L-Ingress Solenni tal-Arċisqof Charles J. Scicluna


Is-Sibt 21 ta’ Marzu 2015: OMELIJA TA’ MONSINJUR ARĊISQOF

‘TĦOBBNI INT?’
Il-kelmiet ta’ Ġesù lil Pietru jgħoddu għal kull wieħed u waħda minnha.
Ilum, b’mod speċjali, Ġesù jgħidhom lili, magħżul biex inkun ir-Ragħaj tagħkom.
Id-domanda ta’ Ġesù tfakkarni fid-dgħufija tiegħi u fil-Ħniena tiegħu.

Tfakkarni li l-qofol ta’ kull ministeru pastorali huwa l-imħabba: l-imħabba lejn Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, li ħabbna qabel ħabbejnieh aħna, kif ukoll l-imħabba lejn kull membru tal-merħla tiegħu.

Iva Mulej, inti taf li nħobbok. Inti tafni. Inti taf dnubieti u l-waqgħat tiegħi. Inti taf lil qalbi, lil ruħi. Inti taf il-ġewwieni tiegħi. Inti taf li mingħajrek ma jien xejn u ma nista’ nagħmel xejn. Inti taf. U għaliex taf u minkejja dak li taf, inti tafdani u qiegħed tafdali l-merħla għażiża tiegħek f’din il-gżira, il-merħla li inti fdejt bid-demm għażiż tiegħek.

Irgħa l-ħrief u n-nagħaġ tiegħi.
Li tirgħa tfisser li tieħu ħsieb, li tindokra, li titma, li tmantni, li twennes, li tiggwida. Dan kollu jmiss lili illum bħala dover u sejħa. Dan kollu irrid nagħmlu bil-kelma li tqanqal u fuq kollox b’eżempju li jkaxkar. Dan kollu rrid nagħmlu bl-imħabba u bl-ispirtu ta’ ħlewwa ma’ kull membru tal-merħla u, meta meħtieg, bil-bastun quddiem il-lupu. Mulej, jiena naf, imma nitolbok tfakkarni dejjem, li l-ħrief u n-nagħaġ mhumiex tiegħi iżda huma tiegħek. Inti qiegħed tafdahomli u jiena rrid nagħti kont tagħhom lilek. Kun miegħi dejjem biex fija jaraw lilek, biex ma nkunx għalihom ta’ tfixkil, iżda nkun għalihom ta’ għajnuna, ta’ kenn, ta’ wens u ta’ ġieh.

Grazzi.
Nirringrazzjak talli f’dan il-ministeru Episkopali li afdajtli permezz tal-maħbub Papa Franġisku, inti ma ħallejtnix waħdi, iżda qiegħed tagħtini għajnuna xierqa u qawwija. Grazzi ta’ ħija l-Isqof Mario, Ragħaj tad-Djoċesi maħbuba u għażiża ta’ Għawdex, li inti tajtuli bħala ħija l-kbir. Grazzi tal-għajnuna li ser ikolli mingħand Pawlu, l-għażiż Arċisqof Emeritu. U Pawlu nirringrazzjak tax-xhieda sabiħa tal-imħabba li tajtna u li tagħtina. Grazzi tassaċerdoti djoċesani u reliġjużi. Grazzi tal-irġiel u n-nisa fil-ħajja ikkonsagrata. Grazzi talkatekisti, b’mod speċjali dawk li huma ulied San Ġorġ Preca. Grazzi tal-lajċi li jbierku u jqaddsu tant oqsma fil-ħajja soċjali. Dan il-poplu twajjeb għandu ħafna rġiel u nisa lajċi li kuljum jagħmlu d-dover tagħhom, jgħożżu l-familja tagħhom u jitolbu l-għinuna tal-Mulej firrisq it-tajjeb u l-ħażin.

Grazzi Mulej tal-istedina li qed tagħmel illum lil kull wieħed u waħda minna: Ejja warajja.
Aħna, il-familja tal-Knisja f’Malta, nixtiequ ħerqana nimxu flimkien warajk, Ġesù. Il-mixja tagħna tkun mixja flimkien, mixja sinodali. Il-mixja tagħna tkun mixja lejk, inti l-Mulej u s-Sid tal-istorja, fidil u veru, li qatt ma tqarraq bina, u li tgħidilna l-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
Lilek Ġesù, il-glorja, il-ġieħ, u l-qawwa għal dejjem ta’ dejjem. Ammen

Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta