L-ewwel messaġġ tal-Arċisqof-elett Charles J. Scicluna lill-Poplu Malti


L-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Charles J. Sciscluna, iben Emanuel u Maria Carmela née Falzon, twieled f’Toronto, il-Kanada, fil-15 ta’ Mejju 1959. Il-familja Scicluna waslet Malta fl-1960 u għal diversi snin kienet toqgħod Ħal Qormi sakemm marret toqgħod Ħal Lija fl-1976.

Mons. Scicluna irċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-Iskola Primarja San Sebastjan, Ħal Qormi, fl-Iskola Teknika San Ġużepp, Raħal Gdid u fil-Kulleġġ Saint Edward’s, Cottonera. Daħal għal kors tal-liġi fl-Università ta’ Malta fl-1976 u iggradwa avukat fl-1984. Wara l-formazzjoni meħtieġa fis-Seminarju Maġġuri u l-Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali mill-Fakultà tat-Teoloġija, Tal-Virtù, ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Ġużeppi Mercieca, fil-11 ta’ Lulju 1986. Fl-istess sena Mons. Scicluna ġie mibgħut jistudja id-Dritt Kanoniku ġewwa l-Pontificia Università Gregoriana, f’Ruma u kiseb id-Dottorat fid-Dritt Kanoniku bi speċjalizazzjoni fil-Ġurisprudenza fl-1991.

Wara l-istudji f’Ruma Mons. Scicluna ħadem fuq it-Tribunal Metropolitan ta’ Malta bhala Difensur taż-Żwieġ u kien ukoll lecturer fit-Teoloġija Pastorali u fid-Dritt Kanoniku fl-Università ta’ Malta. Wettaq ħidma pastorali fil-parroċċi ta’ Ħ’Attard, San Girgor, Tas-Sliema, u fl-Iklin, Lija. Kien Viċi-Rettur tas-Seminarju Maġġuri bejn l-1994 u l-1995. Fl-1995 ġie msejjaħ biex jaħdem fil-Vatikan fit-Tribunal Suprem tas-Senjatura Appostolika bħala Sostitut Promotur tal-Ġustizzja. Fl-1996 ġie nominat Postulatur fil-kawża tal-beatifikazzjoni u tal-kanonizzazjoni ta’ Dun Ġorġ Preca. F’Ottubru 2002 Mons. Scicluna inħatar Promotur tal-Ġustizzja fil-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi bil-mandat li jinvestiga u jkun prosekutur fil-każi l-iżjed gravi riservati għall-Kongregazzjoni.

Ivvjaġġa ħafna biex jagħti seminars dwar il-protezzjoni tal-minuri f’diversi komunitajiet lokali fl-Ewropa, fl-Asja, fl-Afrika, fl-Amerika u fl-Awstralja. Sakemm dam Ruma Mons. Scicluna kien jgħin bħala kappillan tas-Sorijiet ta’ Santa Briġida (Piazza Farenese) u bħala konfessur fil-Venerabbli Kulleġġ Ingliż. Huwa visiting lecturer fil-proċedura penali fil-Pontificia Università Gregoriana. Fis-6 ta’ Ottubru 2012, il-Papa Benedittu XVI innomina lil Mons. Scicluna bħala Isqof Awżiljarju ta’ Malta bit-titlu ta’ San Leone. Hu kien ikkonsagrat Isqof fl-24 ta’ Novembru 2012. Fit-28 ta’ Novembru 2012, tħabbret il-ħatra tiegħu bħala membru tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi fil-Vatikan.

Fit-18 ta’ Ottubru 2014, wara r-riżenja ta’ Mons. Pawlu Cremona O.P. minn Arċisqof ta’ Malta, il-Papa Franġisku innomina lil Mons. Scicluna bħala Amministratur Appostoliku sede vacante, bis-setgħa li jmexxi l-Arċidjocesi ta’ Malta sakemm l-Arċisqof il-ġdid ta’ Malta jieħu l-pussess kanoniku tal-Arċidjoċesi. Fil-21 ta’ Jannar 2015, il-Papa Franġisku innomina lil Mons. Scicluna bħala President ta’ Kulleġġ Speċjali fi ħdan il-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, biex jiddeċiedi l-appelli fil-proċessi dwar offiżi serji stabbiliti fil-Motu Proprio Sacramentorum Sanctitatis Tutela.

Il-Ġimgħa, 27 ta’ Frar 2015, in-Nuzju Appostoliku għall-Malta, Monsinjur Aldo Cavalli ħabbar li l-Papa Franġisku ħatar lill-Isqof Charles J Scicluna bħala Arċisqof ta’ Malta.

[Mis-sit tal-Arċidjoċesi ta’ Malta]

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.