Miftuħin għas-sorpriżi

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta 28 ta’ April 2015. Omelija tal-Papa Franġisku fid-Dar Santa Marta.

Nitolbu lill-Mulej “il-grazzja li meta l-Ispirtu, biċ-ċertzza tiegħu, jgħidli biex nagħmel pass ‘il quddiem, ma nibżax”. U nitolbu “biex ikollna l-kuraġġ appostoliku li nwasslu l-ħajja u sabiex il-ħajja nisranija tagħna ma nirridiċuhiex f’mużew tat-tifkiriet”

Din kienet ir-rakkomandazzjoni doppja li biha l-Papa temm l-omelija tal-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta dalgħodu.

F’kumment dwar il-qari tal-ġurnata, il-Qdusija Tiegħu tefa’ ħarstu l-aktar fuq l-ewwel qari meħud mill-Atti tal-Appostli (11, 19-26) li fih – fakkar Franġisku – naqraw li “wara l-ewwel żmien ta’ ferħ wara l-miġja tal-Ispirtu s-Santu, fil-Knisja kien hemm waqtiet sbieħ iżda wkoll ħafna problemi”. Waħda minn dawn kienet il-fatt li “xi wħud kienu jipprietkaw il-Vanġelu lill-Griegi, lill-pagani, li min ma kienx Lhudi”. Infatti, spjega Franġisku, “dan kien stramb ħafna, kien donnu xi duttrina ġdida”.

Wara kollox, innota l-Papa, diġa kien hemm l-episodju ta’ Pietru fid-dar ta’ Kornelju, li kien qajjem skandlu: “Imma int mort hemmhekk, f’dar pagana! Inti miniġġes” – hekk kienu ċanfruh.

Issa kienet qed tiġri xi ħaġa l-istess: “wara l-persekuzzjoni, wara l-martijru ta’ Stiefnu” id-dixxipli kienu tferrxu u f’Ġerusalemm kien baqa’ biss l-appostli. Uħud minn dawk id-dixxipli kienu waslu sa Antjokja fejn bdew jipprietkaw fis-sinagogi, lill-Lhud. Iżda oħrajn, li kienu ġejjin minn Ċipru u minn Ċirene, bdew jitkellmu wkoll mal-Griegi biex iħabbru li Ġesù hu l-Mulej: “ U l-id tal-Mulej kienet magħhom u b’hekk għadd kbir emmnu u kkonvertew”.

Għalhekk, meta din l-aħbar waslet f’widnejn il-Knisja ta’ Ġerusalemm, inqala’ l-inkwiet. Sal-punt li l-appostli bagħtu “speċi ta’ żjara kanonika” u lil Barnaba qalulu: “mur, żurhom, imbagħad naraw x’għandu jsir”. Iżda meta Barnaba wasal u ra dik il-grazzja t’Alla kollha, ħassu hieni u reġġa’ lura l-kalma u l-paċi fil-Knsija ta’ Ġerusalemm.

Għall-Papa, l-episodju rakkuntat fl-Atti qiegħed jipproponi “novitajiet” ġodda li “invadew dik il-mentalità”, li skontha Ġesù kien ġie biex islava lill-poplu tiegħu, il-poplu magħżul minn Alla, biss. Mentalità li kien għad ma kellhiex ħila tifhem kif popli oħra kienu jiffurmaw parti mill-pjan tas-salvazzjoni divina.

Iżda, wissa l-Papa billi kkowta l-Ktieb ta’ Iżaija, dan kien diġà jinsab fil-profeziji. Iżda huma ma kienux qed jifhmu. Ma kienux qed jifhmu li Alla huwa Alla tan-noviatjiet: “Jien inġedded kollox”, jgħidilna; ma kienux qed jifhmu li kien propju għalhekk li ġie l-Ispirtu s-Santu, biex iġeddidna u biex jaħdem fina bla heda ħalli jġeddidna. Anzi, afferma Franġisku “dan ibażża”. Fl-istorja tal-Knisja nistgħu naraw kemm minn dak iż-żmien sal-lum qanqlu biżgħat is-sorpriżi tal-Ispirtu s-Santu. Huwa Alla tas-sorpriżi”.

U lil min irid joġġezzjona: “Imma, padre, hemm novitajiet u novitajiet! Xi novitajiet jidhru li huma minn Alla, oħrajn le”, Franġisku wieġeb bi kliem Pietru lill-aħwa ta’ Ġerusalemm, meta kien imċanfar għax kien daħal fid-dar ta’ Kornelju: “Meta jiena rajt li lilhom ingħata dak li rċevejna aħna, min jien jien biex inċaħħdilhom il-magħmudija?”
Hi l-istess idea li nsibu fis-silta tal-liturġija tal-ġurnata dwar Barnaba, li hu meqjus bħala “bniedem ta’ ġieħ” u “mimli bl-Ispirtu s-Santu”. L-Ispirtu s-Santu jinsab fihom it-tnejn, u jurihom il-verità, ħaġa li ma nistgħux nagħmluha waħedna. Ma nistgħux naslu għaliha bl-inteliġenza tagħna biss, tenna l-Papa filwaqt li spjega: “Nistgħu nistudjaw l-istorja kollha tas-salvazzjoni, nistgħu nistudjaw it-teoloġija kollha, imma mingħajr l-Ispirtu s-Santu ma nistgħux nifhmu. Hu propju l-Ispirtu li jfehemna l-verità – jew, bi kliem Ġesù – hu l-Ispirtu li jgħarrafna leħen Ġesù: “In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni u jiena nagħrafhom u huma jimxu warajja”.

Kollox ma’ kollox għal Franġisku “il-mixja ‘l quddiem tal-Knisja hi opra tal-Ispirtu s-Santu. Huwa Hu li jaħdem”. L-istess, Ġesù qal lill-appostli: “Jien se nibgħatilkom ir-rigal tal-Missier u hu jfakkarkom u jgħallimkom”. Kif? Billi jerġa’ jfakkarhom dak li qal Ġesù u jfakkarhom fil-profeziji: Għalhekk, fl-ewwel diskorsi, anki f’dak ta’ Stiefnu, hemm il-qari mill-ġdid – iċċara l-Qdusija Tiegħu – tal-profeziji kollha. Hija opra tal-Ispirtu s-Santu, li jfakkar l-istorja fid-dawl ta’ Ġesù Rxoxt” “u Hu jurikom it-triq”. U dwar dan il-Papa ssuġġerixxa wkoll kif nagħmlu biex inkunu ċerti li l-leħen li qed nisimgħu hu dak ta’ Ġesù u li dak kollu li nħossu li għandna nagħmlu jkun ġej mill-ħidma tal-Ispirtu s-Santu. Jeħtieġ nitolbu, tenna l-Papa. Mingħajr it-talb ma nagħmlux il-wisa’ għall-Ispirtu s-Santu. Jeħtieġ nitolbu lil Alla li jibgħatilna dan id-don: “Mulej, tina l-Ispirtu s-Santu ħallli nkunu nistgħu niddixxernu f’kull żmien dak li għandna nagħmlu”.

Mela noqgħodu attenti li dan “ma jfissirx li nirrepetu dejjem l-istess ħaġa. Il-messaġġ hu l-istess: imma l-Knisja tibqa’ miexja ‘l quddiem, il-Knisja timxi ‘l quddiem b’dawn is-sorpriżi, b’dawn in-novitajiet tal-Ispirtu s-Santu”.

Għaldaqstant jeħtieġ niddixxernu dawn is-sinjali u biex nagħrfuhom hemm bżonn nitolbu, nitolbu dil-grazzja. Kif għamlu Barnaba li kien “mimli bl-Ispirtu s-Santu u fehem mill-ewwel”, u Pietru, li “ra u qal: Imma min jien jien biex inċaħħadhom mil-magħmudija?” Infatti, huwa l-Ispirtu s-Santu li “ma jħalliniex niżbaljaw”.

F’dal-każ ukoll il-Papa wera li jifhem li jkun hemm min joġġezzjona għall-mod kif qed jirraġuna: “Imma, padre, għalfejn noħolqu dal-problemi kollha? Nagħmlu l-affarijiet kif dejjem għamilniehom, b’hekk inkunu aktar ċerti!” U t-tewġiba tal-Papa hi li din l-ipotesi tista’ tkun “alternattiva”, iżda alternattiva sterili, alternattiva “tal-mewt”. Filwaqt li ferm aħjar, temm Franġisku, li tirriskja bit-talb, bl-umiltà u taċċetta dak li l-Ispirtu qed jitlobna nibdlu skont iż-żmien li qed ngħejxu fih: din hija t-triq.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija

 

Leave a Reply

%d bloggers like this: