Nixtieq nistaqsi liema ktieb gie klassificat mill knisja Kattolika bhala dewterokanonici? Grazzi hafna. (Rosemarie Magru, 17 ta’ April 2015)
TWEĠIBA minn Dun Pawl Sciberras
Tajjeb li qabel nagħti tweġiba għad-domanda tiegħek, għall-benefiċju tal-qarrejja ġenerali, nagħti tifsira tal-kelma dewterokanoniċi. Il-kelma kanoniċi, ġejja mill-Ġrieg kanon mil-Lhudi qaneh, li tfisser qasba (kanna) tal-kejl u tfisser virga li tkejjel biha. Fis-sens bibliku tfisser il-ġabra jew lista tal-kotba magħrufin u aċċettati mill-Knisja bħal Kotba Ispirati.
Hemm il-kotba msejjħa protokanoniċi li dejjem kienu magħrufin u aċċettati bħala Ispirati. Imbagħad hemm oħrajn magħrufa bħala dewterokanoniċi li f’xi żmien, fost il-Kattoliċi stess (fis-seklu II u III) kien hemm xi dubju dwarhom jekk humiex Ispirati, imma li ġew aċċettati bħala kanoniċi iktar tard. Huma għalhekk imsejħa “dewtero”kanoniċi għax daħlu mat-tieni (dewtero) grupp. Dawn huwa:
Mit-Tesment il-Qadim – Tobija, Ġuditta, Makkabin 1 u 2, Baruk, L-Ittra ta’ Ġeremija, l-Ekkleżjastiku (jew Bin Sirak), u xi siltiet mill-Kotba ta’ Ester u ta’ Danjel.
Mit-Testment il-Ġdid – L-Ittra lil-Lhud, l-Ittra ta’ Ġakbu, It- Ittra ta’ Pietru , It-2 u 3 Ittra ta’ Ġwanni, l-Ittra ta’ Ġuda, u l-Apokalissa ta’ San Ġwann.
Bid-definizzjoni tal-Konċilju ta’ Trentu (1546) dawn kienu ġew aċċettati wkoll fil-lista ta’ Kotba Ispirati. Imma dawk li ġew aċċettati bħala kanoniċi wara l-oħrajn fit-Testment il-Ġdid ġew aċċettati fil-kanoni tal-Bibbja Protestanta (flimkien mal-Kanoni iqsar Lhudi għall-kotba tat-Testment il-Qadim). Il-kotba dewterokanoniċi tat-Testment il-Qadim ma ġewx aċċettati mill-Protestanti u baqgħu magħrufa bħala Apokrifi (“moħbija”). Din hi r-raġuni għaliex il-Bibbji Protestanti huma iqsar minn dawk Kattoliċi.
Il-moviment ekumeniku wassal liż-żewġ kurrenti biex jippublikaw flimkien Bibbji Interkonfessjonali, fejn il-kotba tal-Bibbja meqjusa Apokrifi mill-Protestanti jiġi publikati għalihom bejn it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid. (17 ta’ April 2015)