Nitolbu għal-Kopti


It-Tlieta 17 ta’ Frar 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta

Donnu jidher li l-bniedem hu aktar qawwi minn Alla għax għandu ħila jeqred it-tajjeb li għamel Alla.

Dalgħodu, meta ħareġ għall-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta, il-Papa stieden lill-kongregazzjoni biex tingħaqad miegħu fit-talb għal ‘ħutna l-Kopti’, li qatluhom għar-raġuni waħdanija li huma Nsara, ħalli l-Mulej jilqagħhom bħala martri u jfarraġ lill-familji tagħhom, u stieden it-talb għal ‘ħija’ Tawdros li għaddej minn tbatija kbira.

Imbagħad il-Papa talab hekk: ‘Kun il-ħarries tiegħi, o Alla, kun sur li jsalvani. Għax int il-blata tiegħi, il-fortizza tiegħi! Mexxini, iggwidani f’ġieħ ismek.’

Ilbieraħ wara nofs inhar il-Papa ċempel lill-Patrijarka Tawdros, il-Patrijarka Kattoliku Ortodoss ta’ Lixandra, biex itih l-għomor u jesprimi s-sogħba tiegħu għal dak il-qtil krudili.

Waqt l-omelija l-Papa tkellem dwar il-krudeltà li kapaċi jkollu l-bniedem u kemm għandu ħila jeqred, filwaqt li kkundanna lil dawk li sejħilhom ‘il-merkanti tal-mewt’, in-nies li jbiegħu l-armi lil min ikun fi gwerra u b’hekk ikebbsu aktar iċ-ċiklu tal-mibegħda, tal-fratriċidju u tal-vjolenza.

Il-Papa għamel riflessjoni dwar il-qari mill-Ktieb tal-Ġenesi li jirrakkonta l-għadab ta’ Alla qabel id-dulluvju. Donnu jidher, ikkummenta l-Papa, li l-bniedem hu aktar qawwi minn Alla għax għandu ħila jeqred it-tajjeb li għamel Alla.

Il-Papa Franġisku osserva li fl-ewwel kapitli tal-Bibbja nsibu ħafna eżempji: Sodoma u Gomorra, it-Torri ta’ Babel, li fihom il-bniedem juri l-kattiverja tiegħu. Ħażen li jbejjet fil-fond ta’ qalbu.

Il-Papa żied jgħid li hemm min jgħidlu biex ma jkunx daqstant negattiv, imma, kompla josserva, din hi l-verità. Aħna għandna l-ħila noqtlu wkoll il-fraternità. Kajjin u Abel, fl-ewwel paġni tal-Bibbja, qerdu l-fraternità. Hemmhekk jibdew il-gwerer: għira, invidja, kilba kbira għall-poter biex wieħed jakkwista aktar. Iva, dan jinħass negattiv, imma hu realistiku.

Biżżejjed tiftaħ kwalunkwe gazzetta, tax-xellug, tal-lemin, taċ-ċentru, u tara li aktar minn disgħin fil-mija tal-aħbarijiet huma dwar id-distruzzjoni. Dan narawh kuljum.

Allura, staqsa l-Papa, x’qed jiġri fil-qalb tal-bniedem? Ġesù, żied jgħid il-Qdusija Tiegħu, ifakkarna li hu minn ġewwa, minn ġol-qalb tal-bniedem, li jinbet il-ħażen. Il-qalb dgħajfa tagħna hi miġrugħa.

Il-Papa kompla josserva li l-bniedem dejjem imxennaq għall-awtonomija: nagħmel li rrid u jekk ikolli aptit nagħmel xi ħaġa, nagħmilha! Allura, jekk irrid il-gwerra, nagħmilha! Għaliex aħna hekk? Għax aħna għandna l-ħila neqirdu. Dik hi l-problema. Hemm il-gwerer, it-traffikar tal-armi… Imma aħna nies tan-negozju! Minnu, imma negozjanti tal-mewt?

Hemm pajjiżi li jbiegħu l-armi, li jiġġieldu favur naħa imma jbiegħu l-armi lin-naħa l-oħra biex il-gwerra ma tiqafx. Ħila ta’ distruzzjoni li mhix ġejja mill-ġirien imma tiġi minna! Kull intenzjoni u ħsieb tal-qalb hu l-ħażen bla waqfien. Kull bniedem għandu ż-żerriegħa ġo qalbu, għandu l-possibiltajiet, imma għandna wkoll lill-Ispirtu s-Santu li jeħlisna! Aħna rridu nagħmlu għażla fl-affarijiet iż-żgħar.

Il-Papa kompla jwissi kontra t-tqassis u l-malafama li jeżistu anke fil-parroċċi u l-assoċjazzjonijiet. Il-ġelożija u l-għira jġiegħlu lin-nies imorru għand il-kappillan u jisparlaw fuq l-oħrajn.

Dan hu l-ħażen, kompla jgħid Franġisku, u lkoll kemm aħna għandna l-ħila li neqirdu. Issa li se jibda r-Randan, il-Knisja tistedinna biex nirriflettu dwar dawn l-affarijiet.

Il-Papa rrefera għall-Vanġelu tal-lum li fih Ġesù jċanfar lid-dixxipli li kienu qed jargumentaw bejniethom għax insew iġibu l-ħobż. Il-Mulej iwissihom biex joqogħdu attenti mill-ħmira tal-Fariżej u ta’ Erodi u jagħti ż-żewġ eżempji: Erodi hu ħażin, qattiel u l-Fariżej huma ipokriti.

Meta jagħmel dan, Ġesù jfakkarhom dwar meta kattar il-ħobż u jħeġġiġhom biex jaħsbu dwar is-salvazzjoni, dwar dak li Alla għamel minħabba fina lkoll. Franġisku kompla jinnota li d-dixxipli ma fehmuhx għax qalbhom kienet iebsa u l-ħażin ta’ ġo fihom ġegħelhom jargumentaw bejniethom biex jaraw min minnhom kien jaħti li nsew il-ħobż.
Franġisku żied jgħid li aħna għandna nieħdu l-messaġġ ta’ Alla bis-serjetà. Dan il-kliem mhux stramb, mhux kliem ta’ xi extra terrestri, għax il-bniedem jaf jagħmel ħafna ġid, bħal Madre Tereża, mara ta’ żmienna.

Ilkoll kemm aħna għandna ħila nagħmlu t-tajjeb, imma lkoll nafu niddistruġġu bil-ftit jew bil-ħafna, anke fil-familji tagħna. Kapaċi neqirdu anke lil uliedna u ma nħalluhomx jikbru ħielsa, ma ngħinuhomx jimmaturaw. Dan ifisser li għandna nimmeditaw il-ħin kollu, nitolbu, niddiskutu bejnietna biex ma naqgħux fin-nassa tal-ħażen li jeqred kollox.

Aħna għandna din is-setgħa u Ġesù jfakkarna: ‘Aħsbu fija, jien xerridt demmi għalikom. Ftakru fija għax jien salvajtkom ilkoll. Ftakru fija għax jien għandi s-setgħa nimxi magħkom fil-mixja tal-ħajja, mhux fit-triq tal-ħażen imma fit-triq tat-tjubija, tal-atti tajbin mal-oħrajn; mhux fit-triq tad-distruzzjoni imma fit-triq li tibni familja, belt, kultura, dar u ħafna aktar.’

Il-Papa temm l-omelija tiegħu billi talab lill-Mulej, illum lejlet il-bidu tar-Randan, biex itina l-grazzja ħalli bl-għajnuna tiegħU nagħżlu dejjem it-triq it-tajba u ma nħallux it-tentazzjonijiet ifixklulna t-triq.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.