Meta nikkontemplaw il-Vanġelu kuljum, insibu fih l-għajnuna biex ikollna t-tama vera


It-Tlieta 3 ta’ Frar 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Meta nikkontemplaw il-Vanġelu kuljum, insibu fih l-għajnuna biex ikollna t-tama vera. Dalgħodu, fl-omelija tiegħu fid-Dar Santa Marta, il-Papa ħeġġeġ mill-ġdid lill-fidili biex jaqbdu l-Vanġelu f’idejhom, anke għal għaxar minuti kuljum, ħalli jkunu jistgħu jiddjalogaw mal-Mulej minflok jaħlu l-ħin jaraw it-telenovelli jew jisimgħu s-seksik tal-ġirien.

Liema hu l-qofol tat-tama? Il-qofol hu li nżommu ħarsitna fissa fuq Ġesù. Franġisku beda r-riflessjoni mill-ewwel qari tal-ġurnata meħud mill-ittra lil-Lhud u li jitkellem dwar it-tama.

Il-Papa qal li, jekk ma nisimgħux lil Ġesù, nistgħu forsi jkollna l-ottimiżmu, inkunu pożittivi, imma t-tama nitgħallmuha biss meta nħarsu lejn Ġesù. Għalhekk il-Qdusija Tiegħu għamel omelija dwar it-talb u l-kontemplazzjoni.

Franġisku qal li huwa tajjeb li ngħidu r-Rużarju kuljum, nitkellmu mal-Mulej meta ninsabu f’xi diffikultà, jew mal-Madonna u mal-qaddisin. Imma importanti wkoll li nagħmlu talb ta’ kontemplazzjoni u dan nistgħu nagħmluh biss bil-ktieb tal-Vanġelu f’idejna.

Kif nista’ nagħmel kontemplazzjoni bil-Vanġelu tal-lum? Nara li Ġesù kien qalb il-folla u madwaru kien hemm rassa sħiħa. F’din is-silta l-kelma ‘folla’ nsibuha ħames darbiet. Imma Ġesù ma kienx jistrieħ? Jien nista’ naħseb: dejjem mal-folla.

Il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu Ġesù għaddieha fit-triq, mal-folla. Allura ma kienx jistrieħ? Iva. Darba, jgħidilna l-Vanġelu, kien rieqed fuq id-dgħajsa, imma waslet it-tempesta u d-dixxipli qajmuh. Ġesù kien il-ħin kollu man-nies. U nħares lejn Ġesù hekk, nikkontemplaH hekk, nimmaġinaH hekk. U ngħid lil Ġesù dak li jiġini f’moħħi li ngħidlu.

Ġesù, kompla jgħid Franġisku filwaqt li kkwota l-Vanġelu tal-lum, jinduna li, minn qalb il-folla, missitu mara marida. Ġesù, żied il-Papa, mhux biss jifhem lill-folla imma jħossha wkoll. Iħoss it-taħbita tal-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna. Jieħu ħsieb kulħadd individwalment, dejjem!

L-istess jiġri meta l-kap tas-sinagoga jmur jgħidlu li bintu kienet marida gravi. Ġesù jitlaq kollox biex jagħti kas ta’ Ġajru. Immaġinaw x’seta’ ġara dak il-ħin, kompla l-Papa. Ġesù jasal fid-dar, in-nisa qed jibku għax it-tifla mietet, imma l-Mulej jgħidilhom biex jikkalmaw u n-nies jibdew jiddieħku biH.

Minn dan naraw, kompla jgħid il-Papa, kemm Ġesù kien paċenzjuż. U wara li qajjem lit-tifla, minflok jgħid, ‘Bis-saħħa t’Alla’, jgħidilhom biex ituha tiekol. Ġesù, osserva l-Qdusija Tiegħu, dejjem iħares lejn id-dettalji.

Mela, dak li għamilt jien s’issa b’dan il-Vanġelu hu li tlabt bil-kontemplazzjoni: nieħu l-Vanġelu f’idejja, naqra u nimmaġina li jien qiegħed preżenti fix-xena, nimmaġina dak li jiġri u nitkellem ma’ Ġesù kif inħoss f’qalbi.

U b’hekk aħna nkattru fina t-tama għax ħarsitna hi fissa fuq Ġesù. Agħmlu din it-talba ta’ kontemplazzjoni. U, tgħiduli, għandi ħafna x’nagħmel! Imma fid-dar, għal kwarta aqbad il-Vanġelu f’idejk, aqra silta żgħira, immaġina dak li ġara, u tkellem ma’ Ġesù dwar dan. B’hekk ħarstek tibqa’ dejjem fissa fuq Ġesù u mhux, per eżempju, fuq it-telenovella. Is-smigħ tiegħek ikun ikkonċentrat fuq il-kliem ta’ Ġesù u mhux fuq it-tqassis tal-ġâr.

B’hekk, kompla l-Papa, it-talba ta’ kontemplazzjoni tgħin it-tama tagħna. Ngħixu bis-sustanza tal-Vanġelu. Nitolbu dejjem!

Franġisku stedinna biex nitolbu t-talb tas-soltu – ngħidu r-Rużarju, nitkellmu mal-Mulej – imma nagħmlu wkoll dan it-talb ta’ kontemplazzjoni biex inżommu ħarsitna fissa fuq Ġesù. Dan it-talb inissel it-tama u b’hekk il-ħajja Nisranija tagħna timxi f’dan il-qafas: bejn il-memorja u t-tama.

Memorja tal-mixja kollha li għaddiet, memorja ta’ tant grazzji li qlajna mingħand il-Mulej. U tama meta nħarsu lejn il-Mulej li hu l-uniku li jista’ jtina t-tama. U biex inħarsu lejn il-Mulej, biex insiru nafuH, naqbdu l-Vanġelu f’idejna u nagħmlu dan it-talb ta’ kontemplazzjoni.

Per eżempju, illum, sibu għaxar minuti, kwarta – m’hemmx għalfejn aktar – aqraw il-Vanġelu, immaġinaw, u għidu xi ħaġa lil Ġesù. Xejn aktar. B’hekk l-għarfien ta’ Ġesù jissaħħaħ fikom u t-tama tagħkom tikber.

Tinsewx, żommu ħarsitkom dejjem fissa fuq Ġesù. Għal dan iservi t-talb tal-kontemplazzjoni.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.