L-Arċisqof jmexxi l-pellegrinaġġ tradizzjonali ta’ San Girgor


L-Erbgħa 8 ta’ April 2015: L-Arċisqof Charles J. Scicluna mexxa pellegrinaġġ tradizzjonali ta’ San Girgor fiż-Żejtun. Il-Pellegrinaġġ telaq mill-Kappella ta’ San Klement u wara waqfa fil-knisja Parrokkjali, il-pellegrinaġġ kompla għall-Knisja ta’ San Girgor. Hemmhekk Monsinjur Arċisqof iċċelebra Quddiesa.

L-Omelija tal-Arċisqof fil-Quddiesa tal-Pellegrinaġġ ta’ San Girgor
Iż-Żejtun
Matul din il-ġimgħa, li l-Knisja tqisha bħala jum wieħed, il-jum tal-Għid, nisimgħu r-rakkonti tal-laqgħat li Ġesù kellu wara l-irxoxt fejn deher lil diversi dixxipli.

Illum imiss ir-rakkont tal-laqgħa li saret propju fil-jum ta’ Ħadd il-Għid filgħaxija, ma’ żewġ dixxipli li għalkemm semgħu l-aħbar li rxoxta, kellhom diffikultà li jemmnuha. Huma jgħidulu: “…u issa ġew xi ftit nisa jgħidulna li qam mill-imwiet, marru xi wħud minn tagħna u l-qabar sabuh vojt” (ara Lq 24,22, 24).

Dawn id-dixxipli, qabel telqu minn Ġerusalem, kienet diġà ingħatatilhom l-aħbar li Ġesù rxoxta, imma għal xi raġuni, ma emmnuhiex. Iddeċidew jaqbdu l-vjaġġ lejn Għemmaws fejn kienu jgħixu. Ġesù jieħu ħsiebhom billi jissieħeb magħhom fit-triq u jibda jispjegalhom l-Iskrittura. Waqt li qed jispjegalhom l-Iskrittura, qalbhom tibda titħeġġeġ. Wara, b’nostalġija jgħidu: “u ma kinitx titħeġġeġ qalbna aħna u nisimgħuh, aħna u nisimgħuh jispjegalna l-Iskrittura?” (ara Lq 24,32). Hu jċanfarhom bil-ħlewwa: “kemm intom boloh u ta’ qalb iebsa li ma tifhmux li permezz tat-tbatija l-Mulej kellu jasal fil-glorja tiegħu?” (Lq 24,26). Imbagħad jaqsam magħhom il-ħobż u jagħrfuh fil-qsim tal-ħobż. Ta’ min niftakru li l-ewwel Insara kienu jirreferu għall-quddiesa, għall-Ewkaristija, b’dan l-isem: il-qsim tal-ħobż. Kien l-ewwel isem li jingħata lil dak li se nagħmlu u li qegħdin nagħmlu issa. Il-Mulej jaqsam magħhom il-kelma u jaqsam magħhom il-ħobż. Hekk nagħmlu f’kull quddiesa.

Illum, jiena u nisma’ r-rakkont, ġewni fi ħsiebi l-eluf ta’ Maltin li m’għadhomx jiffrekwentaw il-quddiesa tal-Ħadd b’mod regolari. Mhumiex ftit, kif intom tafu. Kull min forsi għandu ż-żgħażagħ id-dar, jew il-ħaddiema tax-xogħol, jafu kemm hu diffiċli li tipperswadihom li jmorru l-quddiesa nhar ta’ Ħadd. X’għandna nagħmlu? Jekk titolbuni riċetta ngħidilkom li għadni ma sibthiex. Meta nsibha ngħidilkom.

L-ewwelnett, irridu nlaqqgħu lil xulxin mal-kelma t’Alla bħalma għamel Ġesù mad-dixxipli li semgħu l-aħbar u qalu: “immorru nitilqgħu ‘l hemm għax hawnhekk ġej l-inkwiet, beda t-taħwid” (ara Ġw 6,40). Imma mbagħad ukoll ma nitbegħdux minn dawn ħutna, anzi rridu nersqu lejhom. Inħoss li l-Mulej Ġesù qed jistedinni nissieħeb fit-triq ma’ dawn ħutna li iddeċidew li jgħidu: m’għandhiex ħin x’naħli! Ejjew nitolbu biex kull min jiltaqa’ magħna iħoss li qalbu qegħda titħeġġeġ bl-imħabba għall-Mulej.

Aħna, illum għamilna rit li ilu jsir mijiet ta’ snin, biex nirringrazzjaw lill-Mulej talli ħeles lil Malta mill-pjaga tal pesta u tat-terremot. Aħna għandna bżonn nibqgħu nitolbuh ‘l Mulej. Bil-progress tagħna dawn l-affarijiet ma nistgħux nikkontrollawhom. Ejjew b’umiltà kbira ngħidulu: aħna nagħmlu l-parti tagħna, Mulej, imma int kompli ħarisna.

✝ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

w

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.