L-Insara huma msejħin biex jieħdu ħsieb il-ħolqien t’Alla


It-Tnejn, 9 ta’ Frar 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

L-Insara huma msejħin biex jieħdu ħsieb il-ħolqien t’Alla. Dan kien il-messaġġ li ta l-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta. Franġisku tkellem ukoll dwar it-tieni ħolqien: dak li wettaq Kristu meta ħalaq mill-ġdid dak kollu li kien iġġarraf minħabba d-dnub.

Alla ħalaq l-univers, imma l-ħolqien ma jintemmx għax Hu jkompli jsostni dak li ħalaq.

Il-Papa kien qed jirrifletti dwar l-ewwel qari tal-ġurnata meħud mill-Ktieb tal-Ġenesi li jiddeskrivi l-ħolqien tal-univers. Fil-Vanġelu tal-lum, osserva l-Papa, naraw ħolqien ieħor ta’ Alla, dak miġjub minn Ġesù li ġie biex joħloq mill-ġdid dak li kien iġġarraf minħabba d-dnub.

Aħna naraw lil Ġesù qalb in-nies u dawk li messewH fiequ, qal il-Papa. Dak hu l-ħolqien ġdid. Dan it-tieni ħolqien, kompla jikkummenta Franġisku, huwa aktar meraviljuż mill-ewwel wieħed. Din it-tieni biċċa xogħol hija meraviljuża għax, fl-aħħar mill-aħħar, hemm xi ħaġa oħra xi ssir: dik li nipperseveraw fil-fidi li jaħdem fuqha l-Ispirtu s-Santu.

Alla jaħdem u jkompli jaħdem u aħna nistaqsu lilna nfusna: kif nistgħu nwieġbu għal dan il-ħolqien frott l-imħabba? Għax Alla jaħdem permezz tal-imħabba.
Għall-ewwel ħolqien aħna għandna nwieġbu bir-responsabbiltà mogħtija lilna minn Alla: ‘L-art hija tagħkom, mexxuha ‘l quddiem, kabbruha.’ Aħna wkoll responsabbli biex nikkoltivaw id-dinja, biex inkabbru l-maħluq, inħarsuh u nkabbruh skont il-liġijiet tiegħu. Aħna mexxejja tal-ħolqien mhux is-sidien tiegħu.

Il-Papa wissa li għalhekk irridu noqogħdu attenti li ma nsirux is-sidien tal-ħolqien, imma li mmexxuh ‘il quddiem billi nibqgħu fidili lejn ir-regoli naturali tiegħu. Din hi l-ewwel tweġiba tagħna lejn il-ħolqien t’Alla: li nipproteġu dak li hu maħluq.

Meta nisimgħu li bnedmin jiltaqgħu biex jitkellmu dwar kif iħarsu l-ħolqien, nistgħu ngħidu: ‘Huma l-partiti l-ħodor.’ Le, mhux dawk! Din hi ħaġa tal-Insara! Din hi t-tweġiba tagħna lejn l-ewwel kreazzjoni ta’ Alla, u hija responsabbiltà tagħna

Nisrani li ma jħarisx il-ħolqien, li ma jħallihx jikber, hu Nisrani li ma jagħtix każ tax-xogħol ta’ Alla, dak ix-xogħol li ħareġ minn imħabbtu lejna. Mela l-ewwel tweġiba hi din: nipproteġu l-ħolqien; inkabbruh.

Dwar dak li hu sejjaħlu t-tieni ħolqien, il-Papa ħares lejn il-figura ta’ San Pawl u qal li l-Appostlu jgħidilna biex nerġgħu nirrikonċiljaw ruħna ma’ Alla: ‘Imxu fit-triq tar-rikonċiljazzjoni,’ ir-rikonċiljazzjoni tal-komunità, għax dan hu x-xogħol li għamel Kristu.

Mill-ġdid il-Papa Franġisku kkwota lil San Pawl u qal li m’għandniex innikktu lill-Ispirtu s-Santu li qiegħed fina u jaħdem fina. U żied jgħid li aħna nemmnu fil-persuna t’Alla: Missier, Iben u Spirtu s-Santu. It-tlieta li huma, huma ħallieqa f’dan it-tieni ħolqien, f’dan il-ħolqien ġdid, f’din il-perseveranza fil-kreazzjoni ġdida.

U għat-tlieta li huma t-tweġiba tagħna hi li nippreservaw u mmantnu l-ħolqien billi nirrikonċiljaw ruħna mill-ġdid ma’ Kristu kuljum, u ma nnikktux lill-Ispirtu s-Santu u nkeċċuh minna. L-Ispirtu s-Santu hu l-mistieden fi qlubna, jakkumpanjana u jgħinna nikbru.

Jalla l-Mulej itina l-grazzja li nifhmu li Hu jaħdem il-ħin kollu, kif ukoll il-grazzja li aħna jkollna ħila nwieġbu kif jixraq għal dan ix-xogħol ta’ mħabba, temm jgħid Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.