Jeħtieġ li l-Knisja tħabbar il-Vanġelu fil-faqar


Il-Ħamis, 5 ta’ Frar 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Jeħtieġ li l-Knisja tħabbar il-Vanġelu ‘fil-faqar’ u min iħabbar għandu jkollu għan wieħed: dak li jtaffi l-miżerja tal-aktar foqra mingħajr ma jinsa li dan is-servizz hu opra tal-Ispirtu s-Santu u mhux tal-ħiliet umani.

Fejqan, qawmien ġdid, ħelsien, tkeċċija tax-xjaten. Imbagħad nagħrfu bis-serjetà: jien kont biss ħaddiem sempliċi tas-Saltna. Dan għandu jagħmel u jgħid lilu nnifsu ministru ta’ Kristu meta jkun qed ifejjaq lil tant feruti li jkunu jistennew fil-kuriduri tal-Knisja, ‘l-isptar tal-kamp tal-battalja’.

Dan il-kunċett ħafna għal qalb il-Papa Franġisku kien il-qofol tar-riflessjoni waqt l-omelija tal-lum, dwar is-silta mill-Vanġelu li fiha naraw lil Ġesù jibgħat lid-dixxipli tiegħu tnejn, tnejn biex jipprietkaw, ifejqu lill-morda u jkeċċu l-ispirti ħżiena.

Il-Papa tefa’ ħarstu fuq il-mod kif Ġesù ddeskriva l-atteġġjament tal-mibgħutin – nies mingħajr pompi: ‘tieħdu magħkom xejn, la ħorġa, la flus u lanqas ħżiem.’ Dan għaliex il-Vanġelu, sostna l-Papa, għandu jixxandar fil-faqar għax is-salvazzjoni mhix teoloġija tal-prosperità; hija biss, u xejn aktar, l-aħbar tajba ta’ ħelsien mogħtija lil kull min hu mgħakkes.

Din hi l-missjoni tal-Knisja: il-Knisja li tfejjaq, li tikkura. Ġieli ddeskrivejt il-Knisja, kompla jgħid il-Papa Franġisku, bħala sptar fil-kamp tal-battalja. Minnu dan: kemm hemm nies miġrugħa, kemm feruti! Kemm nies jeħtieġu l-fejqan mill-ġrieħi li jġorru! Din hi l-missjoni tal-Knisja: li tfejjaq il-feriti tal-qalb, tiftaħ il-bibien, teħles, tgħid li Alla hu tajjeb, li Alla jaħfer kollox, li Alla hu Missier, li Alla hu teneru, li Alla jistenniena dejjem…

Jekk nitbiegħdu minn dan il-prinċipju essenzjali, nidħlu f’riskju li ninterpretaw ħażin il-missjoni tal-Knisja u minħabba f’hekk, l-impenn tagħna biex intaffu l-miżerja, jiżvojta mill-unika ħaġa li verament tiswa: li nwasslu lil Kristu lill-foqra, lill-għomja, lill-priġunieri.

Hu minnu, kompla jgħid Franġisku, li għandna bżonn l-għajnuna biex norganizzaw, u dan mhux ħażin fih innifsu għax Alla jtina d-doni tiegħu għal dan. Imma meta ninsew din il-missjoni, ninsew il-faqar, ninsew iż-żelu appostoliku, u t-tama tagħna nitfgħuha f’dawn il-mezzi, ftit ftit il-Knisja tibda ssir organizzazzjoni volontarja. Issir organizzazzjoni sabiħa, qawwija, imma mhux evanġelika, għax fiha jkun nieqes dak l-ispirtu, dak il-faqar, dik il-qawwa li tfejjaq.

Id-dixxipli jmorru lura għand Ġesù ferħanin bil-missjoni tagħhom u l-Papa fakkar li Ġesù ħadhom miegħu biex jistrieħu ftit. Imma, saħaq Franġisku, ma jgħidilhomx: ‘Kemm kontu tajbin! Id-darba li ġejja morru u organizzaw l-affarijiet aħjar!’ Imma jgħidilhom biss: ‘Meta tkunu għamiltu dak kollu li kellkom tagħmlu, għidu lilkom infiskom: Aħna qaddejja umli.’

Dan hu l-appostlu. U liema hu l-akbar tifħir li appostlu jista’ jirċievi? ‘Kien ħaddiem tas-Saltna, ħaddiem tar-Renju.’ Dan hu l-akbar tifħir, għax hu jkun mexa fit-triq tat-tħabbir ta’ Ġesù: imur ifejjaq, ikenni, ixandar din l-aħbar tajba. Ikun għamel ħiltu biex il-poplu jerġa’ jsib lill-Missier, ikun nissel il-paċi fil-qlub tan-nies, temm il-Papa.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.