid il-Qdusija Tiegħu Franġisku, għandu żewġ qisien biex ma jaqax f’din in-nassa: it-tifkira u t-tama. Bniedem iġedded il-memorja biex ma jitlifx dik l-esperjenza tant sabiħa tal-ewwel imħabba li tmantni t-tama. Kemm drabi hi mdallma din it-tama! Imma nibqgħu mexjin ‘il quddiem. Nemmnu, nimxu, għax nafu li t-tama li nsibu ‘l Ġesù, ma tqarraqx.

Dawn iż-żewġ qisien huma l-isfond li bih nistgħu nħarsu s-salvazzjoni tal-ġusti li tiġi mill-Mulej. Salvazzjoni, afferma l-Papa meta kkwota l-Vanġelu tal-ġurnata, li għandha tkun imħarsa ‘biex iż-żerriegħa żgħira tal-mustarda tikber u tagħti l-frott.’

Iġibulek ħasra, iweġġgħuk dawk il-ħafna Nsara li jieqfu nofs triq, tant Insara falluti fit-triq li tieħu lejn il-laqgħa ma’ Ġesù u li tibda mill-ewwel laqgħa miegħU. Jinsabu fit-triq li fiha tilfu t-tifkira tal-ewwel imħabba u m’għandhomx aktar tama.

Il-Papa għalaq l-omelija bi stedina biex nitolbu lill-Mulej il-grazzja li nħarsu dan ir-rigal, ir-rigal tas-salvazzjoni.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.