Il-Professjoni Solenni ta’ Sr Lilian Borg u l-25 Sena mill-Professjoni ta’ Sr Christine Borg fil-Festa tal-Ħniena Divina


It-12 t’April 2015: L-Arċisqof Charles J. Scicluna iċċelebra quddiesa għall-Professjoni Solenni ta’ Sr Lilian Borg u l-25 Sena mill-Professjoni ta’ Sr Christine Borg fil-Festa tal-Ħniena Divina, fil-Monasteru ta’ Sant’Ursola l-Belt Valletta.

L-Omelija tal-Arċisqof
Monasteru ta’ Sant’ Ursola, Valletta

Sr Lilian, ippermettili nindirizzalek ħsieb qasir mibni fuq frażi ċkjejkna mill-Vanġelu (Ġw 20,19-31) li għadna kemm smajna.

Il-Mulej Ġesù lil Tumas jgħidlu: “Ressaq idejk u poġġiha fuq ġenbi”. U din hija l-istedina li qed jagħmel il-Mulej lilek ukoll. L-id tiegħek hi l-id li tak Alla fil-misteru tal-ħolqien u t-twelid tiegħek mill-ġenituri għeżież tiegħek. L-id tiegħek kibret bin-nutriment li ħadt, u tgħallmet ukoll tikteb u tagħmel tant ħwejjeġ ta’ ġid. Il-Mulej qed jistiednek biex dik l-id li ħalaqlek tpoġġiha fuq is-sider tiegħu, fuq il-kustat minfud tiegħu, dak li huwa bieb għall-qalb ta’ Ġesù.

Il-Mulej qed jistiednek biex din il-ħajja, inti tiddedikaha qrib tiegħu, inti u tirrappreżenta f’isimna l-imħabba tal-għarusa għall-Għarus. U l-Mulej, l-għarusa jixtieqha qrib il-qalb tiegħu, il-qalb minfuda, il-qalb li kontinwament tnixxi demm u ilma, l-għejjun tal-ħniena tiegħu. Ibqa’ ftakar li inti qed tagħti l-‘iva’ definittiva tiegħek fil-Ħadd Imqaddes tal-Ħniena Divina, dik il-ħniena li hija l-bażi tas-sejħa tiegħek, għax il-Mulej ma ġiex isejjah lill-ġusti imma lill-midinbin għall-indiema. Mela l-ħniena hija l-bidu, l-oriġini, l-għajn tas-sejħa tiegħek. Imma trid tkun ukoll l-istil ta’ kif tgħix il-vokazzjoni tiegħek, li hija vokazzjoni li ssejjaħ fuq id-dinja l-ħniena tal-Mulej, mhux fuq Malta biss, imma fuq id-dinja. Agħmel li jum wara l-ieħor, ħajtek tgħixha b’widnejk qrib is-sider ta’ Ġesù, tisma’ t-taħbita tal-qalb umana tiegħu li hija rigal lill-umanità fil-misteru tal-Iben t’Alla magħmul bniedem, fil-misteru tal-Inkarnazzjoni. U isma’ wkoll it-tagħlima li jagħti mill-qalb tiegħu, “tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli”. Il-ħlewwa tfisser ukoll il-maħfra ta’ min jagħmillek id-deni jew jixtiequlek u l-umiltà li mhuwiex tkasbir tiegħek innifsek imma l-verità fuqek innifsek, il-verità li aħna ħolqien t’Alla, li aħna midjunin mal-ħniena tiegħu, li aħna m’aħniex aqwa minn ħaddieħor.

Nistiednek tpoġġi jdejk fuq is-sider imqaddes tiegħu, fuq il-kustat tiegħu, u ma’ Tumas u mal-Knisja għid: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”. Inti li tirrapreżenta l-għerusija tal-Knisja kompli għidlu lil Ġesù: “Mulej tiegħi, Alla tiegħi” għaliex dawk il-kelmiet inti, Sister Lilian, f’isimna qiegħed tfakkru li minkejja d-dgħufija tagħna, aħna għadna nixtiequ li jkun il-Mulej u Alla tagħna. Inti u tgħidlu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”, qed tingħaqad mat-talba ta’ San Ġorġ Preca: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok, għandi bżonnok”. Jalla l-Mulej ma jkunx biss l-għarus tiegħek imma jkun id-dawl tiegħek fid-dlam, l-hena tiegħek fit-tiġrib, il-paċi tiegħek f’kull jum ta’ ħajtek.

Tinsiex li inti ġġor salib bi tmien ponot u l-ponot iniggżu, imma huma wkoll t-triq tal-ħajja. Is-salib bi tmien ponot li tant huwa għażiż għalina, li mad-dinja kollha huwa magħruf bħala s-salib ta’ Malta. Aħna kburin b’dan il-patrimonju imma hemm bżonn nirriflettu fuq is-sinjifikat tiegħu u r-responsabiltà li jġib miegħu dak is-salib tat-tmien ponot li inti tilbes b’sens ta’ gratitudni, li għandu jfakkrek fil-missjoni ta’ fejqan, fil-missjoni ta’ ħarsien, fil-missjoni li aħna ngħixu t-tmien beatitudnijiet, dawn it-tmien ponot li jaqtgħu fil-laħam il-ħaj, dawk li għandhom l-għatx għall-ġustizzja, il-foqra, dawk li jġibu l-paċi, dawk li huma ppersegwitati. Huma beatitudnijiet kontinwament attwali u inti se tinterċedi għad-dinja u għalina l-Insara li qegħdin fid-dinja biex aħna ma nibżgħux minn dawk it-tmien ponot tas-salib imma fl-istess ħin ngħixu l-programm li Ġesù tana fil-beatitudnijiet.

Illum nitolbu ħafna għalik, nitolbu wkoll għal oħtok li qed tiċċelebra l-25 sena mill-professjoni reliġjuża u nirringrazzjaw lill-Mulej ukoll tad-don tal-fedeltà li għalikom tfisser l-istabilità tal-komunità, tal-klawsura, tat-talb kontinwu. Fedeltà li mhix imbegħda mid-dinja, anzi, intom kontinwament qegħdin fil-qalb tad-dinja titolbu għaliha, u aħna nitolbukom titolbu għalina għax għandna bżonn.

Intom għandkom bżonn il-vokazzjonjiet, aħna nwegħdukom it-talb tagħna għal vokazzjonijiet għall-monasteru tagħom, vokazzjonijiet ferħana, vokazzjonijiet b’saħħithom, vokazzjonijiet ġenerużi. Imma tifhmu li l-vokazzjonijiet jiġu mill-fedeltà u mix-xhieda tagħkom, b’mod speċjali mil-kapaċità li tieħdu paċenzja b’xulxin. San Ġorġ Preca, meta mar għandu t-tabib Spiteri u talbu parir qabel jiżżewweġ, qallu: “fuq il-blata ta’ kull bieb tad-dar ikteb paċenzja, paċenzja, paċenzja”. Intom iktbuha għal tmien darbiet għax it-tabib jagħlaq il-bieb tad-dar u jmur jara xi erba’ pazjenti. Dan huwa l-martirju tagħkom, il-martirju tal-imħabba. Din hija l-offerta tagħkom, din hija t-talba kontinwa tagħkom, il-karità ta’ min m’għandux, għażel li ma jkollux għażla oħra ħlief li jħobb. L-imħabba tagħkom hija mħabba ta’ min għażel li ma jkollux għażla oħra ħlief li jħobb.

Nirringrazzjakom f’isem il-Knisja u nberikkhom.

✝ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.