Paniġierku fis-Solennita tan-Nawfraġju ta’ San Pawl


Paniġieriku fis-Solennita Patronali tan-Nawfraġju tal-Appostlu Missierna San Pawl

PANENĠERIKU
FIS-SOLENNITÀ PATRONALI
TAN-NAWFRAĠJU TAL-APPOSTLU MISSIERNA SAN PAWL


KNISJA KOLLEĠĠJATA ARĊIPRETALI
TA’ SAN PAWL NAWFRAGU
VALLETTA, MALTA

MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU
REV.MA MONS CHARLES J. SCICLUNA
ISQOF TITULARI TA’ SAN LEONE
AMMINISTRATUR APPOSTOLIKU TA’ MALTA

Capture

I

[Iża:9:1] Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; in-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl idda fuqhom.
[Iża:9:2] Int kattart il-ġens, kabbart l-hena; huma ferħu quddiemek, bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad, bħalma jifirħu fi qsim il-priża.

Eċċellenza u Personalitajiet Distinti,
Reverendu Arċipriet,
Reverendi Membri tal-Kapitlu
Reverendi Saċerdoti u Reliġjużi
Għeżież Lajċi membri ta’ din il-Parroċċa
Għeżież devoti tal-Appostlu Missierna

[Iża:9:1] Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; in-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl idda fuqhom.
Dawn il-kliem tal-Profeta Iżaija seħħu fuq il-gżira għażiża tagħna, seħħu ma’ missirijietna elf disa’ mija u ħamsa u ħamsin sena ilu!

Dun Karm [DK] 2/1917, §§ 1 – 3

Illum mhux il-ħlewwa tas-sema li jżejnek,
Id-dija ħanina tax-xemx li tagħnik;
Illum mhux il-bewsa li f’rogħda ta’ mħabba
Il-baħar fìx-xtajta mal-mewġa jagħtik;

U lanqas il-ħdura tal-ġonna li tiżhar
Ma’ dħul ir-Rebbiegħa u tħammar fil-bard;
U l-bjuda w il-benna w il-fwieħa tal-għasel
Li tiġbor naħlitek mis-sagħtar u l-ward.

Illum ġewwa moħħi ħsieb wieħed jitħaddet:
Kemm Alla tas-Sewwa kien miegħek ħanin;
Nar wieħed ġo qalbi, Art tiegħi sabiħa:
L-imħabba li tnisslet f’ġurnata bħal din.

Din l-imħabba li tnisslet 1955 sena ilu hija misteru tal-oħla dawl li bih il-Mulej għażel li jżejjen lil din l-art ħelwa, l-omm li tatna isimha (mill-Innu Malti).

O għażiża Malta!
Kienet misteru tal-oħla dawl
It-tħejjija li l-Mulej għaddik minnha biex issir tafu !

O għażiża Malta!
Kienet misteru tal-oħla dawl
Il-laqgħa tiegħek mal-Appostlu Pawlu !

O għażiża Malta!

Kienet u għadha misteru tal-oħla dawl
L-istorja tiegħek ta’ impenn,
L-istorja tiegħek imżewqa bir-risq it-tajjeb u l-ħażin, bil-mard u
bis-saħħa!

Inti kont “poplu miexi fid-dlam”

DK 2/1917 §§ 4 – 7

Għax inti kont sejra man-niżla tal-ħażen
Bil-mewt ġewwa qalbek, bl-għamad fuq għajnejk,
U, msejkna! fin-niket, fil-biki, fid-dwejjaq
Lejn min qatt ma fehmek kont tarfa’ ħaddejk.

X’kien jiswa li n-nisel li minnu kont ġejja
Kien nisel ta’ ħila, kien nisel ta’ ġid,
U għaqli fil-fehma, qalbieni fil-ħidma,
Tal-wesgħa tal-baħar il-ħàkem u s-sid?

U x’kienet tiswielek il-qawwa ta’ Ruma
Li taħtha ġabritek, iġġieldet għalik,
U tgħaxxqet bi nsiġek, faħħritek fi djarek,
U ħabbet kull traba li tħaddar go fik,

La minnek il-hena kien dejjem imbiegħed,
Ta’ ħajtek ma tagħraf la l-bidu la t-tmiem;
Imdallam il-qabar, imdallma l-benniena,
Mitluqa fuq triqtek bla ħatar, bla ħżiem?

Il-Mulej, iżda, ħenn għalik u bi kliem il-Profeta Iżaija ħabbarlek:
[Iża:45:2] Quddiemek nimxi jien, u l-mogħdijiet imħattba tiegħek inwittilek; inċarrat il-bibien tal-bronż, u l-istaneg tal-ħadid inqatta’.
[Iża:45:3] Nagħtik it-teżori fid-dlam moħbija, il-ħażniet filmoħbiet mistura, biex tkun taf li jien il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, li sejjaħtlek b’ismek.

Fil-milja taż-żminijiet għarraf il-Mulej il-pjan tal-ħniena tiegħu u wegħedna Salvatur:
[Iża:42:1] Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen, il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet! Qegħedt l-ispirtu tiegħi fuqu, biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus.
[Isa 42:3b] Iġib il-ġustizzja fis-sewwa.
[Iża:42:4] Ma jegħjiex, ma jitfarrakx, sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art; u l-gżejjer imbiegħda jistennew il-liġi tiegħu.

Iva, il-gżejjer imbiegħda ta’ Malta u Għawdex, bla ma jafu, kienu qegħdin jistennew il-Liġi tal-Mulej. U fil-milja taż-żminijiet:
[Ġw:1:14] Il-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità.

Għax:
[Ġw:1:1] Fil-bidu kien il-Verb, u l-Verb kien ma’ Alla, u l-Verb kien Alla.
[Ġw:1:2] Hu kien fil-bidu ma’ Alla.
[Ġw:1:3-4] Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kull ma sar kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.
[Ġw:1:5] Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux.

Jifirħu l-popli bil-kliem ta’ Iżaija (Kapitlu 42)

[Iża:42:10] Għannu lill-Mulej għanja ġdida; ħa jitla’ minn truf l-art it-tifħir tiegħu! Ħa jsebbħuh il-baħar u kull ma fih, il-gżejjer u min jgħammar fihom.

L-istqarrija ta’ Xmun fit-Tempju tesprimi l-ferħ ta’ kull bniedem ta’ rieda tajba:
[Lq:2:30] … għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek
[Lq:2:31] li int ħejjejt għall-popli kollha,
[Lq:2:32] dawl biex idawwal il-ġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael.”

Il-Mulej Ġesù huwa d-Dawl li dejjem ixxennaqna għalih. U Ġesù stess qal:

[Ġw:8:12] Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja.

L-esperjenza ta’ Sawlu ta’ Tarsu fit-Triq ta’ Damasku hija laqgħa ma’ dan id-Dawl, kif jispjega l-Appostlu stess lis-Sultan Agrippa fl-Atti tal-Apostli, Kapitlu 26:
[Atti:26:12] Hekk, bis-setgħa u l-permess tal-qassisin il-kbar, tlaqt lejn Damasku.
[Atti:26:13] Jien u sejjer, f’nofsinhar, sultan, rajt dawl, aqwa mid-dija tax-xemx, ġej mis-sema u idda madwari u madwar dawk li kienu fit-triq miegħi.
[Atti:26:14] Waqajna lkoll fl-art, u jien smajt leħen jgħidli bl-ilsien Lhudi, ‘Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani? Iebsa għalik li teħodha kontra n-niggieża!’
[Atti:26:15] Jien weġibt, ‘Min int, Mulej?’ U l-Mulej qalli, ‘Jien Ġesù li int qiegħed tippersegwitah.
[Atti:26:16] Imma qum u ieqaf fuq riġlejk. Għax jien għalhekk dhertlek, biex nagħmlek ministru u xhud tad-dehra li fiha rajtni u ta’ dawk li fihom għad nidhirlek.
[Atti:26:17] Neħilsek mill-poplu u mill-ġnus pagani li għandhom qiegħed nibagħtek,
[Atti:26:18] biex tiftħilhom għajnejhom ħalli jerġgħu lura middlam għad-dawl u mis-setgħa tax-xitan u jduru lejn Alla, u bil-fidi tagħhom fija jiksbu l-maħfra tad-dnubiet u jkollhom sehem ma’ dawk li huma kkonsagrati lil Alla.’
[Atti:26:19] Għalhekk, sultan Agrippa, jien ma webbistx rasi għad-dehra tas-sema.
[Atti:26:20] Imma kont inxandar, l-ewwel lil-Lhud ta’ Damasku, imbagħad lil dawk ta’ Ġerusalemm u tal-art kollha tal-Lhudija, u lill-pagani wkoll, li għandhom jindmu u jduru lejn Alla, billi jagħmlu opri xierqa ta’ ndiema.
[Atti:26:21] Minħabba f’hekk il-Lhud qabduni fit-Tempju u riedu joqtluni.
[Atti:26:22] Bl-għajnuna li kelli mingħand Alla jien bqajt sa dan il-jum nixhed liż-żgħar u lill-kbar, u ma ngħidx ħaġa oħra ħlief dak li l-Profeti u Mosè qalu li kellu jsir,
[Atti:26:23] jiġifieri, li l-Messija kellu jbati u jkun l-ewwel wieħed li jqum mill-imwiet, u jħabbar id-dawl kemm lill-poplu ta’ Iżrael u kemm lill-pagani.

Għalina l-Maltin u l-Għawdxin hemm providenza tal-Oħla Dawl u Ħniena fil-konverżjoni ta’ Sawlu ta’ Tarsu.

Għalina l-Maltin u l-Għawdxin hemm providenza tal-Oħla Dawl u Ħniena fl-għażla ta Publju bħala protos ta’ Melite.
Bħalma jgħanni b’ħila Dun Karm:
(DK 16/1933 Sunett)

Min ħadem fuq l-inkwina tal-imħabba
il-qalb ta’ Pawlu, – il-ljun minn tal-Lhudija,
u fatmu mid-drawwiet li fihom trabba,
biex ikunlu qaddej f’art barranija,

ta’ Publju wkoll il-qalb bil-ħlewwa xabba’,
– Publju, il-ħaruf imnissel fl-art Maltija, –
u ‘l ġensna li bi dnewwa qatt ma ttabba’
għanieh bi tjieba kbira kemm għaqlija;

u meta wasal dak iż-żmien li hejja
fil-ħsieb tiegħu li bih jaħkem il-ġrajja
biex ma’ dawk li għaddew jinseġ li ġejja,

qajjem taqliba fuq il-gżira tagħna;
iltaqgħu dawn it-tlieta fuq il-plajja,
u nħalef patt u Kristu baqa’ magħna.

Hekk nistħajjel il-Mulej iħares fuq Malta tagħna 1955 sena ilu u bi kliem il-Profeta jħabbat fuq il-qalb tal-poplu tagħna:
[Iża:60:1] Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!
[Iża:60:2] Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli: iżda fuqek jiddi l-Mulej, u sebħu jfiġġ fuqek.
[Iża:60:3] Il-ġnus għad jimxu fid-dawl tiegħek, u s-slaten fiddija ta’ sbiħek
[Iża:60:19] Ma ddawlekx aktar ix-xemx binhar, u lanqas jiddi għalik il-qamar billejl, għax il-Mulej ikunlek id-dawl għal dejjem u Alla tiegħek ikun sebħek.
[Iża:60:20] Ma tinżilx aktar ix-xemx għalik u lanqas jgħib il-qamar, għax il-Mulej ikun id-dawl tiegħek għal dejjem u jintemmu l-jiem tal-vistu tiegħek.
[Iża:60:21] Kulħadd ikun ġust fil-poplu tiegħek u jirtu l-art għal dejjem; huma xitla li jien ħawwilt, xogħol idejja għal foħriti.
[Iża:60:22] L-iżgħar fostkom isir tribù u l-iċken isir ġens qawwi. Jien il-Mulej, li nfittex nagħmel dan kollu f’waqtu.

Il-Vjaġġ Providenzjali ta’ Pawlu minn Kreta lejn Ruma kien vjaġġ fid-dlam u t-taqtigħ il-qalb, iżda huwa l-Mulej li jmexxi, u li tassew mexxa, kollox:
[Atti:27:20] Għal ħafna jiem la dehret xemx u lanqas kwiekeb; ittempesta li qabditna ma kinitx ħafifa, hekk li fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw.
[Atti:27:21] In-nies kienu ilhom ħafna ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejqu; Pawlu waqaf f’nofshom u qalilhom:“Ħbieb, kien imisskom smajtu minni u ma tlaqtux minn Kreta; kontu teħilsu minn din il-ħsara u dan it-telf.
[Atti:27:22] Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb, għax ħadd minnkom m’hu se jitlef ħajtu; il-ġifen biss jintilef.
[Atti:27:23] Għax dal-lejl deherli anġlu ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim,
[Atti:27:24] u qalli, ‘Tibżax, Pawlu. Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari; ara, Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw.’
[Atti:27:25] Mela qawwu qalbkom, ħbieb. Jien nemmen f’Alla li hekk isir, sewwasew kif ħabbarli.
[Atti:27:26] Jinħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira.

Fi kliem Dun Karm: (DK 10/1927)

Le, ma qamx minn jeddu l-baħar,
Ma venvenx minn jeddu r-riħ;
It-taqliba kienet twaħħax,
Iżda l-ħsieb ħanin, sabiħ.

Setgħa waħda, barranija,
F’daqqa messet żewġt iqlub;
F’Pawlu xegħlet ġenn ta’ mħabba
Lejn min, Alla, miet mislub,

U libbsitu bl-isbaħ fehma
Li titwettaq fit-tiġrib,
Li kull riżq tagħraf mis-Sema,
Li titgħaxxaq bis-salib.

Tefgħet ġewwa l-qalb ta’ Publju
– L-ewwel wieħed mill-Maltin –
Wied ta’ ħlewwa, wied ta’ ħniena
Lejn in-nisel tal-bnedmin,

U sar faraġ tal-imnikkta,
Sar il-ħares tal-ħaddiem,
Daru sefgħet dar il-hena,
Dar il-barka, dar is-sliem.

Malli Pawlu, hekk kif għajjat,
Għal ġo Ruma kien mitluq,
Venvnu r-rwiefen, qam il-baħar,
Għatta s-sema sħab mitbuq.

Għaddew ġranet bla ma nahar,
Għaddew ljieli bla mistrieħ,
X’qalb, jaħasra, fuq id-dgħajsa!
Ma’ kull mewġa tara l-qiegħ.

Iżda Pawlu qal’lhom kelma
– U l-baħħara ħadu r-ruħ –
“Tibżgħu xejn; fil-kenn ta’ Gżira
Jeħtieġ naslu; hekk maqtugħ”.

U ġo ħdanek, Malta tiegħi,
Ġieb id-dgħajsa l-mewġ qaddej;
Minn fomm Pawlu xorob Publju
L-aħbar tajba tal-Feddej,

U dik kienet, Malta ħelwa,
Ta’ ġrajjietek il-għarqub,
Għaddiet fuqek bosta qilla,
Bkew għajnejn, ingħasru qlub,

Iżda l-kelma li qal Pawlu,
Li għammditek f’dak il-jum,
Għadha sħiħa ġewwa sidrek,
U sat-tmiem fi ħsiebha ddum.

Le, ma qamx minn jeddu l-baħar,
Ma venvenx minn jeddu r-riħ;
It-taqlìba kienet twaħħax,
Iżda l-ħsieb ħanin, sabiħ.

Tassew “ħsieb ħanin, sabiħ” għaliex:
[Iża:9:1] Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; in-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl idda fuqhom.
[Iża:9:2] Int kattart il-ġens, kabbart l-hena; huma ferħu quddiemek, bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad, bħalma jifirħu fi qsim il-priża.
[Iża:9:3] Għax il-madmad li kien itaqqlu, u l-ħatar ta’ fuq spallejh, u l-bastun tal-argużin, int kissirthom bħal f’jum Midjan.

II

O għażiża Malta!

Kienet misteru tal-oħla dawl
Il-laqgħa tiegħek mal-Appostlu Pawlu!

Li fit-Tieni Ittra lill-Korintin stqarr:
[2Kor:4:6] Dan Alla li qal:“Ħa jiddi d-dawl mid-dlam”, dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl tal-għarfien talglorja ta’ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu.

L-istedina tal-Mulej issa kienet ċara aktar minn qabel:
[Iża:51:4] Isma’ minni, poplu tiegħi, u int, ġensi, agħtini widen. Għax tagħlim joħroġ mingħandi; u s-sewwa tiegħi jkun dawl għall-popli.
[Iża:51:5] Qorbot il-ġustizzja tiegħi; ħarġet is-salvazzjoni tiegħi. Driegħi jagħmel ħaqq mill-popli; fija jittamaw il-gżejjer, u ’l driegħi jistennew.

Il-Kliem ta’ Ġesù seħħ fit-tliet xhur tal-mawra tal-Appostlu fostna:
[Ġw:12:35] Ftit ieħor baqagħlu magħkom id-dawl. Mela ibqgħu miexja sakemm għandkom id-dawl, biex id-dlam ma jilħaqkomx. Min jimxi fid-dlam ma jafx fejn hu sejjer.
[Ġw:12:36] Sakemm għandkom id-dawl, emmnu fid-dawl, biex tkunu wlied id-dawl.

Il-Ministeru ta’ Pawlu fostna jispjegah hu bi kliemu stess:
[2Kor:4:1] Ladarba għall-ħniena ta’ Alla aħna għandna dan ilministeru, ma naqtgħux qalbna;
[2Kor:4:2] imma nwarrbu kull ħabi u għajb; u la nimxu bilqerq u lanqas ngħawġu l-kelma ta’ Alla, iżda nuru l-verità kollha u nħallu l-kuxjenza ta’ kull bniedem tiġġudikana hi quddiem Alla.
[2Kor:4:3] Jekk imbagħad l-Evanġelju tagħna jibqa’ mistur għal dawk li jintilfu;
[2Kor:4:4] dawk li l-alla ta’ din id-dinja dallmilhom il-moħħ tagħhom nieqes mill-fidi, biex ma jarawx jiddi d-dawl tal-Evanġelju glorjuż ta’ Kristu, li hu xbieha ta’ Alla.
[2Kor:4:5] Għax aħna ’l Ġesù l-Mulej qegħdin inxandru, u mhux lilna nfusna; aħna m’aħniex ħlief qaddejja tagħkom minħabba f’Ġesù Kristu.
[2Kor:4:6] Dan Alla li qal:“Ħa jiddi d-dawl mid-dlam”, dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl tal-għarfien talglorja ta’ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu.
[2Kor:4:7] Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna.

Dan it-teżor li ħareġ mill-ġarra tal-fuħħar huwa l-isbaħ xrara tannar minn qalb Pawlu li tlaqqmet f’qalb missirijietna u f’qalbna:

(DK 5/1921 Sunett:)

Nistħajjel, meta ġejt fìx-xtajta tagħna
Mixħut mill-qilla ta’ taqliba kbira,
U feh’mt il-ħniena li ried jagħmel magħna
Dak li tal-grajja jaħdem it-tiswira,

U rajt b’għajnejk il-ħila, it-tjieba, il-għana
Ta’ qalb li kellha n-nies ta’ din il-gżira,
U l-fehma tal-azzar, li jekk tistagħna
Bil-ħaqq u s-sewwa qatt ma tarġa’ fqira,

lnti, missierna Pawlu, sraqt minn qalbek
L-isbaħ xrara tan-nar, l-aktar qawwija,
U laqqamt biha qlub missirijietna.

U ħadet it-tilqima, kif ridt f’talbek;
Tħalltet ma’ demmna, u mija wara mija
Rebħet is-snin, u għadha nar bejnietna.

Din ix-xrara tan-nar, l-aktar qawwija, hija x-xrara tal-imħabba nisranija:
[Rum:12:9] Qisu li l-imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b’ieħor; taħmlux il-ħażen; żommu mat-tajjeb.
[Rum:12:10] Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin.
[Rum:12:11] Tħallux il-ħrara tagħkom tibred, tħeġġu fl-ispirtu, aqdu lill-Mulej.
[Rum:12:12] Ifirħu bit-tama, stabru fl-hemm, itolbu bla waqfien.
[Rum:12:13] Aqsmu ġidkom mal-qaddisin li jinsabu fil-bżonn; ilqgħu f’darkom lill-barranin.
[Rum:12:14] Bierku lil dawk li jippersegwitawkom; bierku, u la tisħtu lil ħadd.
[Rum:12:15] Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki.
[Rum:12:16] Aħsbu f’xulxin l-istess, taħsbux fi ħwejjeġ kbar, imma fittxu l-umli. Tagħmluhiex ta’ għorrief.
[Rum:12:17] Troddu lil ħadd deni b’deni. Ħa jkun ħsiebkom filli tagħmlu t-tajjeb quddiem il-bnedmin kollha.
[Rum:12:18] Jekk jista’ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi ma’ kulħadd.
[Rum:12:19] Tivvendikawx ruħkom b’idejkom, għeżież tiegħi, imma ħallu l-korla ta’ Alla tagħmel hi, għax hemm miktub:“Għalija l-vendetta, jiena nħallas, jgħid ilMulej.”
[Rum:12:20] Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk hu bilgħatx, isqih. Jekk tagħmel hekk tkun qiegħed tiġma’ ġamar jaqbad fuq rasu.
[Rum:12:21] Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb.

Fil-miraklu tal-lifgħa, fil-miraklu tal-fejqan ta’ missier Publju, filpredikazzjoni tal-Appostlu, hemm l-Evanġelju ta’ San Pawl lilna:
[1Tess 1:5] Għax l-Evanġelju tagħna lilkom ma kienx biss bilkliem, imma wkoll bil-qawwa, bl-Ispirtu s-Santu u b’persważjoni sħiħa; intom tafu kif ġibna ruħna meta konna fostkom għall-ġid tagħkom.
[1Kor 2:4] Il-kelma u l-predikazzjoni tiegħi ma kinux imlibbsa bil-kliem qawwi tal-għerf, imma bil-wiri tal-Ispirtu u l-qawwa,

(Il-qawmien ta’ Ġesù Kristu)

[1Kor:15:1] Ħuti, irrid infakkarkom fl-Evanġelju li xandarnielkom u li intom ilqajtu u li fih qegħdin iżżommu sħiħ.
[1Kor:15:2] Bih intom salvi bil-kelma li jien ħabbartilkom, kemm-il darba żżommuha, jekk ma emmintux għal xejn.
[1Kor:15:3] Qabel xejn, jien għallimtkom dak li tgħallimt jien, jiġifieri, li Kristu miet minħabba dnubietna, skont l-Iskrittura;
[1Kor:15:4] difnuh u qam mill-imwiet fit-tielet jum, skont l-Iskrittura.

(Il-qawwa tal-Evanġelju)

[Rum:1:16] Jiena ma nistħix mill-Evanġelju; għax l-Evanġelju hu qawwa ta’ Alla għas-salvazzjoni ta’ dawk kollha li jemmnu, l-ewwel il-Lhud u mbagħad il-Griegi,

(Ma hemmx Evanġelju ieħor)

[Gal:1:9] Bħalma ġa għednielkom, u ntenni ngħidilkom issa; jekk xi ħadd iħabbrilkom ħaġa oħra għajr dak li ġa rċevejtu, ikun misħut!

U aħna lqajnieha l-Kelma ta’ Pawlu: Tant li seta’ bir-raġun jgħidilna:
[2 Kor 3:3] Intom tidhru li intom l-ittra ta’ Kristu fdata f’idejna, miktuba mhux bil-linka, imma bl-Ispirtu ta’ Alla l-ħaj; mhux fuq it-twavel tal-ġebel, iżda fuq it-twavel tal-laħam ta’ qalbkom.
[1Kor:9:2] Ukoll jekk stess għal ħaddieħor jien m’iniex appostlu, għalikom jien. Għax is-siġill tal-appostolat tiegħi huwa intom stess fil-Mulej.

Il-Poplu Malti bi ħġaru ġab il-morda tiegħu għall-fejqan, fetaħ qalbu għall-Kelma tal-Mulej u b’idejh imgħollija ’l fuq lejn issmewwiet kaħlana, tgħallem ilissen:
[Salm:119:105] Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl filmogħdija tiegħi.
[Salm:119:106] Ħlift, u rrid inżomm kelmti, li nħares id-digrieti ġusti tiegħek.
[Salm:119:129] Tal-għaġeb huma l-preċetti tiegħek, għalhekk tħarishom qalbi.
[Salm:119:130] It-tifsir ta’ kelmtek jagħti d-dawl, ifiehem lil min ma jafx.
[Salm:119:131] Niftaħ fommi u nieħu r-ruħ, għax nixxennaq għall-kmandamenti tiegħek.
[Salm:119:132] Dur lejja u ħenn għalija, kif dejjem tagħmel ma’ min iħobb ’l ismek. 22
[Salm:119:133] Żomm sħiħ il-mixi tiegħi skont il-wegħda tiegħek, u ebda deni ma jaħkem fuqi.

U f’dan id-djalogu qaddis Pawlu jeżortana għall-fedeltà:
[Kol:2:6] Intom ilqajtu lil Kristu Ġesù l-Mulej; għixu mela magħqudin miegħu;
[Kol:2:7] niżżlu għeruqkom fih, u ibnu l-ħajja tagħkom fuqu; issaħħu fil-fidi, kif tgħallimtu, u mtlew bil-gratitudni.
[Kol:2:8] Qisu li ħadd ma ijassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skont dak li hu ġej mill-bnedmin, skont il-prinċipji tad-dinja u mhux ta’ Kristu.
[Kol:2:9] Fih hemm tgħammar il-milja sħiħa tad-divinità filġisem;
[Kol:2:10] u intom, magħqudin kif intom miegħu, għandkom sehem mill-milja tiegħu, hu li hu r-Ras tal-Prinċipati u tas-Setgħat kollha.

X’ma jintilifx f’estasi ta’ kontemplazzjoni l-Poeta Nazzjonali x’ħin jimmedita din il-laqgħa ta’ Malta mad-Dawl ta’ Kristu?! (DK 2/1917 §§ 10-14; 21)

O Malta, xi ħlewwa ta’ dija libbsitek
Il-għodwa li Pawlu medd fuqek riġlejh!
X’nar kibes ġo sidrek, li saħħnek, li xegħlek
Fir-rogħda li tatek il-għafsa ta’ jdejh!

Sibt ‘l Alla, fhimt lilek. Hu bidu, Hu temma;
Hu Setgħa li taħlaq, Hu Hena li jrodd;
Hu joqtol u jgħajjex, ikisser u jsaħħaħ;
Hu jgħakkes u jdewwi, Hu jibni w iħott.

Għax int rajt il-Bniedem li ħeles mill-baħar
Ifarfar il-lifgħa qattiela ġon-nar
Bla xejn ma jittiefes mill-gidma waħxija,
Għalkemm jaf min ġarrbu ta’ semmha l-imrar.

Għax int smajt minn fommu il-kelma qawwija,
Il-kelma li farrket il-qlub tal-ħadid;
Il-kelma li farrġet, li sabbret, li saħħret,
Il-kelma li wegħdet fi Kristu kull ġid.

Għalhekk inti b’fehma li tagħleb kull biża’,
Li l-bidu tal-ħajja fil-qabar issib,
Emmint li I-Imsallab hu Alla li refgħek,
U f’telfa ta’ mħabba tgħannaqt mas-salib,

Għalhekk illum f’moħħi ħsieb wieħed jitħaddet
Kemm Alla tas-Sewwa kien miegħek ħanin;
Nar wieħed ġo qalbi, Art tiegħi sabiħa:
L-imħabba li tnisslet f’ġurnata bħal din.

III

O għażiża Malta!

Kienet u għadha misteru tal-oħla dawl
L-istorja tiegħek ta’ impenn,
L-istorja tiegħek imżewqa bir-risq it-tajjeb u l-ħażin, bil-mard u bis-saħħa!

Nistħajjel lil Pawlu fil-Grotta Qaddisa tar-Rabat jgħid lill-Maltin, lil Missirijietna:
[Efes:5:8] Intom kontu darba dlam, imma issa intom dawl filMulej; għixu ta’ wlied id-dawl li intom;
[Efes:5:9] frott id-dawl jinsab f’kull ma hu tjieba, f’kull ma hu ġustizzja, f’kull ma hu verità.

U b’hekk l-Appostlu itenni kliem l-Imgħallem Ġesù:
[Matt:5:14] “Intom id-dawl tad-dinja. Belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba.
[Matt:5:15] Anqas ma jixegħlu l-musbieħ u jqegħduh taħt ilsiegħ, iżda fuq l-imnara, u hekk idawwal lil kull min ikun fid-dar.
[Matt:5:16] Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem ilbnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.

Pawlu iżda jkompli jwissina bi kliem qawwi u sod:
[2Kor:6:14] La tintrabtux mal-pagani taħt madmad wieħed li ma jiġikomx. X’għandhom x’jaqsmu bejniethom ilġustizzja u l-ħażen? X’xirka hemm bejn id-dawl u d-dlam?
[2Kor:6:15] Xi ftehim hemm bejn Kristu u Beljar? Jew x’għandu x’jaqsam min jemmen ma’ min ma jemminx?
[2Kor:6:16] X’rabta hemm bejn it-tempju ta’ Alla mal-idoli? Aħna t-tempju ta’ Alla l-ħaj.
[2Kor 7:1] Meta għandna dawn il-wegħdiet, għeżież tiegħi, ħa nitnaddfu minn kull tidnis tal-ġisem u tar-ruħ, u ntemmu l-qdusija tagħna fil-biża’ ta’ Alla.

U minn qalbna, ma’ Dun Karm, toħroġ talbna lill-Appostlu Missierna: (DK 20/1945 Sunett)

Maħbub Missierna, meta id moħbija
Tefgħetek, f’nofs ta’ lejl, fuq ix-xtut tagħna,
Inti fraħt u stagħġibt bil-qalb Maltija,
U xtaqt u fhimt li dejjem tibqa’ magħna.

U ma ddawretx ta’ mħabbtek it-turija,
Għax meta niesna, mħabba fik beżgħana,
Rawk tfarfar ġewwa n-nar lifgħa waħxija
Bla ma ġarrabt il-mewt, raw kemm setgħana

Kienet il-qawwa li ħaddmitlek driegħek,
U int, li nżilt bi ħsiebek sa ġo qalbna,
Itgħannaqt magħhom, huma tgħannqu miegħek.

Ħares issa, Missier: Jekk ġewwa l-gżira
Tidħol xi lifgħa oħra, oh! isma’ talbna:
Eqridha ġewwa n-nar ta’ Mħabba Kbira.

(Eżortazzjoni finali)

L-Appostlu, illum, f’din is-solennità patronali, jagħmlilna l-kuraġġ:
[1Tess:5:4] Ħuti, intom m’intomx fid-dlam biex Jum il-Mulej jeħodkom għal għarrieda bħal ħalliel.
[1Tess:5:5] Intom ilkoll ulied id-dawl u wlied il-jum; aħna m’aħniex ulied il-lejl, anqas ulied id-dlam.
[1Tess:5:6] Għalhekk ma għandniex norqdu bħall-oħrajn, iżda nishru u ngħixu bil-qjies.
[1Tess:5:7] Għax min jorqod, jorqod billejl; u min jisker, jisker billejl.
[1Tess:5:8] Ladarba aħna wlied il-jum, ejjew ngħixu bil-qjies, nilbsu l-kurazza tal-fidi u l-imħabba, u l-elmu tattama tas-salvazzjoni.
[1Tess:5:9] Għax Alla ma għażilniex għall-għadab, imma biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu,
[1Tess:5:10] li miet għalina, sabiex sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu.
[1Tess:5:11] Għalhekk farrġu lil xulxin u ibnu lil xulxin, kif qegħdin tagħmlu.

It-Tislima tal-Għeluq, iżda, inħalliha għall-Appostlu Missierna u nissellifha mill-kitba mirquma ta’ Dun Karm Psaila li ħarġet mill-qalb tal-Poeta Nazzjonali fl-1931: (DK 14/1931)

Sakemm ġo qalbi jibqa’ nar ta’ mħabba,
Sakemm ġo moħħi jibqa’ dawl ta’ ħsieb,
Għall-għanja tiegħek ta’ kull sena, Pawlu,
Qatt ma jingħalaq, jien naħilfu, l-bieb.

Għax Int missierna, fik għall-ħajr twelidna
Ta’ I-Iben t’Alla, u fik ta’ ġensna l-ġieħ;
Ismek minsuġ mal-ġrajja ta’ ħajjitna,
U b’ismek, Pawlu, isimna sar sabiħ.

Naf kemm għaddew minn fuq dil-gżira mbierka
Ġnus qalbenija fl-ibgħad żmenijiet,
U b’liema sengħa fuq il-blat ta’ s’dirha
Kitbu għal dejjem l-isbaħ tifkiriet.

Naf kemm nies taqsam l-ilmijiet tal-baħar
Biex tiġi taqra dak il-ktieb qadim,
Xi ħsieb hemm jiddi fl-għar ta’ Ħal Saflieni,
Lil min inħarqu l-bhejjem f’Ħagar Qim.

U naf ukoll kemm Ruma ftaħret bina
Fl-insiġ, fil-bini, f’kulma taf trodd l-id,
Ruma li rebħet u, bħal min jaf jaħkem,
Lill-mirbuħa għaniet bil-għerf u l-ġid.

Iżda l-allat li Malta kienet ħatret
Kienu tal-ħaġar, u ma kellhom qalb;
Fil-jum tal-hena qatt il-ħajr ma fiehmu,
Fil-jum tal-biki qatt ma semgħu talb.

Int biss ġibtilna dak id-dawl tas-sewwa
Li rebħek ta’ Damasku fuq it-triq,
U giegħlek tħoss ġo qalbek u ġo ħsiebek
Kemm taf il-qawwa t’Alla tniggeż sfiq.

Ġibtilna dak id-dawl li mbagħ’d inxtered
Minn belt ghal belt u sebbaħ kullimkien,
Li nebbet ward fejn il-għolliq ben għatta,
Li tafa’ l-barka fil-għeruq taż-żmien.

Imbierka, PawIu, l-mewġa li wasslitek
Fuq ix-xtut tagħna; mbierek dak il-jum
Li l-qalb ħanina ta’ missirijietna
Laqgħetek ħelu hemm fuq dak ir-rdum.

Imbierka l-Emmna li għallimtna, Pawlu,
Sħiħa, qawwija bħala lsien tan-nar;
Emmna li saret aħna, Emmna Maltija,
Kif ridtha Int, Appostlu tal-azzar.

Viva l-Appostlu Missierna!

Viva San Pawl!

Charles J. Scicluna
10 ta’ Frar 2015

Pubblikazzjoni Segretarjat għal-Liturġija, Kurja tal-Arċisqof, il-Furjana

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.