L-Arċisqof-elett imexxi pellegrinaġġ penitenzjali fl-Isla


Il-Ġimgħa 13 ta’ Marzu 2015: L-Arċiqof-elett Mons. Charles J. Scicluna mexxa pellegrinaġġ penitenzjali bl-istatwa ta’ Kristu Redentur, fl-Isla.

L-Omelija tal-Arċisqof-elett Mons. Charles J. Scicluna
Knisja Parrokkjali tal-Isla
Fil-Vanġelu li għadna kemm smajna, il-Mulej Ġesù jikkonferma r-risposta tal-Għaref tal-Liġi li jiġbor il-liġi kollha f’kelma waħda: l-imħabba! L-imħabba lejn Alla u l-imħabba lejn il-proxxmu. Jekk jiena ma nħobbx lil ħija li narah, kif nista’ nħobb lil Alla li ma narahx?

U jekk irridu nifhmu x’inhi l-imħabba vera, inħarsu lejn ix-xbieha għażiża tar-Redentur. Il-ħarsa tiegħu sa minn meta ġiet f’din il-parroċċa għażiża, tinfed il-qlub ta’ kull wieħed u waħda minna. Tistedinna biex nersqu lejn il-qalb ħanina tal-Mulej li huwa kollu mħabba u mogħdrija għalina.

Dik il-ħarsa tistedinna wkoll biex naraw il-wiċċ tiegħu f’kull proxxmu li niltaqgħu miegħu. Il-Mulej jistedinna biex fil-qalb tagħna jidħol hu u jkollu l-ewwel post. Ejjew nitolbuh din l-grazzja llum: “Mulej, agħtini l-grazzja li fil-qalb tiegħi inti tkun is-Sultan, għax meta inti ssaltan fil-qalb tiegħi, il-ħarsa tiegħi tkun tiegħek, u hekk nara lill-proxxmu, lil ħuti, anke lill-għadu tiegħi, bl-istess mod kif tarah inti. Agħtini l-grazzja Mulej, li nħenn għall proxxmu tiegħi u li naħfer bil-qalb”.
Illum għandi l-pjaċir inħabbrilkom, u għalija huwa ta’ privileġġ li hawnhekk, f’riġlejn ir-Redentur, qed inħabbar din il-ħaġa li ddeċida l-Papa illum: il-Ġublew straordinarju tal-Ħniena li se jiftaħ fit-8 ta’ Diċembru 2015 u jibqa’ sejjer sal-20 ta’ Novembru 2016. Il-Papa qed jistedinna biex nafdaw biss fil-Ħniena ta’ Alla, biex niftakru li għalkemm jidher għalina faċli niġġudikaw lil ħaddieħor, huwa iżjed importanti li fil-ħajja tagħna niftħu qalbna għall-ħniena tal-Mulej.
Jiena kelli l-opportunità, fil-bidu ta’ dan ir-Randan Imqaddes, nistieden lill-Knisja f’Malta biex taħseb ftit fuq il-maħfra. Il-Mulej għallimna din it-talba: ”aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.” Illum li tant minna, għall-grazzja t’Alla, irċevew is-Sagrament tal-Qrar, waqt li qegħdin nagħmlu hekk u nirringrazzjaw ’l Mulej tal-ħniena li wera magħna, qegħdin nimpenjaw ruħna biex inħennu għal xulxin. Il-Mulej jaħfrilna, ejjew naħfru lil xulxin. Il-Mulej iħobbna, ejjew inħobbu lill- proxxmu tagħna.
Ħmistax oħra niċċelebraw id-Duluri Mqaddsa ta’ Sidtna Marija. F’din il-knisja ddedikata lit-twelid ta’ Marija Bambina, ejjew nitolbuha lil Omm Ġesu, lil Omm ir-Redentur, biex hi tgħallimna kliem ta’ paċi, tgħallimna kliem ta’ maħfra, u tgħallimna kliem ta’ mħabba.

✝ Charles Jude Scicluna
Arċisqof-elett ta’ Malta
Ritratti: Newsbook.com.mt

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.