Minn fuq il-couch tad-dialysis  

Print Friendly, PDF & Email

Minn Patri Mario Attard OFM Cap

Kull ħamest ijiem ikolli x-xorti li nqarbinhom. Nidħol ħdejhom. Insellmilhom. Min jitbissimli. Min le. Nifhmu. Nifimha. Ikunu għajjenin. Għax anki biex titbissem trid l-enerġija. Min ikun rieqed għax l-għejja tal-proċess tkun kbira. Min jiekol għaliex, u ġustament, ikun bil-ġuħ. Min iħares fil-bogħod. Nifhmu wkoll. Ikun mitluf f’baħar ta’ ħsibijiet. Dawn huma l-pazzjenti għeżież tagħna tar-Renal Unit.

Kull pazzjent ifisser storja. Minsuġa bis-sabiħ u bl-ikraħ tagħha. Maqugħda bit-tamiet u l-qtiegħ il-qalb. Marbuta bil-ferħ u bin-niket. Issikkata bil-pożittiv u n-negattiv tagħha. Biss, i-pazzjenti, ilkoll kemm huma, għandhom l-istess tama. It-tama li taf tkun it-tieni ċans li jgħixu mill-ġdid. Jiġifieri, li ġurnata, titfaċċa dik il-kilwa. Id-deheb tad-deheb. Il-ġawhra tal-ġawhar. Għaliex biha tingħatalhom il-ħajja mill-ġdid. Nifs ġdid wara l-ieħor jimla’ l-pulmuni tagħhom.

Ma jimpurtax minfejn din il-kilwa se tiġi. Tiġi minfejn tiġi. Tiġi minfejn trid. Sew jekk hija waħda minn ta żgħażugħ. Inkella tal-imdaħħal fiż-żmien. Sew tal-fqir inkella tas-sinjur. L-importanti li tiġi. Li titwaħħal f’postha. Li tieħu post il-marida. Ħa jgħixu. Ħa jaħdmu. Ħa jdawdu. Ħa jissuktaw iva jikkontribwixxu għall-ġid ta’ art twelidna.

L-istejjer tal-pazzjenti huma diversi. Ilkoll għandhom linja dehebija. Il-linja tal-erojiżmu! Għax trid tkun eroj biex, wara ħames siegħat fuq magna, xorta waħda tibqa’ taqdi lill-oħrajn! Tibqa’ tara l-pożittiv fil-ħajja. Tibqa’ toħlom. Tibqa’ tittama. Trid tkun eroj kbir biex tibqa’ taħseb f’dawk ta’ madwarek. Dawk li jiddependu minnek. Għax int ommhom. Missierhom. Nannuhom. Nanniethom. Jew, saħasitra, li int binthom u binhom stess! Trid tkun eroj biex tibqa’ tgħix fil-paċi!

Imbagħad joħroġ l-akbar erojiżmu. Meta l-persuna, minflok ma tisħet xortiha jew lill-Mulej, li tant iħobbha, tarma toffendieħ u theżżeż snienha kontrieħ, b’tant umiltà tibda’ tfittxu. Iddur lejh. Titolbu bil-ħerqa. Tilmaħ wiċċu f’kulħadd! Tħoss it-tgħanniqa tiegħu f’dawk stess li jieħdu tant ħsiebha. Għax jaqduha. Jisimgħuha. Ifarrġuha. Anki jekk ma jgħidulha xejn. Imma jgħidulha ħafna. Għax baqgħu hemm magħha fuq il-Għolja tal-Kalvarju. Oh kemm paċi jkun hemm maġenb dak il-couch li fih ikun qiegħed jilqa’ l-ġisem tal-pazzjent li jittama fil-Mulej! Anki waqt il-mument aħrax tal-prova tal-ħajja. Il-prova li l-pazzjenti tad-dialysis huma ferm midħla tagħha.

Emmnuni ħbieb, imma dawn il-pazzjenti huma għalliema kbar għalija stess! Jgħinu lili ngħix il-prova tal-kundizzjoni tal-mudullun tiegħi! Meta nkun maġenbhom minnhom toħroġ iż-żiffa ħelwa tas-Salm 23: “Mqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek, huma jwennsuni” (Salm 23:4). Mela, minn fuq il-couch tad-dialysis tiegħek nistiednek titlob hekk:

Mulej, żomm idejk mimlija mħabba fuqi u fuq il-familja tiegħi f’dawn iż-żminijiet iebsa. Niżżik ħajr tal-ħniena u l-imħabba li tfajt f’qalbi. Niżżik ħajr li qed tgħini nifhem li ħajti f’idejk. Saħħani Mulej. Nitolbok li l-pazzjenti l-oħra bħali, flimkien mal-familji tagħhom, jifhmu li int qiegħed tmexxi lil ħajjithom. Għinhom jitolbuk l-għajnuna. Mulej bierek lili u lill-familja tiegħi. Niżżik ħajr Mulej! Amen!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading