L-Arċisqof-elett imexxi pellegrinaġġ penitenzjali f’Tas-Sliema


Il-Ġimgħa 27 ta’ Frar 2015: L-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna mexxa pellegrinaġġ penitenzjali bix-xbieha tal-Ecce Homo, li telaq mill-knisja ta’ Stella Maris u ntemm fil-knisja ta’ St Patrick’s, Tas-Sliema. Matul dan il-pellegrinaġġ saret riflessjoni mill-Arċisqof u l-pellegrinaġġ intemm bil-Barka Sagramentali.

Il-Messaġġ tal-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna
Nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ kull wieħed u waħda minnkom li lqajtu l-istedina tiegħU għal dan il-pellegrinaġġ. Ippermettuli ngħid ‘Alla jbierek kemm hawn nies’, għal dan il-pellegrinaġġ fiċ-ċirkustanzi tal-lum, jiġifieri bejn karozza u oħra fit-toroq ta’ Tas-Sliema. Ta’ min nieħdu l-opportunità li nirriflettu fuq din il-ħaġa. Is-salib tal-Mulej ma jgħaddix mit-toroq kif nixtiequhom aħna, imma mit-toroq kif inhuma. Il-Mulej jgħaddi mit-toroq ta’ ħajjitna mhux neċessarjament kif jixtieqhom Hu, imma kif inhuma! U meta jgħaddi, jgħaddi bis-salib tiegħU li jġib il-fejqan.
“Din il-għuda li ġabitilna s-saħħa, ġabitilna s-salvazzjoni”, hekk inkantaw b’mod tant sabiħ fil-liturġija tal-Ġimgħa l-Kbira. Il-Latin tal-liturġija oriġinali, jagħmel logħba tal-kliem fuq il-kelma ligno għax din mhux biss għuda bil-Latin imma tfisser ukoll velenu. L-ewwel għuda tat lilna l-velenu imma l-għuda tas-salib il-velenu bellagħtu lix-xitan u lill-ħażen. Din il-mediċina għalina ġġib is-saħħa iżda għax-xitan iġib il-qerda, u għalhekk aħna rridu nintrabtu mas-salib għax fis-salib hemm għalina l-fidwa.
Riċentament, wara l-qtil kiefer ta’ wieħed u għoxrin Nisrani fuq ix-xatt tal-Libja, fuq l-internet kien hemm żewġ xbiehat li rrakuntaw u jagħtu interpretazzjoni lil dan il-fatt attwali. Evidentement kien hemm il-filmat tal-qtil tagħhom li kien intiż biex ibeżżagħna u għalhekk bil-biża’ jaħdem fuq il-qalb tagħna biex inbejtu l-mibegħda. Imma mbagħad kien hemm ikona tal-Knisja Kopta, li tirrapreżenta lil dawn il-21 raġel Nisrani li nqatlu għax huma Nsara, li qed jirċievu l-kuruna tal-martirju mill-Mulej. Dik kienet l-ikona orjentali, imma kien hemm ukoll pittura iżjed oċċidentali li aħna forsi nifmuha iżjed: Ġesù qiegħed iġorr is-salib, bħalma nimmaġinaw ir-Redentur, imma mhux liebes it-tunika ħamra imma t-tunika oranġjo bħalma kienu lebsin huma, u warajh isegwuh dawn il-martri akkumpanjati minn dawk il-persuni li kienu ser jaħqruhom. Din hija storja ta’ dan ix-xahar u mhux ta’ mitt sena ilu, jew elf sena ilu! Storja bħalma huwa l-martirju tal-bieraħ ta’ dawk l-Insara fis-Sirja li bdew jiġu maqtula wara li ġew sekwestrati, għax huma Nsara. Qatt ma konna naħsbu li fis-sena 2015, aħna l-Insara kellna ngħaddu mill-istess esperjenzi li għaddew minnhom l-Insara tal-ewwel sekli meta kienu jisimgħu bl-aħbar ta’ xi komunità Nisranija li ġiet ippersegwitata u li għaddiet minn martirju.
Aħna nafu li quddiem min irid joqtolna għax aħna Nsara, forsi minħabba l-biża’ u l-istint qawwi li ngħixu, nistgħu anke naħarbu jew niċħdu lil Ġesù. U Ġesù ma jikkundannanhiex. Anżi, naħseb huwa l-ewwel wieħed li jifhem. L-ewwel Knisja wkoll kellha d-dilemma x’jiġri mill-Insara li biex jaħarbu mill-persekuzzjoni jiċħdu lil Ġesù. Kienu jgħidulhom lapsi, imma lapsi mhux meta jitla’ l-Mulej, imma dawk li ċaħdu l-fidi. Il-Knisja kellha din id-dilemma: se nafdawhom? Wara li kien hemm il-paċi ta’ Kostantinu, nistgħu nerġgħu nilqugħuhom? Dawn ċaħdu ‘l Ġesù! Fl-ewwel sekli, l-Isqof ta’ Ruma, il-Papa, bl-awtorità tiegħu qal: hemm ċans ta’ rikonċiljazzjoni anke għal dawn ħutna. It-traġedja tal-martirju turina l-kejl tal-ħniena ta’ Alla kemm f’min ma jiċħadtx lil Ġesù, u wkoll fid-disgrazzja taċ-ċaħda.
Din is-sena hemm bżonn ngħixu r-Randan u ż-żmien qaddis tal-Ġimgħa Mqaddsa b’dan is-sens qawwi ta’ solidarjetà ma’ ħutna ppersegwitati. Imma rridu nitolbu l-Mulej il-grazzja li meta ninkwetaw għal ħutna, meta qalbna tkun sogħbiena u maqsuma għalihom u għal qrabathom, aħna ma niddakrux mill-velenu tal-mibegħda. ‘Mulej, eħlisna mill-velenu tal-mibegħda! Jekk qalbna tiġi maħkuma mill-velenu tal-mibegħda, la jkollha paċi u lanqas il-ħbiberija miegħek. Mulej, agħtina l-grazzja nifhmu l-kliem tiegħek fuq is-salib: “Aħfrilhom għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”’ (Lq 23, 34). Il-kelmiet li tenna l-ewwel martri San Stiefnu: “Mulej, tqisulhomx dan id-dnub” (Atti 7, 60).
Ejjew nitolbu biex il-biża’ ma jaħkimniex, għax il-biża’ iwelled il-mibegħda. Huwa istint uman. Ejjew naċċettaw din ir-regola, għaliex se tiġri fina kull darba li aħna nisimgħu jew inkella naraw xbiehat, iżjed u iżjed issa, tal-persekuzzjoni ta’ ħutna msallbin, maħruqin ħajjin, rashom maqtugħa…. Faċli bil-biża’ tingħeleb bil-mibegħda.
Aħna rridu nħarsu lejn Ġesù u nitolbuh ikun magħna, jidddefendina, u fl-istess ħin nitolbu wkoll għal dawn ħutna li kienu qed jgħixu l-ħajja tagħhom bħalna u tilfu kollox, sempliċement għax huma Nsara. Aħna nitolbuh lil Mulej biex jeħlisna minn dan l-inkwiet, imma ma naqtgħux qalbna minnu, mir-rieda tiegħu, u mill-ħarsien tiegħu. Nitolbu għalhekk illum għal ħutna, għall-familji tagħhom, nitolbu għall dawk kollha li huma ppersegwitati minħabba r-reliġjon tagħhom u nitolbu ‘l Mulej biex qatt ma nintrebħu bl-ispirtu tal-vendetta jew tat-tpattija.

✝ Charles Jude Scicluna
Isqof titulari ta’ San Leone
Arċisqof-elett ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.