Liema triq qed nagħżel?


Il-Ħamis 19 ta’ Frar 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

F’kull ċirkostanza tal-ħajja, in-Nisrani għandu jagħżel lil Alla u ma jħallix drawwiet u sitwazzjonijiet ibegħduh minnu u jaljenawh

F’kull ċirkostanza tal-ħajja, in-Nisrani għandu jagħżel lil Alla u ma jħallix drawwiet u sitwazzjonijiet ibegħduh minnu u jaljenawh. Dan affermah il-Papa Franġisku dalgħodu waqt l-omelija fid-Dar Santa Marta.

Nagħżlu lil Alla, nagħżlu t-tajjeb biex ma nkunux nies ta’ suċċess falluti. Inkunu mfaħħrin mill-massa imma fl-aħħar mill-aħħar ma nkunu xejn aktar ħlief nies li nqimu affarijiet żgħar li jgħaddu. Ir-riflessjoni tal-Papa Franġisku kienet dwar il-qari mill-Bibbja fejn Alla jgħid lil Mosè: ‘Ara, illum jien se nqiegħed quddiemek il-ħajja u t-tjieba, il-mewt u l-ħażen. Għalhekk illum namarlek biex tħobb lill-Mulej Alla tiegħek u timxi fit-triqat tiegħU.’

Dak li għażel Mosè, afferma l-Papa, hu dak li għandu jagħmel kuljum kull min hu Nisrani. Hija għażla diffiċli. Hu aktar faċli tgħix billi tħalli l-ġirja tal-ħajja, is-sitwazzjonijiet, id-drawwiet imexxuk huma. Aktar faċli, fi kliem ieħor, li ssir qaddej ta’ allat oħra.

L-għażla hi bejn Alla u l-allat l-oħra, dawk li ma għandhomx is-setgħa li jtuna xejn; li jtuna biss affarijiet bla siwi, li jgħaddu. U lanqas hu faċli tagħżel għax aħna dejjem għandna din id-drawwa li mmorru ftit jew wisq fejn imorru l-oħrajn, li nagħmlu ftit jew wisq bħalma jagħmel ħaddieħor. U llum il-Knisja qed tgħidilna: ‘Ieqfu! Ieqfu u agħmlu għażla!’

Dan hu parir tajjeb u llum jagħmlilna tajjeb li tul il-ġurnata nieqfu naħsbu ftit: xi stil ta’ ħajja qed ngħix? Minn liema toroq għaddej jien?
U minbarra dil-mistoqsija, ninżlu aktar fil-fond u nistaqsu: xinhi r-relazzjoni tiegħi ma’ Alla, ma’ Ġesù, mal-ġenituri, ma’ ħuti, ma’ marti, ma’ żewġi, ma’ uliedi?

Minn dal-ħsieb il-Papa għadda biex jirrifletti fuq il-Vanġelu tal-ġurnata li fih naraw lil Ġesù jgħid lid-dixxipli: ‘X’jiswielu l-bniedem li jirbaħ id-dinja kollha, imbagħad jinqered?’ Ma jirbaħ ebda vantaġġ!

Triq żbajlata hi meta nfittxu dejjem is-suċċess personali, il-ġid li rridu nrekknu, mingħajr ma naħsbu fil-Mulej, mingħajr ma naħsbu fil-familja.
Dawn iż-żewġ mistoqsijiet irridu nagħmlu: kif inhi r-relazzjoni tiegħi ma’ Alla, kif inhi r-relazzjoni tiegħi mal-familja? Bniedem jista’ jikseb kollox, imma fl-aħħar mill-aħħar hu jkun fallut. Dik il-ħajja hi falliment. ‘Imma,’ tgħiduli, ‘bnewlu monument, pinġewh fi kwadru…’ Imma xorta hu fallut għax ma għarafx jagħżel tajjeb bejn il-ħajja u l-mewt.

Nistaqsu lilna nfusna, reġa’ insista l-Papa Franġisku: b’liema veloċità miexja ħajti u kemm qed nirrifletti fuqha? Nitolbu lill-Mulej itina l-grazzja li jkollna dak il-kuraġġ żgħir, imma meħtieġ, biex nagħżlu lilU kull darba.
Jgħinna nagħmlu dan, il-parir tant sabih li jtina l-ewwel Salm: ‘Imbierek il-bniedem li jafda fil-Mulej.’ Meta l-Mulej itina dal-parir: ‘Ieqaf, agħżel illum, agħżel,’ ma jħalliniex waħedna. Jibqa’ magħna u jrid jgħinna. Biss irid ikollna fiduċja, irridu nafdaw fiH. Imbierek il-bniedem li jafda fil-Mulej.

Illum, x’ħin nieqfu biex naħsbu ftit dwar dawn l-affarijiet u nieħdu deċiżjoni, nagħżlu xi ħaġa, irridu nifhmu li l-Mulej qiegħed magħna, jinsab ħdejna biex jgħinna. Qatt ma jħallina għal rasna, qatt. Dejjem hu magħna, anke waqt il-mument tal-għażla, temm jgħid il-Papa Franġisku.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.