L-ewwel żjara pastorali tal-Arċisqof-elett fid-Dar tal-Providenza


Il-Ħadd l-1 ta’ Marzu 2015: L-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna għamel l-ewwel żjara pastorali tiegħu fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi, fejn iċċelebra Quddiesa u ltaqa’ mar-residenti personalment. Huwa kellu wkoll l-opportunità li jitlob fuq il-qabar ta’ Mons. Mikiel Azzopardi, il-fundatur tad-Dar tal-Providenza.


L-Omelija tal-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna
Dan il-post qaddis, kif qal Fr Martin Micallef, huwa qaddis għad-Djoċesi ta’ Malta imma anke għas-soċjetà Maltija għax f’dan il-post aħna naraw il-misteru tat-trasfigurazzjoni jseħħ kuljum.
Qrajna s-silta mill-Vanġelu ta’ San Mark (Mk 9, 2-10) li tirrakkonta din l-esperjenza sabiħa ta’ Ġesù li jitla’ fuq muntanja għolja, jieħu miegħu lil Pietru, lil Ġakbu u lil Ġwanni u jitbiddel quddiemhom, “isir l-ilbies tiegħu ta’ bjuda li tgħammex, b’dija tal-għaġeb”. San Mark jagħtina dan id-dettall: “ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk”. Irid jgħidilna: din il-bidla mhijiex xi ħaġa li jagħmluha l-bnedmin, tmur lil hemm mill-kapaċità tagħna l-bnedmin.
F’din is-sena ġubilarja ta’ din id-Dar qaddisa, jiena llum irrid nagħmel din ir-riflessjoni. Id-diżabilità tista’ taraha bħala limitu, tista’ taraha wkoll bħala xi ħaġa li ma jistax ikollha s-sbuħija tagħha, xi ħaġa li tbegħdek, xi ħaġa li tinkwetak. F’din id-Dar, bl-ispirazzjoni tal-fundatur Dun Mikiel Azzopardi, bil-ġenerożità ta’ ġenerazzjonijiet ta’ Maltin u Għawdxin, id-diżabilità ġiet trasfigurata u mibdula. Imma l-ebda ħassiel ta’ din id-dinja ma jista’ jneħħi d-diżabilità. Hawnhekk id-diżabilità ma naħbuhiex, imma bil-karità, bl-għajnuna, bil-paċenzja, bl-imħabba, sitwazzjonjiet diffiċli jiġu trasfigurati u mibdula. Dawn jiġu mibdula b’xhieda tad-dinjità tal-bniedem li ma tistrieħx fuq l-intelliġenza tiegħu jew il-kapaċità li juża s-sensi kollha tiegħu, u lanqas ma tiċċaħħad minħabba l-limiti tiegħu. Id-dinjità tal-bniedem ma jġibha l-ebda ħassiel ta’ din id-dinja imma hija don ta’ Alla li ħalaqna lkoll uliedu.
Din id-Dar hija dar il-wens, dar il-kenn. Bl-isforzi ta’ tant Maltin u Għawdxin, din id-Dar hija trasfigurata, hija mibdula kuljum f’art San Pawl, b’att ta’ karità. San Tumas t’Akwinu jgħid li l-qawwa fit-trasfigurazzjoni hija l-imħabba ta’ Ġesù, il-qalb ta’ Ġesù. Anke San Ġorġ Preca meta jimmedita din ix-xena straordinarja jgħid: inti u tara ‘l Ġesù trasfigurat u mibdul, fis-sbuħija tiegħu, ftakar li qed tilmaħ is-sbuħija tal-imħabba tiegħu. U aħna hekk nixtiequ, meta nkunu f’din id-Dar, li nagħrfu li deħlin fid-dar fejn dak li hu mistkerrah għad-dinja, jiġi ttrasfigurat f’innu ta’ mħabba u ta’ karità.
Il-Mulej kellu jgħaddi minn mument meta min ħares lejh m’għarfux, meta tgħabba bil-mard tagħna, tgħabba bid-dnubiet tagħna. Dak kien il-mument tal-Ġimgħa l-Kbira. Dan il-Vanġelu tat-trasfigurazzjoni jneħħi n-niggieża mill-għolja tal-Golgota. Meta nħarsu lejn Ġesù mimli ġrieħi fil-Ġimgħa l-Kbira, meta nħarsu lejh u kważi ma nistgħux ngħarfuh, kif tgħid il-profezija ta’ Isaija, niftakru fis-sbuħija tiegħu, frott l-imħabba tiegħu, frott il-karità tal-poplu tiegħu.
Ejjew nitolbu biex kull min jidħol hawn u jara l-Golgota, ma jinsa qatt il-glorja tat-Tabor.
✝ Charles Jude Scicluna
Isqof titulari ta’ San Leone
Arċisqof-elett ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.