Żjara ta’ korteżija mill-Arċisqof-elett lill-Prim Ministru


Il-Ġimgħa 6 ta’ Marzu 2015: L-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna għamel żjara ta’ korteżija lill-Onor. Prim Ministru Dr Joseph Muscat, fil-Berġa ta’ Kastilja, u lill-President tal-Kamra tar-Rappreżentanti, l-Onor. Dr Anġlu Farrugia, fil-Palazz tal-President, il-Belt Valletta.

Messaġġ tal-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna lill-Onor. Prim Ministru Dr Joseph Muscat
Nirringrazzjak Onor. Prim Ministru ta’ din il-laqgħa kordjali tiegħek u tal-kliem tiegħek. Ir-risposta għal dak li għedt hija fuq tlett punti. L-ewwelnett, l-awtonomija bejn il-Knisja u l-Istat li nħoss hija valur importanti fl-epoka li qegħdin ngħixu fiha. Awtonomija li tfisser ukoll rispett reċiproku, kif għedt int, fid-distinzjoni tar-rwoli. Imma ħaġa li tpoġġina fuq l-istess staffa hija li qegħdin ngħaqdu lill-istess poplu, li qegħdin naħdmu għall-ġid komuni.

It-tieni punt, kif għedt inti wkoll Onor. Prim Ministru, il-ħtieġa tad-djalogu mhux biss rispettuż, imma anke onest u leali. L-opinjonijiet huma opinjonijiet, il-prinċipji li naħdmu għall-ġid komuni nħoss li se jkun jirfed mill-postazzjonijiet reċiproċi.

Imbgħad servizz u kollaborazzjoni. Inħoss li l-Knisja għandha din il-vokazzjoni li tagħti lil- bniedem – għax il-Mulej wara kollox fl-aħħar taż-żmien se jgħidli inti ‘kont bil-ġuħ u tmajtni, kont bil-għatx u sqejtni’ – u allura l-kriterju tal-kollaborazzjoni mal-Gvern u mal-Istat favur il-fqir, biex neliminaw il-faqar. U nħoss ukoll il-vokazzjoni profetika, ġdida, li għall-ġenerazzjonijiet futuri nissalvagwardjaw, inħarsu l-ambjent naturali. Inħoss li din hija kelma ta’ profezija li l-Knisja ma tistax taħrab minnha u li għandha l-vokazzjoni wkoll illi tikkolabora mal-Istat fuq livell ta’ formazzjoni imma anke implimentazzjoni.

Imbgħad hemm l-ambjent uman. Il-kelma li għandha l-Knisja hija dejjem, almenu din hija l-konvinzjoni li toħroġ mill-qalb tal-Evanġelju, favur id-dinjità tal-bniedem. U aħna nifirħu meta il-Gvern bl-inizjattivi tiegħu, anke miftuħa, jikkolabora magħna għal dan il-għan.

Nirringrazzjawk, u nagħlaq, lill-Istat Malti tal-garanzija sabiħa tal-libertà reliġjuża li joffri, għaliex il-prinċipju tal-libertà reliġjuża li l-Gvern u l-Istat joffri lil kull denominazzjoni reliġjuża hija garanzija għalina lkoll. Grazzi ħafna.

✝ Charles Jude Scicluna
Isqof titulari ta’ San Leone
Arċisqof-elett ta’ Malta

Messaġġ tal-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna lill-Onor. Anġlu Farrugia, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti
Onor. Speaker,

L-ewwelnett nirringrazzjak ħafna ta’ din il-laqgħa kordjali, u nsellem permezz tiegħek ukoll lill-membri kollha tal-Parlament. Illum mhux qed niltaqgħu biss bhala kollegi fil-formazzjoni tal-Korp tal-pulizija iktar minn għoxrin sena ilu, iżda anke bħala Arċisqof ta’ din id-Djoċesi daqshekk għażiża – komunità ta’ fidi li fil-pajjiż għandha għeruq profondi u għandha wkoll patrimonju ta’ kultura, mhux biss ta’ arti u letteratura u tant affarijiet oħra li jispiraw l-arti imma wkoll il-qalb Maltija. Konxju mir-responsabbiltà li jiena nirrapreżenta komunità ta’ fidi mportanti f’dan il-pajjiż, insellem ukoll lill-Membri Parlamentari, li fil-maġġoranza tagħhom iħaddnu l-fidi Kattolika, imma li fl-istess ħin iridu jilleġiżlaw għal soċjetà pluralista, allura jridu jħarsu lejn il-Kosituzzjoni tar-Repubblika bħala il-garanti tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, tad-dinjità ta’ kull ċittadin.

Jiena nixtieq insellem lill-Parlament kollu fil-persuna tiegħek Sur Speaker, bħala President tal-Kamra, u fl-istess ħin nawgura li kull sforz tal-leġiżlaturi tagħna li huma eletti mill-poplu ikun dejjem, u jiena persważ li hemm dan l-isforz, għall-ġid komuni. Ippermettili nfakkar biss fit-teorija ta’ San Tumas t’Akwinu li jgħid li l-liġi hija biss ġudizzju skont ir-raġuni magħmul minn min għandu l-awtorità, għall-ġid komuni. U allura jiena nawgura u nitlob, għax persważ li dan huwa ta’ ġid għall-kulħadd, li l-liġijiet ta’ Malta jkunu espressjoni ta’ ġudizzju raġonevoli magħmul skont il-ġid tal-pajjiż, skont ir-Repubblika u minn min għandu l-poter.

Nawgura wkoll għall-ħidma tagħkom, għal din il-migrazzjoni għall-binja l-ġdida li l-poplu qed jistenna, li huwa wkoll bidu ġdid. Nifhem li l-Episkopat tiegħi se jibda meta l-Parlament se jkollu dar ġdida. Nawguralkom. Grazzi ħafna.

✝ Charles Jude Scicluna
Isqof titulari ta’ San Leone
Arċisqof-elett ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.