Jekk il-fidi ma tkunx imsaħħa bl-opri ma tiswa għal xejn


Il-Ġimgħa, 20 ta’ Frar 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Jista’ jkollna ħafna fidi imma, kif jgħid l-Appostlu Ġakbu, jekk il-fidi ma tkunx imsaħħa bl-opri, hi fidi mejta, ma tiswa għal xejn.

Fil-meditazzjoni li għamel dalgħodu fid-Dar Santa Marta, il-Papa qal li l-poplu jilmenta quddiem il-Mulej għax Hu ma jagħtix każ tas-sawm li jagħmlu. Ir-riflessjoni kienet dwar is-silta tal-ewwel qari meħuda mill-Profeta Iżaija. Franġisku osserva minnufih li hemm distinzjoni bejn dak li hu formali u dak li hu reali. Il-Mulej, qal il-Papa, ma jridx sawm li ma tiekolx laħam, imbagħad tiġġieled u taħqar lill-ħaddiem. Kien għalhekk li Ġesù kkundanna lill-Fariżej, għax kienu josservaw ħafna regoli biex jidhru imma f’qalbhom ma kellhomx il-verità.

Is-sawm li jrid Ġesù hu dak li jħoll il-ktajjen tal-ħażen, li jeħles lil min hu mgħakkes, li jlibbes lill-imneżża’, li jagħmel ġustizzja. Dan hu l-veru sawm, saħaq Franġisku, sawm li mhux ħaġa li tidher, osservanza esterna, imma hu sawm li jiġi mill-qalb.

Fit-twavel tal-liġi hemm dawk li jolqtu lil Alla u dawk li jolqtu lill-proxxmu: it-tnejn qegħdin flimkien. Ma nistax ngħid li se nixtri l-ewwel tliet kmandamenti u l-oħrajn nara kif nirranġa dwarhom. Le, jekk ma tosservax tal-ewwel ma tistax tosserva tat-tieni, għax huma magħqudin flimkien: l-imħabba t’Alla u l-imħabba tal-proxxmu huma ħaġa waħda u, jekk int trid tagħmel penitenza reali u mhux formali, trid tagħmilha quddiem Alla u ma’ ħuk, mal-proxxmu.

Jista’ jkollna ħafna fidi, imma kif jgħid l-Appostlu Ġakbu, kompla l-Papa, jekk il-fidi ma tkunx imsaħħa bl-opri, hi fidi mejta, ma tiswa għal xejn. Għalhekk, jekk wieħed imur il-quddies kull nhar ta’ Ħadd u jitqarben, nistgħu nistaqsuh: Kif inhi r-relazzjoni tiegħek ma’ min hu taħtek? Tħallashom kif jixraq? Tħallashom minn taħt? Il-kontribuzzjoni tiegħek għall-pensjoni tħallashielhom? L-insurance fuq is-saħħa tħallashielhom?

Kemm u kemm nies ta’ fidi għandhom il-fidi, imma t-twavel tal-liġi jifirduhom minn xulxin! Imma inti tagħmel karità?, staqsa l-Papa. U twieġeb, ‘Iva, nagħti l-flus lill-Knisja.’ Tajjeb. Imma fil-Knisja tiegħek, fid-dar tiegħek, ma’ dawk li jiddependu minnek – kemm jekk huma uliedek, nannietek, impjegati – int ġeneruż, int ġust?

Ma tistax tagħti l-għexur lill-Knisja, imbagħad tagħmel l-inġustizzji ma’ min jiddependi minnek. Dan hu dnub gravi: tkun qed tuża lil Alla biex tgħatti l-inġustizzja.

Dan hu dak li jrid ifehemna l-Profeta Iżaija f’isem il-Mulej. Min ikun inġust ma’ min jiddependi minnu mhux Nisrani tajjeb. U lanqas hu Nisrani tajjeb min ma jiċċaħħadx minn xi ħaġa meħtieġa għalih biex jagħtiha lil xi ħadd li għandu bżonnha.

Il-mixja tar-Randan din hi, żied jgħid il-Papa, hija mixja doppja: lejn Alla u lejn il-proxxmu. Jiġifieri hi reali u mhux formalità. Mhix sempliċiment li ma tiekolx laħam nhar ta’ Ġimgħa, tagħmel xi ħaġa, imma mbagħad tkun egoist, tisfrutta l-proxxmu, tinjora lill-fqir.

Hemm min ikollu bżonn imur l-isptar u għax għandu l-assikurazzjoni jarawh mill-ewwel. Hija ħaġa tajba u nrodd ħajr lill-Mulej għal dan, ikkummenta Franġisku. Imma, għidli, ħsibt f’dawk li m’għandhomx din l-assikurazzjoni u meta jiġu l-isptar idumu jistennew sitta, sebgħa, tmien siegħat, anke għal xi ħaġa urġenti?

F’Ruma hawn nies li jgħixu f’din in-neċessità, widdeb il-Papa, u r-Randan iservi biex naħsbu fihom: x’nista’ nagħmel għat-tfal, għall-anzjani li m’għandhomx il-possibiltà li jmur jarahom tabib …. li forsi jistennew tmien siegħat, imbagħad isibu li jingħataw appuntament għall-ġimgħa ta’ wara? X’inti tagħmel għal dawn in-nies? Kif se jkun ir-Randan tiegħek?, staqsa l-Qdusija Tiegħu.

Issib min jgħid: ‘Għall-grazzja t’Alla għandi familja li tħares il-kmandamenti, m’għandniex problemi…’ Imma f’dan ir-Randan, f’qalbek hemm post għal dawk li ma jħarsux il-kmandamenti? Li żbaljaw u jinsabu l-ħabs?

Imma hemm min lil dawn jiskartahom, ilmenta Franġisku. Int barra, imma dak jinsab il-ħabs. Int m’intix hemmhekk għax il-Mulej tak l-għajnuna biex ma taqax. Għandhom post f’qalbek il-ħabsin? Titlob għalihom, biex il-Mulej jgħinhom jibdlu ħajjithom?

Kun magħna Mulej, temm jgħid il-Papa, fil-mixja tagħna f’dar-Randan, sabiex dak li nosservaw fid-dieher ikun jikkorrispondi mat-tiġdid profond tal-Ispirtu s-Santu. Hekk tlabna. Jalla l-Mulej itina din il-grazzja.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.